Id-Differenza bejn is-Sinjuri u l-Foqra Qegħda Tiżdied
“Sar iktar progress fit-tnaqqis tal-faqar globali f’dawn l-aħħar ħamsin sena milli kien sar f’dawn l-aħħar ħames sekli,” tgħid il-UNDP Today, pubblikazzjoni tal-Programm tal-Ġnus Magħquda għall-Iżvilupp. “Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw naqqsu bin-nofs ir-rati taʼ mwiet fost it-tfal mill-1960 ’l hawn, naqqsu l-malnutrizzjoni b’terz u għollew bi kwart l-għadd taʼ tfal li jmorru l-iskola.” Madankollu, l-istess sors jammetti li minkejja dan il-progress, il-faqar globali “għadu mifrux maʼ kullimkien.”
Saħansitra agħar, l-inġustizzji ġewwa u bejn is-soċjetajiet qed jiżdiedu. “Meta mqabbel maʼ sena ilu,” tgħid Catherine Bertini, id-direttriċi eżekuttiva tal-Programm tal-Ġnus Magħquda għall-Ikel fid-Dinja, “ħafna iktar nies fid-dinja qegħdin isofru mill-malnutrizzjoni u l-ġuħ.” Fil-fatt, illum mat-840 miljun ruħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw il-ġuħ kuljum, ’il fuq sewwa minn elf miljun ruħ m’għandhomx aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb, u kważi elf miljun u nofs iġaħġħuha b’inqas minn dollaru kuljum [38 ċenteżmu]. Mary Robinson, Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet Umani, twissi li “ninsabu fil-periklu li naslu f’punt fejn id-dinja ma tkunx maqsuma bejn stati li qed jiżviluppaw u stati żviluppati, imma bejn [stati] żviluppati żżejjed u dawk li qatt m’huma se jkunu żviluppati.”
Kemm tonfoq kieku l-komunità dinjija tal-lum taʼ sitt elf miljun ruħ sabiex tnaqqas id-differenza bejn is-sinjuri u l-foqra? Inqas milli wieħed jistaʼ jaħseb. Il-ĠM tikkalkula li $9 elef miljun [Lm3,500 miljun] oħra ($1.50 [58 ċenteżmu] għal kull persuna) kull sena jkunu meħtieġa biex jipprovdu sanità u ilma nadif mad-dinja kollha u li $13-il elf miljun [Lm5 elef miljun] oħra (madwar $2.00 [77 ċenteżmu] għal kull persuna) kull sena jkunu meħtieġa biex jiżguraw saħħa bażika u nutriment għal kull persuna fuq l-art. Għalkemm dawn huma ammonti konsiderevoli, donnhom m’huma xejn x’ħin jitqabblu maʼ dak li d-dinja tonfoq fuq servizzi oħra. Biex nagħtu eżempju, f’sena waħda reċenti d-dinja nefqet $435 elf miljun [Lm167 elf miljun] (iktar minn $70 [Lm27] għal kull persuna) fuq ir-reklami u fuq affarijiet militari nefqet $780 elf miljun [Lm300 elf miljun] ($130 [Lm50] għal kull persuna). Biċ-ċar, li titnaqqas id-differenza bejn in-nies li għandhom u dawk li m’għandhomx hija iktar kwistjoni taʼ li jkun hemm prijoritajiet xierqa milli kwistjoni taʼ li jinstabu fondi biżżejjed.