STUDJU 38
Introduzzjoni li Tqajjem Interess
L-INTRODUZZJONI hija parti kruċjali minn kwalunkwe taħdita. Jekk verament tqajjem l-interess tal-udjenza tiegħek, se jkunu iżjed inklinati li jisimgħu b’attenzjoni għal dak li tkun se tgħid. Fil-ministeru tal-għalqa, jekk l-introduzzjoni tiegħek tonqos li tqajjem l-interess, forsi ma tkunx tistaʼ tkompli bil-preżentazzjoni tiegħek. Meta tagħti taħdita f’Sala tas-Saltna, l-udjenza mhix se tqum u titlaq ’il barra, iżda xi individwi jistgħu jibdew jaħsbu dwar affarijiet oħrajn jekk ma tkunx ksibt l-attenzjoni tagħhom.
Meta tkun qed tipprepara l-introduzzjoni tiegħek, żomm f’moħħok dawn il-miri: (1) li tikseb l-attenzjoni tal-udjenza tiegħek, (2) li tidentifika b’mod ċar is-suġġett tiegħek, u (3) li turi għala s-suġġett hu importanti għall-udjenza tiegħek. Kultant, dawn it-tliet miri jistgħu jintlaħqu kważi f’daqqa. Madankollu, xi drabi jistgħu jingħataw attenzjoni waħda waħda, u m’hemmx għalfejn ikunu wara xulxin.
Kif Tiġbed l-Attenzjoni tal-Udjenza Tiegħek. Il-fatt li n-nies inġabru biex jisimgħu taħdita ma jfissirx li huma lesti li jagħtu l-attenzjoni sħiħa tagħhom lis-suġġett. Għala le? Ħajjithom hija mimlija b’ħafna affarijiet li jitolbu l-attenzjoni tagħhom. Jistgħu jkunu mħassbin dwar xi problema d-dar jew xi ansjetà oħra fil-ħajja. L-isfida li tiffaċċja bħala kelliemi hi li tikseb u żżomm l-attenzjoni tal-udjenza. Hemm iktar minn mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan.
Waħda mill-iktar taħditiet famużi li qatt ngħataw kienet il-Prietka taʼ fuq il-Muntanja. Kif bdiet? Skont ir-rakkont taʼ Luqa, Ġesù qal: “Henjin intom il-foqra, . . . henjin intom li bħalissa bil-ġuħ, . . . henjin intom li bħalissa tibku, . . . henjin intom kulmeta n-nies jobogħdukom.” (Lq. 6:20-22) Dan għala qajjem l-interess? Fi ftit kliem, Ġesù rrikonoxxa xi ftit mill-problemi serji li s-semmiegħa tiegħu kellhom jiffaċċjaw. Imbagħad, minflok ma ddiskuta l-problemi fit-tul, hu wera li n-nies li kellhom dawn il-problemi xorta setgħu jkunu henjin, u hu għamel dan b’mod li ġiegħel lis-semmiegħa tiegħu jkunu jridu jisimgħu iktar.
Il-mistoqsijiet jistgħu jintużaw b’mod effettiv biex iqajmu l-interess, iżda dawn iridu jkunu adattati. Jekk il-mistoqsijiet tiegħek jindikaw li int sempliċement se titkellem dwar affarijiet li l-udjenza diġà semgħet, l-interess jistaʼ jmajna malajr. Tistaqsix mistoqsijiet li jimbarazzaw lill-udjenza tiegħek jew li jpoġġuhom f’dawl ikrah. Minflok, stinka biex tpoġġi l-mistoqsijiet b’mod li jqanqlu l-ħsieb. Ħu pawsa qasira wara kull mistoqsija sabiex is-semmiegħa tiegħek ikollhom il-ħin iwieġbu f’qalbhom. Meta jħossu li f’moħħhom qed jieħdu sehem fi djalogu miegħek, tkun ksibt l-attenzjoni tagħhom.
L-użu taʼ esperjenza reali hu mod tajjeb ieħor kif tikseb l-attenzjoni. Iżda billi sempliċement tgħid storja tistaʼ ma tilħaqx il-mira tiegħek jekk l-esperjenza tkun imbarazzanti għal xi ħadd fl-udjenza tiegħek. Jekk l-istorja tiegħek tiġi miftakra iżda l-istruzzjoni li tmur magħha tintesa, ma tkunx ilħaqt il-mira tiegħek. Meta tintuża esperjenza fl-introduzzjoni, din għandha tħejji l-pedament għal xi aspett sinifikanti tal-parti prinċipali tat-taħdita tiegħek. Filwaqt li xi dettalji jistgħu jkunu meħtiġin biex tagħmel l-istorja ħajja, oqgħod attent li ma ttawwalx l-esperjenzi bla bżonn.
Xi kelliema jibdew taħdita b’aħbar reċenti, bi kwotazzjoni minn gazzetta lokali, jew bi stqarrija minn awtorità rikonoxxuta. Dawn ukoll jistgħu jkunu effettivi jekk verament ikunu jaqblu mas-suġġett u jkunu adattati għall-udjenza.
Jekk it-taħdita tiegħek hi parti minn serje taʼ taħditiet jew minn Laqgħa tas-Servizz, mela l-aħjar ikun li tagħmel l-introduzzjoni tiegħek qasira u diretta. Jekk se tagħti taħdita pubblika, żomm mal-ħin assenjat għas-sezzjoni tal-introduzzjoni. Hija l-parti prinċipali tat-taħdita li se tgħaddi l-informazzjoni l-iktar taʼ valur għall-udjenza tiegħek.
Kultant tistaʼ ssib ruħek titkellem quddiem udjenza li tkun xettika jew saħansitra ostili. Kif tistaʼ tiġbed l-attenzjoni tagħha? Stiefnu, Kristjan tal-bidu deskritt bħala ‘mimli bl-ispirtu u l-għerf,’ ittieħed bil-forza quddiem is-Sinedriju Lhudi. Hemmhekk hu ddefenda l-Kristjanità b’mod effettiv. Kif beda? Bir-rispett u b’referenza għal xi ħaġa aċċettata minn kulħadd. “Irġiel, aħwa u missirijiet, isimgħu. L-Alla tal-glorja deher lil missierna Abraham.” (Atti 6:3; 7:2) Fl-Arjopagu taʼ Ateni, l-appostlu Pawlu adatta l-introduzzjoni tiegħu għal udjenza differenti ħafna, billi qal: “Irġiel t’Ateni, qed nara li intom f’kollox tidhru iktar devoti lejn l-allat minn nies oħrajn.” (Atti 17:22) B’riżultat tal-introduzzjonijiet effettivi, iż-żewġ udjenzi kienu lesti li jisimgħu iktar.
Meta tkun fis-servizz tal-għalqa, trid ukoll tiġbed l-attenzjoni tan-nies. Jekk iż-żjara tiegħek ma tkunx pjanata minn qabel, l-inkwilin jistaʼ jkollu affarijiet oħrajn x’jagħmel. F’xi partijiet tad-dinja, viżitaturi mhux mistidnin huma mistennijin li jgħidu malajr ir-raġuni għala qed jagħmlu ż-żjara. F’xi partijiet oħrajn, id-drawwa titlob li jiġu osservati ċerti formalitajiet qabel ma tgħid ir-raġuni għaż-żjara tiegħek.—Lq. 10:5.
F’kull każ, li tkun dħuli b’mod ġenwin jistaʼ jgħin biex tinħalaq atmosfera li twassal għal konversazzjoni. Spiss ikun taʼ benefiċċju li tibda b’xi ħaġa li hi konnessa direttament maʼ dak li hemm fil-moħħ tal-persuna. Kif tistaʼ tiddeċiedi x’tuża? Mela, meta avviċinajt il-persuna, kienet qed tieħu sehem f’xi attività? Forsi qed tieħu ħsieb xi għelieqi, jew tnaddaf quddiem id-dar, issewwi xi karozza, issajjar, taħsel il-ħwejjeġ, jew tieħu ħsieb it-tfal. Kien l-individwu qed iħares lejn xi ħaġa—xi gazzetta jew attività fit-triq? Jindika l-ambjent tiegħu interess speċjali fis-sajd, fl-isport, fil-mużika, fl-ivvjaġġar, fil-kompjuters, jew f’xi ħaġa oħra? In-nies spiss ikunu konċernati dwar dak li jkunu semgħu fuq ir-radju jew raw fuq it-televixin dan l-aħħar. Kumment fil-qosor jew mistoqsija dwar kwalunkwe waħda minn dawn l-affarijiet tistaʼ twassal għal konversazzjoni dħulija.
L-okkażjoni meta Ġesù tkellem maʼ mara Samaritana ħdejn bir qrib Sikar hija eżempju mill-aqwa taʼ kif tinbeda konversazzjoni bil-ħsieb li tingħata xhieda.—Ġw. 4:5-26.
Għandek bżonn tipprepara l-introduzzjoni tiegħek bir-reqqa, speċjalment jekk il-kongregazzjoni tiegħek taħdem it-territorju tagħha spiss. Inkella, għandek mnejn ma tkunx tistaʼ tagħti xhieda.
Identifika s-Suġġett Tiegħek. Fil-kongregazzjoni Kristjana, iċ-chairman jew xi ħadd li jkun qablek fil-programm normalment se jħabbar it-titlu tat-taħdita tiegħek u jintroduċik. Madankollu, ikun taʼ benefiċċju li tfakkar lill-udjenza tiegħek dwar is-suġġett li għandek matul il-kummenti tal-ftuħ. Dan jistaʼ jsir permezz taʼ stqarrija formali tat-tema iżda mhux bilfors. Fi kwalunkwe każ, it-tema għandha toħroġ bil-mod il-mod hekk kif it-taħdita tiżvolġi. B’xi mod fl-introduzzjoni, għandek tiffoka l-attenzjoni fuq is-suġġett.
Meta bagħat lid-dixxipli tiegħu biex jippritkaw, Ġesù identifika b’mod ċar il-messaġġ li kellhom iwasslu. “Intom u sejrin, ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-saltna tas-smewwiet.’” (Mt. 10:7) Rigward żmienna, Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata.” (Mt. 24:14) Aħna mħeġġin biex ‘nippridkaw il-kelma,’ jiġifieri, li nżommu maʼ dak li tgħid il-Bibbja meta nagħtu xhieda. (2 Tim. 4:2) Iżda qabel tiftaħ il-Bibbja jew tidderieġi l-attenzjoni lejn is-Saltna, spiss ikun meħtieġ li tidentifika xi kwistjonijiet li bħalissa jinsabu fuq moħħ in-nies. Tistaʼ forsi tikkummenta fuq il-kriminalità, il-qgħad, l-inġustizzja, il-gwerer, kif tgħin liż-żgħażagħ, il-mard, jew il-mewt. Iżda tibqax ittawwal fuq kwistjonijiet negattivi; il-messaġġ tiegħek huwa wieħed pożittiv. Stinka biex tidderieġi l-konversazzjoni lejn il-Kelma taʼ Alla u t-tama tas-Saltna.
Uri Għala s-Suġġett Hu Importanti għall-Udjenza Tiegħek. Jekk se titkellem quddiem il-kongregazzjoni, tistaʼ tkun ċert b’mod raġunevoli li dawk fl-udjenza tiegħek se jkunu interessati b’mod ġenerali f’dak li tiddiskuti. Iżda se jagħtu widen bħalma tagħmel persuna meta tkun qed titgħallem xi ħaġa li żgur tinvolviha? Se jagħtu attenzjoni għax jirrealizzaw li dak li qed jisimgħu jgħodd għas-sitwazzjoni tagħhom fil-ħajja u għax qed tqanqal fihom xewqa li jagħmlu xi ħaġa dwarha? Dan se jkun minnu biss jekk ikkunsidrajt l-udjenza tiegħek bir-reqqa—iċ-ċirkustanzi tagħhom, dak li jikkonċernahom, l-attitudnijiet tagħhom—meta ppreparajt it-taħdita. Jekk għamilt hekk, imbagħad inkludi fl-introduzzjoni tiegħek xi ħaġa li tindika dan.
Sew jekk qed titkellem mill-platform u sew jekk qed tagħti xhieda lil individwu, wieħed mill-aqwa modi biex tqajjem l-interess f’suġġett huwa li tinvolvi lill-udjenza tiegħek. Uri kif il-problemi tagħhom, il-bżonnijiet tagħhom, jew il-mistoqsijiet li għandhom fuq moħħhom huma relatati mas-suġġett li qed tiddiskuti. Jekk tagħmilha ċara li minbarra l-aspetti ġenerali tas-suġġett se tiddiskuti wkoll aspetti speċifiċi tal-kwistjoni, se jisimgħu b’iktar attenzjoni. Sabiex tagħmel dan, għandek tipprepara tajjeb.
Il-Mod Kif Tippreżentaha. Dak li tgħid fl-introduzzjoni tiegħek huwa taʼ importanza primarja, iżda l-mod kif tgħidu jistaʼ wkoll iqanqal l-interess. Għal din ir-raġuni, il-preparazzjoni tiegħek għandha tinvolvi mhux biss dak li se tgħid iżda wkoll kif se tgħidu.
L-għażla tal-kliem hi importanti biex tilħaq il-mira tiegħek, għalhekk għandek mnejn issibha taʼ vantaġġ li tipprepara l-ewwel żewġ sentenzi jew tlieta pjuttost bir-reqqa. Sentenzi qosra u sempliċi spiss huma l-aħjar. Għal taħdita fil-kongregazzjoni, għandek mnejn tkun trid tiktibhom fin-noti tiegħek, jew tistaʼ tagħżel li titgħallimhom bl-amment sabiex il-kliem tal-ftuħ ikollu l-impatt sħiħ li jistħoqqlu. Introduzzjoni mogħtija b’mod effettiv u mingħajr għaġla tistaʼ tgħinek tkun irpożat kemm hemm bżonn biex tagħti l-kumplament tat-taħdita tiegħek.
Meta Għandek Tippreparaha. L-opinjonijiet ivarjaw fuq dan is-suġġett. Xi kelliema tal-esperjenza jemmnu li l-preparazzjoni taʼ taħdita għandha tibda bl-introduzzjoni. Oħrajn li studjaw it-taħdit fil-pubbliku huma tal-opinjoni li l-introduzzjoni għandha tkun preparata wara li tkun tlestiet il-parti prinċipali tat-taħdita.
Int ċertament li għandek bżonn tkun taf x’inhu s-suġġett tiegħek u liema punti prinċipali qed tippjana li tiżviluppa qabel tkun tistaʼ taħseb dwar id-dettalji għal introduzzjoni adattata. Iżda xi ngħidu jekk qed tipprepara taħdita minn outline pubblikat? Wara li taqra l-outline, jekk ikollok idea għall-introduzzjoni, ċertament li m’hemm xejn ħażin f’li tiktibha. Ftakar ukoll li biex l-introduzzjoni tkun effettiva, trid tikkunsidra l-udjenza tiegħek kif ukoll il-materjal tal-outline.