STUDJU 41
Jinftiehem Minn Oħrajn
META titkellem, agħmel iktar milli taqsam informazzjoni. Stinka biex dak li tgħid ikun jinftiehem minn dawk li jisimgħuk. Dan jistaʼ jgħinek tikkomunika b’mod effettiv, sew jekk qed tkellem lill-kongregazzjoni u sew jekk lil nies li mhumiex Xhieda.
Hemm ħafna aspetti għal diskors li jinftiehem. Xi ftit minnhom huma kunsidrati fi Studju 26, “Żvilupp Loġiku tal-Materjal,” u oħrajn fi Studju 30, “Interess Muri fil-Persuna l-Oħra.” F’dan l-istudju se niddiskutu ftit punti oħrajn.
Kliem Sempliċi, Stil Sempliċi. Kliem sempliċi u sentenzi qosra huma għodod qawwijin taʼ komunikazzjoni. Il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja taʼ Ġesù hija eżempju mill-aqwa taʼ taħdita li tistaʼ tiġi mifhuma min-nies, huma min huma jew jgħixu fejn jgħixu. L-ideat jistgħu jkunu ġodda għalihom. Madankollu, huma jistgħu jifhmu x’qal Ġesù minħabba li hu ttratta kwistjonijiet li jinteressaw lilna lkoll: kif inkunu henjin, kif intejbu r-relazzjonijiet maʼ oħrajn, kif inkampaw mal-ansjetà, u kif ikollna ħajja sinifikanti. U hu esprima l-ħsibijiet tiegħu b’lingwaġġ realistiku. (Mt., kap. 5-7) M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja tipprovdi ħafna eżempji taʼ varjetà fit-tul u fl-istruttura tas-sentenzi. L-iskop ewlieni tiegħek għandu jkun li tesprimi l-ħsibijiet b’mod ċar u li jinftiehem.
Anki meta tiddiskuti materjal profond, is-sempliċità tal-istil tistaʼ tgħin biex ikun iktar faċli li jinftiehem. Kif tistaʼ tikseb is-sempliċità? Tgħabbix l-udjenza b’dettalji bla bżonn. Organizza l-materjal tiegħek sabiex il-punti prinċipali jkunu kompluti. Agħżel l-iskritturi prinċipali bir-reqqa. Minflok ma tgħaġġel minn vers għal ieħor, aqrahom u ddiskutihom. Tħallix li ħafna kliem iċajparlek ħsieb tajjeb.
Meta tikkonduċi studju tal-Bibbja fid-dar, applika dawn l-istess prinċipji. Tipprovax tispjega d-dettalji kollha. Għin lill-istudent jifhem ċar l-ideat prinċipali. Iktar tard, fl-istudju persunali u fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, hu jistaʼ jitgħallem id-dettalji kollha.
Sabiex tippreżenta l-materjal b’mod sempliċi, jeħtieġ preparazzjoni tajba. Biex tfiehem is-suġġett lil ħaddieħor l-ewwel trid tifhmu int. Meta verament tifhem xi ħaġa, tkun kapaċi tagħti raġunijiet għala hi hekk. Tkun tistaʼ wkoll tesprimiha fi kliemek stess.
Spjega l-Kliem Mhux Familjari. Kultant ikun meħtieġ li tispjega t-tifsira tal-kliem li l-udjenza mhix midħla tiegħu biex hekk tagħmel l-affarijiet jinftiehmu. Tistenniex li l-udjenza tiegħek se tkun taf kollox, imma tittrattahiex bħallikieku ma taf xejn. Minħabba l-istudju tiegħek tal-Bibbja, forsi tuża xi kliem li jinstemaʼ stramb għal nies oħrajn. Mingħajr ftit spjegazzjoni, dawk li ma jassoċjawx max-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex se jifhmu li l-“fdal,” “l-ilsir leali u għaqli,” in-“nagħaġ oħrajn,” u l-“folla l-kbira,” jidentifikaw gruppi speċifiċi taʼ nies. (Rum. 11:5; Mt. 24:45; Ġw. 10:16; Riv. 7:9) B’mod simili, jekk individwu ma jkunx familjari mal-organizzazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova, hu x’aktarx li mhux se jifhem xi jfisser kliem bħal “pubblikatur,” “pijunier,” “indokratur tas-circuit,” u “Tifkira.”
Xi espressjonijiet Bibliċi li jintużaw spiss anki minn uħud li mhumiex Xhieda jistaʼ jkollhom bżonn xi ftit spjegazzjoni. Għal ħafna nies, “Armageddon” tfisser olokawst nukleari. Jistgħu jorbtu s-“Saltna t’Alla” maʼ kundizzjoni fil-qalb taʼ persuna jew mal-ġenna iżda mhux maʼ gvern. Ir-referenza għar-“ruħ” tistaʼ tqanqal ħsibijiet tal-hekk imsejħa parti spiritwali tal-bnedmin li tibqaʼ tgħix wara l-mewt tal-ġisem. Skont dak li ġew mgħallmin miljuni taʼ nies, “l-ispirtu qaddis” huwa persuna, parti minn Trinità. Minħabba li ħafna nies abbandunaw il-livelli morali tal-Bibbja, jistgħu saħansitra jkollhom bżonn l-għajnuna biex jifhmu dak li l-Bibbja tfisser meta tgħid: “Aħarbu miż-żína.”—1 Kor. 6:18.
Sakemm in-nies ma jkunux qarrejja regulari tal-Bibbja, huma jistgħu ma jifhmukx jekk sempliċement tgħid, “Pawlu kiteb . . . ” jew “Luqa qal . . . ” Huma forsi għandhom ħbieb jew ġirien b’dawn l-ismijiet. Forsi jkollok bżonn iżżid xi spjegazzjoni biex tidentifika l-persuna bħala appostlu Kristjan jew kittieb tal-Bibbja.
L-udjenzi taʼ żmienna spiss ikollhom bżonn l-għajnuna biex jifhmu l-iskritturi li jinkludu l-qisien jew id-drawwiet taż-żminijiet tal-qedem. Pereżempju, l-istqarrija li l-arka taʼ Noè kienet twila 300 kubitu, wiesgħa 50 kubitu, u għolja 30 kubitu tistaʼ tfisser ftit li xejn għalihom. (Ġen. 6:15) Iżda kieku kellek tiddeskrivi dawn l-istess qisien billi tqabbilhom maʼ xi bini lokali li huwa familjari, l-udjenza tiegħek mill-ewwel iġġib quddiem għajnejha l-qies tal-arka.
Agħti l-Ispjegazzjoni Meħtieġa. Sabiex tagħmel kwistjoni ċara għall-udjenza tiegħek, jistaʼ jkun meħtieġ iktar mid-definizzjoni korretta taʼ ċertu kliem. F’Ġerusalemm fi żmien Esdra, wara l-qari tal-Liġi kien ikun hemm spjegazzjoni. Sabiex jgħinu lin-nies jifhmu t-tifsir tal-Liġi, il-Leviti pprovdew interpretazzjoni kif ukoll applikazzjoni tagħha għaċ-ċirkustanzi li n-nies kienu qed jiffaċċjaw dak iż-żmien. (Neħ. 8:8, 12) B’mod simili, ħu l-ħin biex tispjega u tapplika l-iskritturi li taqra.
Wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu, Ġesù spjega lid-dixxipli tiegħu li dak li kien għadu kemm seħħ kien bi twettiq tal-Iskrittura. Ukoll hu enfasizza r-responsabbiltà tagħhom bħala xhieda taʼ dawn l-affarijiet. (Lq. 24:44-48) Meta tgħin lin-nies jaraw kif dak li tgħallmu għandu jeffettwa ħajjithom stess, se jifhmu iktar malajr xi jfisser verament.
Kif il-Qalb Hi Involuta. M’għandniex xi ngħidu, anki jekk l-ispjegazzjonijiet tiegħek ikunu ċari, fatturi oħrajn jistgħu jinfluwenzaw jekk il-persuna l-oħra tifhimx jew le. Qalb li ma titqanqalx ma tħallix lil individwu jieħu s-sens taʼ dak li jintqal. (Mt. 13:13-15) Għal dawk li huma determinati li jaraw l-affarijiet strettament minn ħarsa fiżika, l-affarijiet spiritwali jkunu bluha għalihom. (1 Kor. 2:14) Meta persuna turi spirtu bħal dan, jistaʼ jkun għaqli li sempliċement ittemm id-diskussjoni—għallinqas għal din id-darba.
Madankollu, f’xi każi t-tagħlim ma jinżilx fil-qalb minħabba ċ-ċirkustanzi ebsin fil-ħajja. Il-qalb taʼ individwu tistaʼ titqanqal meta hu jingħata opportunità li jismaʼ l-verità tal-Bibbja għal perijodu taʼ żmien. Meta Ġesù qal lill-appostli tiegħu li kien se jiġi msawwat u jingħata l-mewt, huma ma fehmux. Għala le? Ma kienx dak li kienu qed jistennew u żgur li mhux dak li riedu! (Lq. 18:31-34) Madankollu, maż-żmien, 11 minn dawn l-appostli fehmu, u dan urewh billi aġixxew fi qbil maʼ dak li għallimhom Ġesù.
L-Effett taʼ Eżempju mill-Aħjar. In-nies ma jiġux megħjunin jifhmu biss bi kliemna iżda wkoll bl-azzjonijiet tagħna. Rigward l-ewwel żjara tagħhom f’Sala tas-Saltna, ħafna nies jgħidu li jiftakru l-imħabba li ntweriet u mhux dak li ntqal. B’mod simili, il-ferħ li nuru għen ħafna inkwilini biex jaċċettaw il-verità tal-Bibbja. Meta raw il-qalb tajba bl-imħabba murija min-nies taʼ Ġeħova lejn xulxin u l-konsiderazzjoni b’qalb tajba għal oħrajn meta jiffaċċjaw l-għawġ, xi wħud ikkonkludew li x-Xhieda għandhom ir-reliġjon vera. Mela, hekk kif tistinka biex tgħin lin-nies jifhmu l-verità tal-Bibbja, aħseb dwar il-mod kif tispjegaha u l-eżempju tiegħek.