It-Tnejn, 27 taʼ Ottubru
“L-irġiel għandhom iħobbu lill-mara tagħhom, bħalma jħobbu lill-ġisem tagħhom stess.”—Efes. 5:28.
Ġeħova jrid li r-raġel iħobb lill-mara tiegħu, jieħu ħsiebha, ikun ħabib tajjeb, u jgħinha tibqaʼ qrib t’Alla. Li taħseb bħal Ġeħova, tirrispetta lin-nisa, u tkun taʼ min jafdak huma kwalitajiet li se jgħinuk tkun raġel miżżewweġ aħjar. Wara li tiżżewweġ tistaʼ ssir missier. X’tistaʼ titgħallem minn Ġeħova biex issir missier tajjeb? (Efes. 6:4) Ġeħova ma żammx lura milli jgħid quddiem oħrajn li jħobb lil Ibnu Ġesù u li ferħan bih. (Mt. 3:17) Jekk ikollok it-tfal, kun ċert li b’mod regolari tgħidilhom li tħobbhom. Faħħarhom spiss għall-affarijiet tajbin li jagħmlu. Missirijiet li jimitaw lil Ġeħova jgħinu lit-tfal tagħhom isiru aħwa maturi. Minn issa, tistaʼ tipprepara biex issir missier tajjeb billi turi lill-familja u lill-aħwa kemm tħobbhom u billi tieħu ħsiebhom. Idra għidilhom li tħobbhom u tapprezzahom.—Ġw. 15:9. w23.12 28-29 ¶17-18
It-Tlieta, 28 taʼ Ottubru
Ġeħova l-wieħed li jagħmlek stabbli.—Is. 33:6, nwt.
Avolja aħna qaddejja leali taʼ Ġeħova, xorta jkollna l-problemi u nimirdu, eżatt bħal nies oħrajn. Barra minn hekk, jistaʼ jkun li nies li huma kontra tagħna jagħmluhielna diffiċli u jittrattawna ħażin. Għalkemm Ġeħova jħallina ngħaddu mill-problemi, hu jwegħedna li se jgħinna. (Is. 41:10) Bl-għajnuna tiegħu, aħna nistgħu nibqgħu ferħanin, nieħdu deċiżjonijiet tajbin, u nibqgħu naqduh anke meta nkunu għaddejjin minn problemi kbar. Ġeħova jwiegħed li se jtina dak li l-Bibbja tgħid li hu “l-paċi t’Alla.” (Flp. 4:6, 7) Din il-paċi tirreferi għall-kalma li ħa nħossu minħabba l-ħbiberija tajba li jkollna maʼ Ġeħova. Din il-paċi “tisboq kull ħsieb,” allura hi isbaħ minn kull ħaġa oħra li nistgħu nimmaġinaw. Pereżempju, ġieli tlabt lil Ġeħova mill-qalb u wara ħassejtek vera kalm? Int ħassejtek hekk għax Ġeħova tak “il-paċi t’Alla.” w24.01 20 ¶2; 21 ¶4
L-Erbgħa, 29 taʼ Ottubru
“Jien se nfaħħar lil Ġeħova; jien se nfaħħar lil ismu l-qaddis b’qalbi kollha.”—Salm 103:1.
Dawk li jħobbu lil Ġeħova jixtiequ jfaħħru lil ismu b’qalbhom kollha. Ir-Re David fehem li meta nfaħħru isem Alla nkunu qed infaħħru lil Ġeħova stess. Meta naħsbu dwar l-isem taʼ Ġeħova, f’moħħna jiġina x’karattru għandu, il-kwalitajiet sbieħ tiegħu, u l-affarijiet sbieħ kollha li għamel. David qies l-isem taʼ Ġeħova bħala qaddis u faħħru. Hu ried jagħmel dan ‘b’qalbu kollha.’ Bl-istess mod, il-Leviti kienu minn taʼ quddiem f’li jfaħħru lil Ġeħova. Huma ammettew li ma kellhomx kliem biżżejjed biex ifaħħru l-isem qaddis taʼ Ġeħova. (Neħ. 9:5) Bla dubju, tifħir mill-qalb bħal dan għamel lil Ġeħova ferħan. w24.02 9 ¶6