LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 1/09 pp. 10-13
  • Imħabba Iktar Qawwija Minn Uragan!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imħabba Iktar Qawwija Minn Uragan!
  • Stenbaħ!—2009
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Żmien Speċjali f’Ħajti”
  • Deher Emozzjonat
  • ‘Rajna lil Alla Jieħu Ħsieb in-​Nies li Jsofru’
  • “Kburi li Jien Wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova”
  • ‘Il-​Fidi Tagħhom Messitilna Qalbna’
  • Il-qima lil Ġeħova tinkludi li ngħinu lil oħrajn
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • L-Imħabba fl-Azzjoni—Maratona taʼ Xogħol t’Għajnuna
    Stenbaħ!—2002
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jagħtu Għajnuna Meta Jkun Hemm Xi Diżastru?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Xi Ħaġa li Ebda Maltempata Ma Tistaʼ Tkissirha
    Stenbaħ!—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2009
g 1/09 pp. 10-13

Imħabba Iktar Qawwija Minn Uragan!

Meta l-​Uragani Katrina u Rita laqtu l-​Kosta tal-​Golf taʼ l-​Istati Uniti fl-​2005, dawn ikkaġunaw ħsara katastrofika u qatlu ħafna nies. Eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova ġew effettwati.

Bid-​direzzjoni taʼ l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Istati Uniti, il-​kumitati għall-​għajnuna fid-​diżastri bdew jgħinu lin-​nies immedjatament. F’Louisiana, għamlu 13-il ċentru t’għajnuna, 9 minnhom imħażen, u l-​4 l-​oħra mħażen tal-​fuel. Il-​ħidma tagħhom kopriet 80,000 kilometru kwadru. Kważi 17,000 Xhud volontier minn kull parti taʼ l-​Istati Uniti u minn 13-il pajjiż ieħor ġew biex jgħinu f’emerġenzi u fix-​xogħol taʼ bini mill-​ġdid. Ir-​riżultati wrew li l-​imħabba Kristjana hi iktar qawwija mill-​forzi tan-​natura.—1 Korintin 13:1-8.

Il-​volontieri sewwew iktar minn 5,600 dar taʼ sħabhom fit-​twemmin u 90 Sala tas-​Saltna, il-​postijiet fejn jiltaqgħu x-​Xhieda taʼ Ġeħova. Dawn il-​figuri jindikaw li kważi l-​bini kollu li ġarrab ħsara ġie msewwi. Fi qbil maʼ Galatin 6:10, li jħeġġeġ il-​Kristjani biex ‘jagħmlu t-​tajjeb maʼ kulħadd,’ ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għenu wkoll lil għadd taʼ wħud li ma jemmnux.

IS-​SEHEM fix-​xogħol taʼ l-​għajnuna kien jeħtieġ sagrifiċċju persunali; minkejja dan, il-​barkiet kienu ħafna. Ikkunsidra l-​kummenti taʼ sebaʼ Xhieda li ħadu ħsieb diversi aspetti tax-​xogħol.

“Żmien Speċjali f’Ħajti”

Robert: Kien żmien speċjali f’ħajti li naqdi f’kumitat għall-​għajnuna fid-​diżastri. Għandi 67 sena u jien l-​ixjeħ membru tal-​kumitat. Jien qdejt maʼ grupp kbir taʼ volontieri li inkludew ħafna żgħażagħ li jispikkaw u li huma Xhieda spiritwali. Hu tassew inkuraġġanti li tara liż-​żgħażagħ jagħmlu sagrifiċċji persunali bi mħabba għal Ġeħova u għal sħabhom il-​Kristjani!

Marti Veronica kienet t’għajnuna kbira. Sabiex inkunu nistgħu nagħmlu lilna nfusna disponibbli, hi appoġġat id-​deċiżjoni tiegħi li nieqaf mill-​impjieg li kelli għal iktar minn 40 sena. Issa qed naħdmu lejl wieħed fil-​ġimgħa nnaddfu l-​uffiċini. Tgħallimna ngħixu ħajja sempliċi b’inqas flus. L-​ambjent spiritwali li naħdmu fih kabbrilna l-​apprezzament tagħna għal xi jfisser li tagħmel is-​Saltna t’Alla l-​ewwel f’ħajtek. (Mattew 6:33) Kontinwament rajna li Ġeħova jieħu ħsieb sew il-​poplu tiegħu.

Frank: Jien naqdi bħala indokratur fid-​dipartiment tas-​servizz taʼ l-​ikel fiċ-​ċentru taʼ l-​għajnuna tal-​belt taʼ Baton Rouge. Għall-​ewwel, ix-​xogħol tagħna biex nitimgħu l-​volontieri kien jeħtieġ minna li naħdmu bejn 10 u 12-il siegħa kuljum, sebat ijiem fil-​ġimgħa. Imma l-​barkiet kienu ħafna, inkluż il-​barka li rajna personalment il-​qawwa taʼ l-​imħabba Kristjana.

Ħafna volontieri li għenu fis-​servizz taʼ l-​ikel għal xi ġimgħa jew iktar talbu biex jerġgħu jiġu, u permezz taʼ kartolini u telefonati, xi wħud esprimew il-​gratitudni mill-​qalb għall-​privileġġ li kellhom biex jgħinu. Jien u marti Veronica verament ġejna mqanqlin mill-​attitudni tagħhom taʼ sagrifiċċju persunali.

Deher Emozzjonat

Gregory: Jien u marti Kathy, begħna d-​dar tagħna f’Las Vegas, Nevada, u xtrajna vann żgħir kif ukoll karavan li sar id-​dar tagħna. Minħabba li ssimplifikajna ħajjitna stajna nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​għajnuna f’Louisiana għal iktar minn sentejn. Iktar minn qatt qabel f’ħajjitna, qed nesperjenzaw il-​verità tal-​kliem li nsibu fil-​Bibbja f’Malakija 3:10: “‘Għadduni minn prova, jekk jogħġobkom, . . .’ qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘u taraw jekk iniex se niftħilkom bwieb l-​għargħar tas-​smewwiet u nitfaʼ fuqkom xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqoskom xejn iktar.’”

Spiss nitbissmu meta n-​nies jgħidu, “Kemm tagħmlu sagrifiċċji!” għaliex dan ix-​xogħol iġibilna sodisfazzjon. Tletin sena ilu, jien u Kathy, ridna naqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Istati Uniti, imma kellna t-​tfal xi rrabbu. Ix-​xogħol taʼ l-​għajnuna ssodisfalna x-​xewqa tagħna li nagħmlu iktar fis-​servizz t’Alla. Privileġġ ieħor kien li naħdmu mill-​qrib maʼ Xhieda sħabna, li xi wħud minnhom huma tassew professjonali f’xogħolhom. Per eżempju, wieħed mill-​kokijiet kien il-​kok ewlieni taʼ restorant mill-​aqwa, u ieħor kien sajjar għal żewġ presidenti taʼ l-​Istati Uniti.

Għal ħafna volontieri, ix-​xogħol taʼ l-​għajnuna fid-​diżastri kien esperjenza li bidlitilhom ħajjithom. Ħu taʼ 57 sena deher emozzjonat hekk kif iddeskriva x-​xogħol tiegħu mal-​vittmi taʼ l-​uragan. Anki Xhieda li ma setgħux jiġu kienu sors taʼ inkuraġġiment. Per eżempju, żewġ volontieri li xogħolhom hu li jneħħu l-​moffa tawna strixxa drapp twila li tiddendel iffirmata mill-​membri kollha—inkluż it-​tfal—taʼ tliet kongregazzjonijiet fl-​istat tagħhom taʼ Nebraska.

‘Rajna lil Alla Jieħu Ħsieb in-​Nies li Jsofru’

Wendell: L-​għada li laqat l-​Uragan Katrina, irċivejt stedina mill-​fergħa taʼ l-​Istati Uniti biex neżamina l-​ħsara li ġarrbu s-​Swali tas-​Saltna u d-​djar tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Louisiana u Mississippi. Għalhekk, bdejt dak li sar inkarigu u esperjenza li minnhom tgħallimt ħafna. Minħabba li għal 32 sena għexna f’post fejn hemm bżonn kbir taʼ proklamaturi tas-​Saltna, jien u marti Janine konna rajna ċar kemm Ġeħova jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu. Madankollu, issa rajna kemm Alla jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu fuq skala ħafna akbar.

Għandi l-​privileġġ li naqdi bħala chairman fil-​kumitat taʼ l-​għajnuna fil-​belt taʼ Baton Rouge. Għalkemm huwa taʼ sfida, dan l-​inkarigu jagħtini sodisfazzjon kbir ħafna. Tabilħaqq, mijiet taʼ drabi matul l-​isforz li qed isir biex tingħata għajnuna, il-​kumitat tagħna ra lil Alla jsolvi l-​problemi, joħloq opportunitajiet, u jieħu ħsieb in-​nies li jsofru b’tali mod li Missier li Jistaʼ Kollox u kollu mħabba biss jistaʼ jagħmel.

Ħafna staqsew, “Int u martek kif għadkom tistgħu tieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​għajnuna wara iktar minn sentejn?” Mhux dejjem kien faċli. Kellna bżonn nagħmlu ħafna aġġustamenti f’ħajjitna. Imma min-​naħa pożittiva, rajna l-​benefiċċji li jiġu meta żżomm ‘għajnejk sempliċi.’—Mattew 6:22.

Meta għamilna l-​ewwel tfittxijiet tagħna għal dawk li salvaw mid-​diżastru u tajniehom l-​għajnuna fi New Orleans, ftit li xejn konna nistrieħu. Biex tkompli tgħaxxaqha, tistaʼ tgħid li l-​belt kienet taħt liġi marzjali minħabba d-​diżordni li kien hemm u minħabba l-​brutalità li kont tara fit-​toroq. Kien faċli li tħossok ma tiflaħx iktar għall-​ammont kbir taʼ xogħol li kellu bżonn isir.

Iltqajna m’eluf taʼ Xhieda li ġarrbu xi telf. Tlabna magħhom u pprovajna nfarrġuhom. U mbagħad bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, bdejna x-​xogħol. Kultant, inħossni qisni għext żewġ ħajjiet f’dawn is-​sentejn li ilni hawn.

Kemm-il darba, meta naħseb li jien eżawrit fiżikament u emozzjonalment, tasal mewġa ġdida taʼ volontieri—xi wħud għal xi xhur, oħrajn għal perijodu itwal. Minħabba li rajna ħafna wħud ferħanin u lesti li jgħinu, inkluż ħafna żgħażagħ, ġejna msaħħin biex inkomplu.

Spiss, Ġeħova kien daħal għalina. Per eżempju, meta wasalna, skoprejna li waqgħu s-​siġar fuq iktar minn 1,000 dar taʼ ħutna. Peress li ma kellna ebda tagħmir biex inneħħu s-​siġar jew nies li jagħmlu dan ix-​xogħol perikoluż, il-​kumitat tagħna talab dwar il-​kwistjoni. L-​għada stess, ħu bi trakk u bit-​tagħmir speċifiku li kellna bżonn offra li jgħin. F’okkażjoni oħra t-​talb ġie mwieġeb fi 15-il minuta biss, u jerġaʼ f’okkażjoni oħra, it-​tagħmir li tlabna għalih kien fi triqtu qabel m’għedna amen! Iva, Ġeħova ta prova li hu “Semmiegħ it-​talb.”—Salm 65:2.

“Kburi li Jien Wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova”

Matthew: L-​għada li laqat l-​Uragan Katrina, għent biex jiġi organizzat it-​tqassim taʼ 15-il tunnellata ikel, ilma, u affarijiet neċessarji oħrajn li ngħataw bħala donazzjoni biex jitwasslu lejn l-​inħawi milqutin. In-​nies taʼ Ġeħova wrew li huma ġenerużi ħafna.

Biex l-​isforzi tagħna jkunu iktar effettivi, jien u marti Darline, morna noqogħdu f’post li hu sagħtejn ’il bogħod bil-​karozza min-​naħa milquta. Xhud lokali tana xogħol sekulari part-time sabiex b’hekk inkunu nistgħu nqattgħu l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħna nagħtu l-​għajnuna. Xhud ieħor ipprovdielna appartament. Minħabba li nagħmel parti minn fratellanza bħal din, qalbi timtela bl-​apprezzament u nħossni kburi li jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Ted: Ftit wara l-​Uragan Katrina, jien u marti Debbie, offrejna li nagħtu daqqa t’id fix-​xogħol taʼ l-​għajnuna. Fi ftit ġranet, sibt karavan użat twil 9 metri li kien ħafif biżżejjed biex inġorruh bit-​trakk tagħna u li ħallasna għalih nofs il-​prezz tal-​valur stmat—għalhekk stajna naffordjawh u dan kien tweġiba għat-​talb tagħna. Dan il-​karavan ilu jservi bħala d-​dar tagħna għal iktar minn sentejn.

Waqt waqfa li ħadna mix-​xogħol, begħna d-​dar u l-​biċċa l-​kbira mill-​affarijiet li kellna, u dan għamilna liberi għal iktar xogħol fi New Orleans, fejn qed naqdi bħala koordinatur tal-​proġett. L-​iktar ħaġa li spikkat fl-​esperjenza tagħna kienet li nosservaw kif Ġeħova wera li hu “Alla taʼ kull faraġ” għall-​aduraturi tiegħu. Ħafna mhux biss tilfu djarhom u s-​Swali tas-​Saltna imma, minħabba l-​evakwazzjoni, tilfu wkoll il-​kongregazzjonijiet tagħhom u anki t-​territorju kollu fejn kienu jxandru l-​aħbar tajba.—2 Korintin 1:3.

‘Il-​Fidi Tagħhom Messitilna Qalbna’

Justin: F’Ottubru taʼ l-​2005, ħarġet is-​sejħa għal volontieri biex jagħtu l-​għajnuna fid-​diżastru li seħħ fil-​Kosta tal-​Golf. Jien u marti Tiffany mill-​ewwel tfajna l-​applikazzjoni tagħna, u fi Frar taʼ l-​2006 ġejna mistidnin biex nassistu l-​grupp li jsewwi s-​soqfa li jinsab fiċ-​ċentru taʼ l-​għajnuna fid-​diżastri f’Kenner qrib New Orleans.

Kuljum konna naħdmu fuq ċerta dar u niltaqgħu max-​Xhieda lokali, li l-​fidi tagħhom u l-​mod kif jistrieħu fuq Alla messewlna qalbna. U kuljum rajna evidenza konvinċenti li wrietna kemm hu bluha li tafda fl-​affarijiet materjali. Ma nistax niddeskrivi l-​ferħ li nħoss meta nara dak li Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu jwettaq u meta ngħin lill-​Kristjani sħabi.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 12]

Jum f’Ċentru taʼ l-​Għajnuna

Għall-​ħaddiema tal-​kċina fiċ-​ċentru taʼ l-​għajnuna fid-​diżastri, ix-​xogħol jibda madwar l-​4:30 a.m. Fis-​7:00 a.m., il-​grupp kollu taʼ ħaddiema jinġabru fil-​kamra taʼ l-​ikel biex jikkunsidraw għal għaxar minuti vers mill-​Bibbja qabel il-​kolazzjon. Iċ-​chairman jistaʼ wkoll juża din l-​okkażjoni biex jagħti merħba lil uħud ġodda li jkunu għadhom kif waslu u jirrakkonta xi esperjenza reċenti taʼ inkuraġġiment.

Wara talba taʼ ringrazzjament, ilkoll igawdu kolazzjon bnin u mbagħad imorru fuq ix-​xogħol assenjat lilhom. Xi wħud jibqgħu fiċ-​ċentru, forsi biex jaħdmu fl-​uffiċċji, fil-​ħasil tal-​ħwejjeġ, jew fil-​kċina. Il-​kokijiet jippreparaw ikel biex jittieħed barra u li f’nofsinhar jinġabar mir-​rappreżentant taʼ kull grupp taʼ volontieri.

Kull nhar taʼ Tnejn fil-​għaxija, il-​grupp taʼ volontieri jinġabru għal studju tal-​Bibbja bbażat fuq artiklu tar-​rivista t-​Torri taʼ l-​Għassa, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Studji bħal dawn jgħinu lil kulħadd biex jibqaʼ b’saħħtu spiritwalment—dan hu s-​sigriet biex tibqaʼ tissaporti bil-​ferħ u jkollok ħarsa xierqa lejn ix-​xogħol.—Mattew 4:4; 5:3.

[Kaxxa f’paġna 13]

“Kelli Opinjoni Żbaljata Dwarkom”

Mara fi New Orleans kellha tabella fuq il-​bieb tagħha li tgħid: “Xhieda taʼ Ġeħova—Tħabbtux.” U mbagħad jum wieħed, grupp taʼ volontieri bdew jirrestawraw dar li ġarrbet ħsara mill-​uragan, li kienet faċċata tad-​dar tagħha. Jum wara jum bdiet tinnota l-​attitudni dħulija u żeluża tal-​ħaddiema. Il-​kurżità malajr għelbitha, u marret tara x’kienu qegħdin jagħmlu. Meta indunat li l-​volontieri kienu Xhieda taʼ Ġeħova, hi qalet li ħadd mill-​knisja tagħha ma ċemplilha minn mindu laqat l-​uragan. “Ovvjament, kelli opinjoni żbaljata dwarkom,” tgħid hi. Ir-​riżultat? Hi neħħiet it-​tabella, u stiednet lix-​Xhieda biex iżuruha.

[Stampa f’paġna 10, 11]

Robert u Veronica

[Stampa f’paġna 10 11]

Frank u Veronica

[Stampa f’paġna 11]

Gregory u Kathy

[Stampa f’paġna 11]

Wendell u Janine

[Stampa f’paġna 12]

Matthew u Darline

[Stampa f’paġna 12]

Ted u Debbie

[Stampa f’paġna 12]

Justin u Tiffany

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja