LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 9/1 pp. 19-22
  • Faħħar lil Jehovah “f’Nofs il-Kongregazzjoni”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Faħħar lil Jehovah “f’Nofs il-Kongregazzjoni”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nistqarru Pubblikament
  • Suġġerimenti għal Titjib
  • L-​Irwol taʼ Dawk li Jikkonduċu l-​Laqgħat
  • Il-​Kummenti Huma Privileġġ
  • Ninkuraġġixxu lil Xulxin fil-Laqgħat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Faħħar lil Ġeħova fil-kongregazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Ibnu lil Xulxin Billi Tikkummentaw fil-Laqgħat
    Il-Ministeru tas-Saltna—1998
  • Kif tagħmel kummenti tajbin
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 9/1 pp. 19-22

Faħħar lil Jehovah “f’Nofs il-​Kongregazzjoni”

IL-​LAQGĦAT Kristjani huma provvediment li Jehovah għamel biex iżomm lill-​poplu tiegħu f’saħħtu. Meta nattendu l-​laqgħat regolarment, aħna nkunu qed nuru l-​apprezzament tagħna għall-​provvedimenti taʼ Jehovah. Iktar minn hekk, inkunu nistgħu “nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb,” li huwa mod importanti taʼ kif nuru limħabba lejn xulxin. (Lhud 10:24; Ġwanni 13:35) Mela kif nistgħu nħajru lil ħutna fil-​laqgħat?

Nistqarru Pubblikament

Is-​Sultan David kiteb dwaru nnifsu: “Se niddikjara ismek lil ħuti; f’nofs il-​kongregazzjoni se nfaħħrek. Minnek it-​tifħir tiegħi se jkun fil-​kongregazzjoni l-​kbira.” “Jien se nfaħħrek fil-​kongregazzjoni l-​kbira; fost poplu numeruż se nfaħħrek.” “Jien għedt l-​aħbar tajba tal-​ġustizzja fil-​kongregazzjoni l-​kbira. Ara! Xofftejja ma rrażżanhomx.”—Salm 22:​22, 25, NW; 35:​18, NW; 40:​9, NW.

Fi żmien l-​appostlu Pawlu, meta l-​Kristjani kienu jinġabru għall-​qima, bl-​istess mod huma kienu jistqarru l-​fidi tagħhom f’Jehovah u jitkellmu dwar il-​glorja tiegħu. B’dan il-​mod, huma inkuraġġew lil xulxin u ħajru ’l xulxin għall-​imħabba u għal għemejjel tajba. Fi żmienna, ħafna sekli wara David u anki Pawlu, aħna verament qed naraw “li qiegħed joqrob il-​Jum [taʼ Jehovah].” (Lhud 10:​24, 25) Is-​sistema dinjija taʼ Satana tinsab nieżla lejn il-​qerda, u l-​problemi jkomplu jiżdiedu. Issa, iktar minn qatt qabel ‘neħtieġu s-​sabar.’ (Lhud 10:36) Min jistaʼ jinkuraġġina biex nissaportu jekk mhux ħutna?

Illum, bħal fiż-​żminijiet l-​imgħoddija, individwi li jemmnu qed ikollhom l-​opportunità biex jesprimu l-​fidi tagħhom “f’nofs il-​kongregazzjoni.” Opportunità waħda li hija miftuħa għal kulħadd hija dik li jsiru kummenti bi tweġiba għall-​mistoqsijiet li jsiru lill-​udjenza fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Qatt m’għandna nċekknu kemm ġid jistaʼ joħroġ minn dan. Per eżempju, il-​kummenti li juru kif tegħleb jew tevita l-​problemi jsaħħu d-​determinazzjoni taʼ ħutna biex isegwu l-​prinċipji tal-​Bibbja. Meta fil-​kummenti nispjegaw l-​iskritturi li jiġu msemmijin biss u ma jkunux kwotati, jew ninkludu xi ħsibijiet mislutin minn riċerka persunali, inkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn biex jiżviluppaw drawwiet taʼ studju aħjar.

Il-fatt li nkunu nafu li kemm aħna kif ukoll oħrajn se nibbenefikaw jekk nikkummentaw fil-​laqgħat għandu jqanqal lix-​Xhieda taʼ Jehovah kollha biex jegħlbu l-​mistħija jew il-​biżaʼ. Huwa importanti b’mod speċjali li l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jikkummentaw fil-​laqgħat, ladarba huma mistennijin li jkunu minn taʼ quddiem biex jattendu u jipparteċipaw fil-​laqgħat. Iżda, wieħed kif jistaʼ jitjieb jekk isib li ċertu aspett partikulari mill-​attività Kristjana tiegħu huwa taʼ sfida?

Suġġerimenti għal Titjib

Ftakar li dan jinvolvi l-​qima lejn Jehovah. Waħda oħt Kristjana li tgħix il-​Ġermanja tispjega dwar kif hi tħares lejn il-​kummenti tagħha. “Dawn huma r-​risposta persunali tiegħi għall-​isforzi taʼ Satana biex iżomm lura lin-​nies t’Alla milli jesprimu l-​fidi tagħhom.” Wieħed ħu li m’ilux li tgħammed u li qiegħed fl-​istess kongregazzjoni jgħid: “Jien tgħidx kemm nitlob sabiex nikkummenta.”

Ipprepara tajjeb. Jekk ma tippreparax il-​materjal minn qabel, se ssibha diffiċli biex tikkummenta u l-​kummenti tiegħek m’humiex se jkunu daqshekk effettivi. Suġġerimenti dwar kif nikkummentaw fil-​laqgħat insibuhom fil-​ktieb Benefit From Theocratic Ministry School Education, paġna 70.a

Agħmel mira li mill-​inqas twieġeb darba f’kull laqgħa. Dan ifisser li tipprepara diversi tweġibiet, ladarba iktar ma tgħolli idek, iktar ikun hemm ċans li dak il-​ħu li jkun qed jikkonduċi jarak. Forsi tkun tixtieq tgħidlu minn qabel liema mistoqsijiet tkun preparat li twieġeb. Dan ikun verament t’għajnuna jekk int għadek ġdid. Ladarba tistaʼ ssibha bi tqila biex tgħolli idek meta tkun “fil-​kongregazzjoni l-​kbira,” meta tkun taf li dan huwa l-​paragrafu tiegħek u li dak li jkun qed jikkonduċi l-​laqgħa jkun qed ifittex biex jara tgħollix idek, tiġi inkuraġġit biex twieġeb.

Ikkummenta fil-​bidu. Biċċa xogħol diffiċli ma ssirx eħfef jekk titħalla għal iktar tard. Tistaʼ ssibha iktar faċli jekk tikkummenta fil-​bidu tal-​laqgħa. Lanqas tobsor kemm huwa iktar faċli li tikkummenta t-​tieni jew it-​tielet darba meta jkun irnexxielek tirbaħ id-​diffikultà li tagħmel l-​ewwel kumment.

Sib post tajjeb. Xi wħud isibuha iktar faċli li jikkummentaw meta jpoġġu fuq in-​naħa taʼ quddiem tas-​Sala tas-​Saltna. Ikun hemm inqas xi jfixkel, u dak li jkun qed jikkonduċi jkollu iktar ċans li jarahom. Jekk tagħmel hekk, ftakar biex titkellem b’mod li jisimgħek kulħadd, speċjalment jekk fil-​kongregazzjoni ma jintużawx mikrofoni.

Ismaʼ b’attenzjoni. Dan se jgħinek biex ma tirrepetix xi ħaġa li jkun għadu kif qal xi ħadd ieħor. Il-​kummenti taʼ l-​oħrajn jistgħu wkoll ifakkruk f’xi skrittura jew punt li jistaʼ jiftaħ iktar fuq il-​punt li jkun issemma. Kultant, esperjenza qasira tistaʼ tfisser il-​punt li jkun qed jiġi diskuss. Kummenti bħal dawn huma verament t’għajnuna.

Tgħallem wieġeb fi kliemek. Il-​fatt li taqra l-​kumment mill-​materjal taʼ l-​istudju jistaʼ juri li int tkun sibt it-​tweġiba t-​tajba, u dan jistaʼ jkun mod tajjeb biex jgħinek tibda tikkummenta. Imma li tibda twieġeb fi kliemek juri li int fhimt il-​punt. M’hemmx bżonn li tikkwota dak li hemm fil-​pubblikazzjonijiet tagħna kelma b’kelma. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma joqogħdux sempliċement jirrepetu dak li jkun hemm miktub fil-​pubblikazzjonijiet tagħhom.

Toħroġx mis-​suġġett. Kummenti li m’għandhomx x’jaqsmu mas-​suġġett jew li jdawru l-​attenzjoni mill-​ħsibijiet prinċipali m’humiex addattati. Dan ifisser li l-​kummenti tiegħek iridu jkunu jaqblu mas-​suġġett li jkun qed jiġi diskuss. B’hekk, dawn se jikkontribwixxu għal diskussjoni spiritwali inkuraġġanti dwar it-​tema li tkun qed tiġi diskussa.

Agħmel mira li tinkuraġġixxi. Ladarba waħda mir-​raġunijiet sinifikanti għala nikkummentaw hija biex ninkuraġġixxu lil oħrajn, irridu nipprovaw nevitaw li ngħidu affarijiet li jistgħu jiskuraġġuhom. Barra minn hekk, tikkumentax dwar il-​paragrafu kollu b’mod li jkun fadal ftit jew xejn għall-​oħrajn x’jgħidu. Tweġibiet twal jew komplikati għandhom ħabta ma jkunux ċari. Tweġibiet qosra li jkunu magħmula minn ftit kliem biss jistgħu jkunu effettivi ħafna, u jinkuraġġixxu lil uħud ġodda biex jagħtu kummenti qosra.

L-​Irwol taʼ Dawk li Jikkonduċu l-​Laqgħat

Fejn jidħol l-​inkuraġġiment, il-​ħu li jkun qed jikkonduċi għandu responsabbiltà kbira. Hu juri interess sinċier f’kull kumment li jingħata billi jismaʼ b’attenzjoni u billi bl-​edukazzjoni kollha jħares lejn dak li jkun qed jikkummenta minflok ma jkun moħħu f’xi ħaġa oħra. Kemm ma jkunx xieraq li kieku ma joqgħodx jismaʼ b’attenzjoni u wara, bla ma jkun hemm bżonn, jirrepeti dak li jkun għadu kemm intqal jew inkella jistaqsi xi mistoqsija li tkun diġà twieġbet!

Ikun ukoll taʼ skuraġġiment jekk dak li jikkonduċi jirrepeti xi kumment li jkun għadu kemm sar fi kliem kemxejn differenti, qisu biex jagħti x’jifhem li dak il-​kumment ma kienx biżżejjed. Mill-​banda l-​oħra, kemm ikun inkuraġġanti meta l-​kummenti jikkontribwixxu għal iktar diskussjoni dwar xi punt sinifikanti. ‘Dan kif nistgħu napplikawh fil-​kongregazzjoni tagħna?’ jew, ‘Liema skrittura fil-​paragrafu tappoġġa dak li għadu kemm intqal?’ huma t-​tip taʼ mistoqsijiet li jinkuraġġixxu kummenti pożittivi, li tant jagħtu kontribut siewi.

Ovvjament, uħud ġodda jew dawk mistħija b’mod speċjali għandhom jiġu mfaħħrin meta jagħmlu xi kumment. Dan jistaʼ jsir wiċċ imbwiċċ wara l-​istudju sabiex dak li jikkonduċi jevita li jġagħalhom jistħu bla bżonn u biex ikollu l-​opportunità li joffri suġġerimenti fejn ikun hemm bżonn.

F’konversazzjoni normali, persuna li ma tagħtix ċans lil ħaddieħor jitkellem tkun qed ittellef il-​komunikazzjoni. Dawk li jkunu qed jisimgħuha ma jħossux il-​bżonn li jesprimu ruħhom. Ikollhom joqogħdu jisimgħu b’nofs qalb jekk fuq kollox ikunu qed jisimgħu xi ħaġa. L-​istess ħaġa tistaʼ tiġri meta dak li jikkonduċi jieħu d-​diskussjoni f’idejh billi joqgħod jikkummenta spiss. Madankollu, dak li jikkonduċi laqgħa kultant jistaʼ jagħmilha iktar faċli għal dawk fl-​udjenza biex jikkummentaw u jgħinhom jaħsbu fuq is-​suġġett permezz taʼ mistoqsijiet oħra. Mistoqsijiet bħal dawn għandhom jintużaw biss meta jkun hemm verament bżonnhom.

Dak li jkun qed jikkonduċi mhux bilfors se jagħżel lil min ikun għolla idu l-​ewwel. Kieku jagħmel hekk, dawk li jdumu ftit sakemm jaħsbu x’se jgħidu jiġu skuraġġiti. Billi jistenna ftit, hu se jagħti ċans lil min ikun għadu ma kkummentax. Hu se juri wkoll id-​dehen billi ma jqabbadx lil tfal żgħar iwieġbu mistoqsijiet dwar suġġetti li huma ma jkunux kapaċi jifhmu.

Xi ngħidu jekk tingħata tweġiba li mhix korretta? Dak li jkun qed jikkonduċi għandu jevita li jġiegħel lil min ikun ikkummenta jistħi. Anki jekk il-​kummenti ma jkunux korretti, ħafna drabi jkollhom fihom elementi taʼ verità. Meta dak li jikkonduċi jagħżel bit-​tattika xi ħaġa li tkun korretta, billi jpoġġi l-​mistoqsija b’mod differenti, jew billi jistaqsi xi oħra, hu jkun jistaʼ jirranġa s-​sitwazzjoni mingħajr ma jġiegħel lil ħadd jistħi.

Biex jinkuraġġixxi l-​kummenti, ikun aħjar għal dak li jikkonduċi l-​laqgħa li jevita mistoqsijiet ġenerali bħal, ‘Fadal xi kumment?’ Il-​mistoqsija ‘Min għadu ma kkummentax? Dan hu l-​aħħar ċans!’ tistaʼ ssir b’intenzjoni tajba, imma ma tantx tistaʼ tinkuraġġixxi lil xi ħadd biex jesprimi lilu nnifsu minn qalbu. L-​aħwa m’għandhomx jiġu mġagħlin iħossuhom ħatja għax ma jkunux ikkummentaw iktar kmieni fl-​istudju. Minflok, għandhom jiġu inkuraġġiti biex jaqsmu dak li jafu m’oħrajn għaliex dan huwa turija taʼ mħabba. Iktar minn hekk, wara li dak li jikkonduċi jgħid lil xi ħadd biex iwieġeb, ikun aħjar li ma jgħidx, “Warajh nisimgħu l-​kumment taʼ dak il-​ħu, imbagħad taʼ dik l-​oħt.” Dak li jikkonduċi għandu l-​ewwel jismaʼ l-​kumment imbagħad jara jekk hemmx bżonn taʼ kumment ieħor.

Il-​Kummenti Huma Privileġġ

L-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani hija ħtieġa spiritwali, li tikkummenta fihom huwa privileġġ. Iktar ma nipparteċipaw b’dan il-​mod uniku taʼ kif infaħħru ’l Jehovah “f’nofs il-​kongregazzjoni,” iktar inkunu qed insegwu l-​eżempju taʼ David u nieħdu l-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu bis-​serjetà. Is-​sehem tagħna fil-​laqgħat se jagħti prova li aħna nħobbu lil ħutna u li aħna parti mill-​kongregazzjoni kbira taʼ Jehovah. Fejn iktar trid tkun hekk kif ‘tara li qiegħed joqrob il-​Jum’?—Lhud 10:25.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 20]

Huwa importanti li fil-​laqgħat Kristjani nisimgħu kif ukoll nikkummentaw

[Stampa f’paġna 21]

Dak li jkun qed jikkonduċi juri interess ġenwin fil-​kummenti kollha

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja