ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20
GĦANJA 7 Ġeħova, is-saħħa tagħna
Kun Ċert li Ġeħova Se Jinkuraġġik
“Ħa jkun imfaħħar . . . il-Missier li jħenn ħafna, u l-Alla li jinkuraġġixxi f’kull sitwazzjoni.”—2 KOR. 1:3.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif Ġeħova inkuraġġixxa lil-Lhud li kienu jgħixu Babilonja.
1. Kif kienet il-ħajja għal-Lhud f’Babilonja?
GĦAL ħafna snin, il-Lhud m’obdewx lil Ġeħova. Allura, hu ħalla l-Babiloniżi jeqirdu l-pajjiż tagħhom u jiħduhom f’pajjiż ieħor. (2 Kron. 36:15, 16, 20, 21) Kif kienet il-ħajja hemmhekk? Huma setaʼ jkollhom ħajja normali. (Ġer. 29:4-7) Imma din ma kinitx faċli, u żgur li xtaqu jerġgħu jmorru fil-pajjiż tagħhom. Il-Lhud kif kienu jħossuhom? Wieħed minnhom qal: “Aħna qgħadna bilqiegħda ħdejn ix-xmajjar taʼ Babilonja. Tgħidx kemm bkejna meta ftakarna f’Sijon.” (Slm. 137:1) Huma kellhom bżonn il-kuraġġ. Min kien se jtihulhom?
2-3. (a) Ġeħova x’għamel biex jinkuraġġixxi lil-Lhud? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
2 Ġeħova hu “l-Alla li jinkuraġġixxi f’kull sitwazzjoni.” (2 Kor. 1:3) Hu jħobb lin-nies tiegħu u jixtieq jinkuraġġihom. Hu kien jaf li xi ftit mil-Lhud meta jkunu Babilonja kien se jiddispjaċihom għal dak li għamlu u jerġgħu jibdew jaqduh. (Isa. 59:20) Allura, xi 100 sena qabel marru Babilonja, hu ta messaġġ lil Isaija li llum insibuh miktub fil-ktieb taʼ Isaija stess fil-Bibbja. Dan il-messaġġ kif kien se jgħin lil-Lhud? Isaija qal: “‘Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi,’ jgħid l-Alla tagħkom.” (Isa. 40:1) B’hekk, Ġeħova inkuraġġixxa lil-Lhud permezz taʼ dak li kiteb Isaija.
3 Bħal-Lhud li kienu Babilonja, aħna wkoll kultant ikollna bżonn l-inkuraġġiment. F’dan l-artiklu se naraw tliet modi kif Ġeħova inkuraġġixxa lil-Lhud: (1) Hu wiegħed li se jaħfer id-dnubiet taʼ dawk li nidmu, (2) hu tahom tama, u (3) għenhom biex ma jibżgħux. Se naraw ukoll kif Ġeħova jinkuraġġixxi lilna llum bl-istess mod.
ĠEĦOVA JAĦFRILNA
4. Ġeħova kif wera ħniena? (Isaija 55:7)
4 Ġeħova hu “l-Missier li jħenn ħafna.” (2 Kor. 1:3) Hu wiegħed lil-Lhud li kien se jaħfrilhom. (Aqra Isaija 55:7.) Hu qal: “Se jkolli ħniena minnek b’qalb tajba bl-imħabba għal żmien indefinit.” (Isa. 54:8) Ġeħova b’liema mod wera ħniena? Avolja l-Lhud kienu qed ibatu l-konsegwenzi talli m’obdewhx, Ġeħova wegħedhom li ma kinux se jibqgħu Babilonja għal dejjem. (Isa. 40:2) Żgur li l-Lhud li kien iddispjaċiehom u xtaqu jaqdu lil Ġeħova ħassewhom inkuraġġiti b’dak li qalilhom!
5. Aħna għala nistgħu nkunu ċerti iktar mil-Lhud f’Babilonja li Ġeħova se jaħfrilna?
5 X’nistgħu nitgħallmu? Ġeħova lest li jaħfer bil-kbir. Aħna nistgħu nkunu ċerti iktar mil-Lhud f’Babilonja li se jaħfrilna. Għala? Għax aħna nafu x’għamel Ġeħova biex ikun jistaʼ jaħfrilna. Nafu li mijiet taʼ snin wara, Ġeħova bagħat lil Ibnu biex ikun jistaʼ jmut għalina. B’hekk, Ġeħova jistaʼ jaħfrilna kompletament. (Atti 3:19; Isa. 1:18; Efes. 1:7) Kemm hu Alla lest li jaħfer!
6. Għala hu tajjeb li naħsbu dwar il-ħniena taʼ Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)
6 Dak li qal Ġeħova f’Isaija 55:7 jistaʼ jinkuraġġina ħafna jekk konna għamilna xi dnub li ddispjaċiena għalih imma xorta għadna nħossuna ħażin. Dan jistaʼ jiġri jekk għadna qed inbatu l-konsegwenzi tad-dnub. Imma jekk tkellimna mal-anzjani dwar dak li għamilna u waqafna nagħmlu dak li hu ħażin, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħafrilna. Allura hu żgur mhux se jiftakar iktar id-dnub tagħna. (Ara l-prinċipju f’Ġeremija 31:34.) Aħna wkoll m’għandniex nibqgħu naħsbu dwar dak li għamilna. L-importanti għal Ġeħova hu dak li qed nagħmlu bħalissa u mhux dak li għamilna fil-passat. (Eżek. 33:14-16) Ġeħova jwegħedna li fid-dinja l-ġdida se jneħħi l-konsegwenzi tal-iżbalji tagħna.
L-importanti għal Ġeħova hu dak li qed nagħmlu bħalissa u mhux dak li għamilna fil-passat (Ara paragrafu 6)
7. X’se jgħinna biex nitkellmu mal-anzjani jekk għamilna dnub serju?
7 X’għandna nagħmlu jekk il-kuxjenza qed tniggiżna minħabba li qed naħbu xi dnub serju? Il-Bibbja tgħidilna li għandna nitkellmu mal-anzjani ħalli jkunu jistgħu jgħinuna. (Ġak. 5:14, 15) Forsi ma jkunx faċli biex tgħidilhom x’għamilt, imma Ġeħova jużahom biex jgħinuna u huma se juru mħabba bħalu. Allura, jekk vera jiddispjaċina għal dak li għamilna u niftakru li huma jħobbuna, se jkun iktar faċli biex nitkellmu magħhom. Ara kif Ġeħova uża l-anzjani biex jgħin lil ħu jismu Arthur.a Hu ħassu ħażin ħafna minħabba d-dnub li għamel. Hu jgħid: “Għamilt sena nara l-pornografija. Imma wara li smajt taħdita dwar il-kuxjenza, tkellimt mal-mara u l-anzjani. Imbagħad ħassejtni aħjar għax il-kuxjenza ma baqgħetx tniggiżni, imma xorta kont imdejjaq b’dak li għamilt. L-anzjani fakkruni li Ġeħova għadu jixtieq ikun il-ħabib tiegħi u li hu jiddixxiplinana għax iħobbna. B’dak li qaluli għenuni nifhem li Ġeħova vera kien ħafirli.” Illum, Arthur jaqdi bħala pijunier regulari u qaddej ministerjali. Kemm hu inkuraġġanti għalina li meta vera jiddispjaċina, Ġeħova se juri ħniena magħna u jaħfrilna!
ĠEĦOVA JTINA TAMA
8. (a) Ġeħova x’tama tahom lil-Lhud li kienu priġunieri f’Babilonja? (b) Skont Isaija 40:29-31, it-tama kif kienet se tgħinhom?
8 Il-Lhud setgħu ħasbu li qatt ma kienu se joħorġu minn Babilonja. Dan għax normalment il-Babiloniżi ma kinux iħallu l-priġunieri jitilqu. (Isa. 14:17) Imma Ġeħova tahom tama billi wegħedhom li se jeħlishom u jkunu jistgħu jerġgħu jmorru Ġerusalemm. Xejn ma setaʼ jwaqqfu milli jagħmel dak li wiegħed. (Isa. 44:26; 55:12) Għal Ġeħova, Babilonja kienet bħal trab li faċli jtir mar-riħ. (Isa. 40:15) B’hekk, din it-tama kienet inkuraġġanti ħafna għal-Lhud. Isaija kiteb: “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-qawwa mill-ġdid.” (Aqra Isaija 40:29-31.) Is-saħħa li Ġeħova kien se jtihom kienet se tgħinhom iħossuhom “jogħlew bil-ġwienaħ bħall-ajkli.”
9. Il-Lhud għala setgħu jemmnu li dak li wiegħed Ġeħova kien se jiġri?
9 Ġeħova ta lil-Lhud provi biex jemmnu li l-wegħdi tiegħu żgur kienu se jiġru. Dawn il-provi kienu l-profeziji li kienu diġà ġraw. Pereżempju, l-Assirja kienet rebħet lill-għaxar tribujiet t’Iżrael u ħadithom bħala priġunieri. (Isa. 8:4) Il-Lhud kienu raw ukoll lill-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u jieħdu n-nies f’Babilonja. (Isa. 39:5-7) Huma kienu jafu li r-re taʼ Babilonja kien għama lir-Re Sedekija u ħadu Babilonja. (Ġer. 39:7; Eżek. 12:12, 13) Kull ħaġa li Ġeħova qal li se tiġri kienet ġrat. (Isa. 42:9; 46:10) Allura dan żgur saħħilhom il-fidi tagħhom u għenhom ikunu iktar ċerti li Ġeħova kien se jżomm il-wegħda li għamlilhom u jeħlishom!
10. X’se jgħinna biex inżommu t-tama tagħna b’saħħitha?
10 X’nistgħu nitgħallmu? Aħna qed ngħixu fi żminijiet diffiċli u l-għedewwa taʼ Ġeħova qed jippersegwitawna. Imma m’għandniex inkunu skuraġġiti żżejjed, għax il-wegħdi taʼ Ġeħova u t-tama li għandna jinkuraġġuna. Ġeħova wegħedna li se ngħixu għal dejjem fil-Ġenna tal-art. Hemmhekk se nkunu protetti u fil-paċi. Allura għandna nibqgħu ffokati fuq din it-tama. Inkella nkunu qisna qed inħarsu minn tieqa lejn xena sabiħa, imma ma narawhiex sew għax il-ħġieġ ikun maħmuġ. Kif nistgħu “nnaddfu l-ħġieġ” biex naraw ċar, jiġifieri kif nistgħu nżommu t-tama b’saħħitha? Ħu l-ħin biex timmaġina kemm se tkun sabiħa l-ħajja fil-ġenna tal-art. Biex tagħmel dan, aqra xi artikli, ara l-vidjows, u ismaʼ kanzunetti li jitkellmu dwar is-sistema l-ġdida. U meta titlob lil Ġeħova, għidlu lejn xiex qed tħares ’il quddiem.
11. X’jgħin lil Joy tissaporti l-problemi tagħha?
11 Ara kif it-tama għenet u saħħet lil oħt jisimha Joy, li għandha problemi serji taʼ saħħa. Hi tgħid: “Meta nħossni skuraġġita bil-problemi li għandi, nitkellem maʼ Ġeħova u ngħidlu kif qed inħossni, għax naf li hu se jifhimni. Meta nagħmel hekk, hu jtini ‘l-qawwa iktar min-normal.’” (2 Kor. 4:7) Joy timmaġina wkoll lilha nfisha fis-sistema l-ġdida, meta “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isa. 33:24) Jekk bħal Joy nitkellmu maʼ Ġeħova dwar kif qed inħossuna u nibqgħu niftakru fit-tama li għandna, se jkollna s-saħħa biex nissaportu l-problemi.
12. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi taʼ Ġeħova se jiġru? (Ara wkoll l-istampa.)
12 Meta l-Lhud kienu f’Babilonja, Ġeħova tahom raġunijiet biex jemmnu li l-wegħdi li għamlilhom se jiġru. Hu qed jagħmel l-istess magħna. Aħseb dwar il-profeziji li qed naraw jiġru llum. Pereżempju, naraw il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana li hi “parti b’saħħitha u parti dgħajfa.” (Dan. 2:42, 43) Nisimgħu wkoll dwar “terremoti f’post wara l-ieħor,” u qed nagħtu “xhieda lill-popli kollha.” (Mat. 24:7, 14) Dawn il-profeziji u ħafna oħrajn li qed jiġru bħalissa jgħinuna nkunu ċerti li l-affarijiet li wegħedna Ġeħova għall-futur se jiġru wkoll.
Il-profeziji li qed jiġru llum jagħtuna raġunijiet biex nafdaw fil-wegħdi taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 12)
ĠEĦOVA JGĦINNA MA NIBŻGĦUX
13. (a) Il-Lhud liema problemi kien se jkollhom meta joħorġu minn Babilonja? (b) Skont Isaija 41:10-13, Ġeħova kif inkuraġġixxa lil-Lhud?
13 Ġeħova inkuraġġixxa lil-Lhud billi tahom tama li se jinħelsu. Imma kien jaf li meta jasal iż-żmien biex joħorġu minn Babilonja kien se jkollhom il-problemi. Hu qal minn qabel li re b’saħħtu kien se jattakka u jieħu l-pajjiżi taʼ madwar Babilonja, imbagħad kien se jattakka lil Babilonja stess. (Isa. 41:2-5) Imma l-Lhud kellhom għalfejn jibżgħu? Ġeħova inkuraġġiehom minn qabel u qalilhom: “Tibżax, għax jien miegħek. Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek.” (Aqra Isaija 41:10-13.) X’ried ifisser meta qalilhom “jien Alla tiegħek”? Hu ma kienx qed jgħidilhom li huma għandhom jaqduh, għax diġà kienu jafuh dan. Imma kien qed ifakkarhom li hu kien qiegħed magħhom biex jgħinhom.—Slm. 118:6.
14. Ġeħova x’għamel iktar biex jgħin lil-Lhud ma jibżgħux?
14 Ġeħova inkuraġġixxa lil-Lhud ukoll billi fakkarhom fil-qawwa u l-għerf tiegħu. Hu qalilhom biex iħarsu lejn l-istilel. Hu mhux biss ħalaqhom, imma jaf ukoll l-isem taʼ kull waħda minnhom. (Isa. 40:25-28) Mela żgur jaf l-isem taʼ kull wieħed mill-qaddejja tiegħu! Jekk għandu l-qawwa biex joħloq l-istilel, għandu l-qawwa biex jgħin lin-nies tiegħu. B’hekk, il-Lhud li kienu ħerġin minn Babilonja ma kellhomx għalfejn jibżgħu.
15. Ġeħova kif ipprepara lil-Lhud għal dak li kien se jiġri?
15 Ġeħova qal lin-nies tiegħu x’kellhom jagħmlu meta jinħelsu. F’Isaija 26 qal: “Idħol fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-kundanna.” (Isa. 26:20) Jistaʼ jkun li l-Lhud kellhom jobdu dan il-parir meta r-Re Ċiru attakka lil Babilonja. Studjuż Grieg qal li meta Ċiru daħal Babilonja “kkmanda [lis-suldati tiegħu] biex joqtlu lil kull min jaraw barra.” Immaġina kemm beżgħu n-nies! Imma l-Lhud jistaʼ jkun li salvaw minħabba li obdew dak li qal Ġeħova.
16. Għala m’għandniex nibżgħu minn dak li se jiġri fil-futur? (Ara wkoll l-istampa.)
16 X’nistgħu nitgħallmu? Dalwaqt se jibda żmien taʼ tbatija kbira, li se jkun l-iktar żmien diffiċli li qatt kien hawn. Dak iż-żmien, in-nies se jkunu mħawdin u mbeżżgħin, imma n-nies taʼ Ġeħova le. Aħna nafu li Ġeħova hu l-Alla tagħna. Allura se nkunu kuraġġużi għax dan ifisser li “dalwaqt se niġu meħlusin.” (Luqa 21:28) Aħna se nibqgħu nafdaw f’Ġeħova anki meta grupp taʼ nazzjonijiet jattakkana. Ġeħova se juża l-anġli tiegħu biex jipproteġina u se jtina istruzzjonijiet li se jsalvawlna ħajjitna. Kif se jtina dawn l-istruzzjonijiet? Għadna ma nafux. Imma jistaʼ jkun li juża l-kongregazzjonijiet. Dawn se jkunu bħal “kmamar taʼ ġewwa” għalina, fejn se nibqgħu protetti. Allura kif nistgħu nkunu preparati? Irridu nibqgħu magħqudin mal-aħwa, nobdu d-direzzjoni tal-organizzazzjoni, u nkunu ċerti li l-wieħed li qed imexxi l-organizzazzjoni hu Ġeħova.—Lhud 10:24, 25; 13:17.
Aħna nafu li Ġeħova għandu l-qawwa biex isalvana, allura m’għandniex għalfejn nibżgħu fiż-żmien taʼ tbatija kbira (Ara paragrafu 16)b
17. Kif tistaʼ tkompli tafda f’Ġeħova?
17 Meta l-Lhud kienu Babilonja ma kellhomx ħajja faċli, imma Ġeħova tahom l-inkuraġġiment li kellhom bżonn. Hu se jinkuraġġixxi lilna wkoll. Mela jiġri x’jiġri f’ħajtek, kompli afda fih. Kun ċert li Ġeħova jaħfer lill-qaddejja tiegħu u jimpurtah minnek. Żomm it-tama tiegħek b’saħħitha. U tinsiex li m’għandekx minn xiex tibżaʼ, għax Ġeħova hu l-Alla tiegħek.
GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b X’TURINA L-ISTAMPA: Grupp t’aħwa ltaqgħu flimkien. Huma jħarsu lejn l-istilel u jiftakru li Ġeħova għandu biżżejjed qawwa biex jipproteġi lin-nies tiegħu jkunu fejn ikunu.