LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/09 pp. 28-30
  • Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Istress fl-Iskola?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-Istress fl-Iskola?
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħames Passi Biex Ikollok Inqas Stress
  • Stress Tajjeb?
  • Kif Nistaʼ Nkampa mal-Istress tal-Iskola?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • L-Istress—Ir-Raġunijiet u l-Effetti Tiegħu
    Stenbaħ!—2005
  • X’Inhu l-Istress?
    Stenbaħ!—2020
  • Bombardjati mill-Istress!
    Stenbaħ!—2005
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2009
g 1/09 pp. 28-30

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Kif Nistaʼ Nkampa maʼ l-​Istress fl-​Iskola?

“L-​istress fl-​iskola ma jonqosx meta tikber—sempliċement jinbidlu r-​raġunijiet għalih.”—James, New Zealand.a

“Tant kelli pressjoni l-​iskola li ħafna drabi kont inħossni rrid nibki u nwerżaq fl-​istess ħin.”—Sharon, l-​Istati Uniti.

TĦOSS int li l-​ġenituri tiegħek sempliċement ma jifhmux kemm għandek stress l-​iskola? Iva, forsi jgħidulek li int m’għandekx xi dejn li trid tħallas lill-​bank, xi familja xi tmantni, jew xi mgħallem x’togħġob. Però, x’aktarx li tħoss li qed tiffaċċja pressjoni fl-​iskola daqskemm qed jiffaċċjaw pressjoni l-​ġenituri tiegħek—jekk mhux iktar.

Anki li sempliċement tmur l-​iskola u tiġi lura jistaʼ jkun stressanti. “Spiss fuq il-​private taʼ l-​iskola kien jinqalaʼ l-​ġlied,” tgħid Tara, li toqgħod l-​Istati Uniti. “Ix-​xufier kien jieqaf, u kulħadd kien ikollu jinżel. Ilkoll kemm aħna konna nispiċċaw nittardjaw b’nofs siegħa jew iktar.”

Jonqos l-​istress hekk kif tasal l-​iskola? Ma tantx! Forsi tħossok bħal dawn l-​uħud li qed jikkummentaw hawn taħt.

◼ Stress li jikkaġunaw l-​għalliema.

“L-​għalliema tiegħi jriduni mmur tajjeb ħafna u nġib l-​aqwa marki possibbli, u jien inħossni taħt pressjoni biex nipprova nogħġobhom.”—Sandra, il-​Fiġi.

“L-​għalliema jisforzaw lill-​istudenti biex imorru tajjeb fl-​iskola, speċjalment jekk xi student ikollu ċerta abbiltà. L-​għalliema jagħmlu ħafna pressjoni fuqna biex nirnexxu.”—April, l-​Istati Uniti.

“Anki jekk għandek miri siewja f’ħajtek, xi għalliema jġegħluk tħossok li ma tiswa għal xejn jekk ma ssegwix il-​miri skolastiċi li huma jaħsbu li għandek issegwi.”—Naomi, l-​Istati Uniti.

Int kif tiġi effettwat mill-​istress li jagħmlulek l-​għalliema?

․․․․․

◼ Stress li jagħmlulek dawk taʼ mparek.

“Fl-​iskola sekondarja, it-​tfal għandhom iktar libertà u huma iktar ribellużi. Jekk ma tagħmilx bħalhom, jarawk antikwat.”—Kevin, l-​Istati Uniti.

“Kuljum niffaċċja t-​tentazzjoni biex ninvolvi ruħi fix-​xorb u s-​sess. Kultant huwa diffiċli li nirreżisti x-​xewqa li nagħmel bħall-​oħrajn.”—Aaron, New Zealand.

“Issa li għandi 12-il sena, l-​iktar ħaġa li tistressani hi l-​pressjoni biex noħroġ maʼ xi ħadd tas-​sess oppost. L-​iskola, kulħadd jgħidli, ‘Kemm se ddum waħdek?’”—Alexandria, l-​Istati Uniti.

“Saritli pressjoni biex noħroġ maʼ ġuvni. Meta rrifjutajt, ġejt ittimbrata bħala lesbjana. U dan ġara meta kelli għaxar snin biss!”—Christa, l-​Awstralja.

Int kif tiġi effettwat mill-​istress li jagħmlulek dawk taʼ mparek?

․․․․․

◼ Stress dwar kif se jirreaġixxu sħabek tal-​klassi għat-​twemmin reliġjuż tiegħek.

“Huwa diffiċli tgħid lil sħabek tal-​klassi dwar it-​twemmin reliġjuż tiegħek għax ma tkunx ċert x’se jaħsbu dwarek wara. Tibda tinkwieta li se jibdew jaħsbuk stramba.”—Carol, il-​Ħawajj.

“Fl-​iskola sekondarja, it-​tfal huma involuti fid-​drogi, is-​sess, u l-​alkoħol. Dan huwa tassew stressanti għaliex ma tkunx trid li t-​tfal iwaqqgħuk għaċ-​ċajt minħabba li tkun differenti peress li tgħix skond il-​livelli Bibliċi.”—Susan, l-​Istati Uniti.

Int kif tiġi effettwat minn kwistjonijiet li jinvolvu t-​twemmin reliġjuż tiegħek?

․․․․․

◼ Fatturi oħrajn li jikkaġunaw l-​istress. Immarka l-​waħda li teffettwak l-​iktar—jew ikteb int x’jeffettwak l-​iktar.

□ Eżamijiet

□ Ħowmwerk

□ Il-​ġenituri jistennew wisq minnek

□ Tistenna wisq minnek innifsek

□ Bulijiet jew uħud li jagħtuk fastidju sesswalment

□ Affarijiet oħrajn ․․․․․

Ħames Passi Biex Ikollok Inqas Stress

Ngħiduha kif inhi, ma tistax tistenna li fiż-​żmien li tqattaʼ l-​iskola ma ġġarrab ebda stress. Huwa minnu li l-​istress żejjed jistaʼ jdejqek, jew ixebbgħek. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Minħabba l-​uġigħ taʼ qalb hemm spirtu mdejjaq.” (Proverbji 15:13b) M’għandekx għalfejn tħalli l-​istress jippanikjak. Huwa fundamentali li titgħallem tkampa maʼ l-​istress b’mod effettiv.

Il-fatt li wieħed ikampa maʼ l-​istress hu bħal li wieħed jerfaʼ l-​weights. Biex jirnexxilu, min jerfaʼ l-​weights irid ikun preparat sew minn qabel. Hu jrid jerfagħhom kif suppost u jrid jevita li jerfaʼ wisq minnhom. Jekk jieħu dawn il-​passi, hu jibni muskoli b’saħħithom mingħajr ma jagħmel ħsara lil ġismu. Mill-​banda l-​oħra, jekk ma jagħmilx hekk, hu jistaʼ jċarrat xi muskolu jew saħansitra jikser xi għadma.

B’mod simili, int tistaʼ tkampa maʼ l-​istress li tiffaċċja u twettaq b’suċċess dak li għandek bżonn tagħmel mingħajr ma tagħmel ħsara lilek innifsek. Kif? Ħu l-​passi li ġejjin:

1. Identifika l-​kaġuni speċifiċi. Proverbju għaqli jgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Ma tistax tinħeba, jew tipproteġi ruħek, mill-​istress li jdejqek jekk l-​ewwel ma tidentifikax x’qed jikkaġunah. Allura erġaʼ agħti daqqa t’għajn lejn il-​kummenti li ktibt qabel. Liema fattur li jikkaġuna l-​istress jeffettwak l-​iktar?

2. Agħmel riċerka. Per eżempju, jekk ħafna ħowmwerk qed jistressak, fittex is-​suġġerimenti misjubin fl-​artiklu “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Kif Nistaʼ Nsib il-​Ħin Biex Nagħmel il-​Ħowmwerk?” li ġie pubblikat fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Frar, 2004. Jekk tħossok taħt pressjoni biex tieħu sehem f’kondotta sesswali ħażina maʼ xi ħadd tal-​klassi tiegħek, se ssib pariri t’għajnuna fl-​artiklu “Young People Ask—What if I’m Invited to ‘Hook Up’?” (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Xi Ngħidu Jekk Niġi Mistieden Biex Ikolli Relazzjoni Sesswali?) li ġie pubblikat fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! taʼ Marzu, 2007.

3. Ippjana t-​tweġiba tiegħek. Jekk tħossok stressat dwar kif sħabek tal-​klassi se jirreaġixxu meta jsiru jafu dwar it-​twemmin reliġjuż tiegħek, toqgħodx tistenna li xi ħadd jistaqsik dwar dan qabel taħseb x’se tgħid jew kif se tirreaġixxi. (Proverbji 29:25) “Dak li għenni nkampa,” tgħid Kelsey li għandha 18-il sena, “kien li nipprepara qabel ma tinqalaʼ s-​sitwazzjoni. Kont inkun diġà ddeċidejt kif se nispjega t-​twemmin tiegħi.” Aaron li għandu 18-il sena u li hu mill-​Belġju, għamel l-​istess. “Ħsibt minn qabel dwar mistoqsijiet li stajt niffaċċja, u mbagħad ippreparajt tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet,” jgħid hu. “Kieku m’għamiltx hekk, ma kontx nażżarda nitkellem dwar dak li nemmen.”

4. Toqgħodx titnikker. Kważi l-​problemi kollha jibqgħu hemm jekk tinjorahom. Anzi, ġeneralment imorru għall-​agħar u b’hekk iżidulek l-​istress. Per eżempju, jekk int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, il-​fatt li tidentifika lilek innifsek bħala xhud malajr kemm jistaʼ jkun jistaʼ jipproteġik. Marchet, li issa għandha 20 sena, tgħid: “Mill-​bidunett taʼ kull sena skolastika, kont nibda nitkellem dwar xi suġġett li kont naf li se jagħtini ċans nispjega l-​livelli tiegħi bbażati fuq il-​Bibbja. Skoprejt li iktar ma kont indum biex nidentifika lili nnifsi bħala Xhud, iktar kienet issir diffiċli. Sibtha tassew t’għajnuna meta kont ngħid lil oħrajn dwar dak li nemmen u mbagħad kont ngħix fi qbil maʼ dan matul is-​sena.”

5. Itlob l-​għajnuna. Anki l-​iktar individwu b’saħħtu li jerfaʼ l-​weights għandu l-​limiti tiegħu. Int ukoll. Imma m’għandekx għalfejn iġġorr it-​toqol waħdek. (Galatin 6:2) Għala ma titkellimx mal-​ġenituri tiegħek jew maʼ Kristjani maturi oħrajn? Urihom it-​tweġibiet li ktibt qabel f’dan l-​artiklu. Iddiskuti magħhom kif forsi jistgħu jgħinuk tkampa maʼ xi pressjonijiet minn dawn. Liz, fl-​Irlanda, qalet lil missierha dwar il-​biżaʼ tagħha li tiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt minħabba t-​twemmin reliġjuż tagħha. Liz tgħid: “Kuljum, missieri jgħid talba miegħi meta jwassalni l-​iskola. Dan dejjem għenni nħossni fis-​sigurtà.”

Stress Tajjeb?

Għandek mnejn issibha diffiċli li temmen dan, imma fir-​realtà li jkollok ċertu ammont taʼ stress huwa tajjeb. Għala? Jistaʼ jkun indikazzjoni li int persuna ħabrieka u li l-​kuxjenza tiegħek qed taħdem. Innota kif il-​Bibbja tiddeskrivi individwu li jidher li m’għandu l-​ebda stress: “Kemm se ddum hemm ma tagħmel xejn? Meta se tqum u ma tibqax rieqed? Orqod ftit. Ongħos ftit. Orbot idejk u ilgħab b’subgħajk il-​kbar. F’daqqa waħda jitlaq kollox, bħallikieku jkun ittieħed minn ħalliel armat.”—Proverbji 6:9-11, Contemporary English Version.

Heidi, li għandha 16-il sena, tiġbor il-​kwistjoni b’mod tajjeb. Hi tgħid: “Jistaʼ jidher li l-​iskola hi xi post tassew ħażin, imma l-​pressjonijiet li tiffaċċja hemmhekk huma l-​istess bħal dawk li se tiffaċċja meta toħroġ taħdem.” Veru, m’huwiex faċli li tkampa maʼ l-​istress imma jekk tikkontrollah kif suppost m’huwiex se jagħmillek ħsara. Fil-​fatt jistaʼ jsaħħaħlek il-​personalità tiegħek.

Iktar artikli mis-​serje “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq il-​Web site www.watchtower.org/ype

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

AĦSEB DWAR DAN

◼ Liema sintomi jistgħu jindikaw li int stressat?

◼ Il-​fatt li tkun perfezzjonista għala sempliċement iżidlek l-​istress?

◼ Maʼ min tistaʼ titkellem jekk tħossok maħkum mill-​istress?

[Stampa f’paġna 29]

Il-​fatt li tkampa maʼ l-​istress hu bħal meta terfaʼ l-​“weights” —se jsaħħek, jekk tagħmel dan kif suppost

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja