ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 23
GĦANJA 2 Ġeħova ismek hu
Kemm Hu Importanti Isem Ġeħova Għalik?
“‘Intom ix-xhieda tiegħi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”—ISA. 43:10.
DAK LI SE NITGĦALLMU
X’nistgħu nagħmlu biex nuru li isem Ġeħova hu qaddis u biex nuru li dak kollu li qal Satana dwaru hu gideb.
1-2. Kif nafu li isem Ġeħova hu importanti għal Ġesù?
L-ISEM taʼ Ġeħova hu l-iktar ħaġa importanti għal Ġesù. Fil-fatt, Ġesù kien l-iktar wieħed li ħadem biex jgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, Ġesù kien lest li jmut biex juri li isem Ġeħova hu qaddis u li dak kollu li jgħid Missieru dejjem ikun tajjeb. (Mrk. 14:36; Lhud 10:7-9) U wara li jmexxi għal elf sena, Ġesù se jagħti l-awtorità kollha lil Missieru għax hu jixtieq li Ġeħova jkollu l-glorja kollha. (1 Kor. 15:26-28) Kulma għamel Ġesù għal Ġeħova juri ċar li jħobbu ħafna.
2 Ġesù ġie fuq l-art biex jitkellem f’isem Missieru. (Ġw. 5:43; 12:13) Hu għallem lid-dixxipli tiegħu jsiru jafu aħjar lil Missieru. (Ġw. 17:6, 26) U meta kien jgħallem lin-nies u jagħmel il-mirakli, kien jagħmilha ċara li Ġeħova kien qed itih l-għerf u l-qawwa biex jagħmel dawn l-affarijiet. (Ġw. 10:25) Fil-fatt, meta talab lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lid-dixxipli, hu qallu biex jagħmel dan minħabba isem Ġeħova. (Ġw. 17:11) Nistgħu naraw ċar li l-iktar ħaġa importanti għal Ġesù kienet isem Ġeħova. Allura kif jistaʼ xi ħadd jgħid li hu Kristjan u ma jkunx jaf jew ma jużax isem Ġeħova?
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Peress li aħna Kristjani taʼ vera, nimitaw lil Ġesù billi nuru li nħobbu u nirrispettaw isem Ġeħova. (1 Pt. 2:21) F’dan l-artiklu se naraw għala Ġeħova ta ismu lil dawk li qed jippritkaw “l-aħbar tajba tas-Saltna.” (Mat. 24:14) Se naraw ukoll kemm isem Ġeħova għandu jkun importanti għalina.
“NIES BIEX JONORAW LIL ISMU”
4. (a) Ġesù x’qalilhom lid-dixxipli eżatt qabel ma telaʼ s-sema? (b) X’mistoqsija se niddiskutu?
4 Eżatt qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) Dan juri li d-dixxipli kienu se jippritkaw l-aħbar tajba kullimkien, mhux f’Iżrael biss. Maż-żmien, in-nies kollha fid-dinja kien se jkollhom iċ-ċans biex isiru dixxipli taʼ Ġesù. (Mat. 28:19, 20) Imma Ġesù qal: “Se tkunu xhieda tiegħi.” Allura dawn id-dixxipli ġodda kien se jkollhom bżonn jitgħallmu isem Ġeħova, jew kienu se jkunu xhieda taʼ Ġesù biss? Atti 15 jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija.
5. L-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm kif urew li kulħadd għandu jitgħallem dwar isem Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)
5 Fis-sena 49 WK, l-appostli u l-anzjani ltaqgħu f’Ġerusalemm biex jiddeċiedu jekk dawk li ma kinux Lhud kellhomx bżonn jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni biex isiru Kristjani. Fl-aħħar tad-diskussjoni, Ġakbu ħu Ġesù qal: “[Pietru] qalilna fid-dettall kif Alla ftakar fin-nies tal-popli l-oħra u li minn fosthom beda jagħżel nies biex jonoraw lil ismu.” Hu kkwota lill-profeta Għamos u qal: “Ħalli dawk li jibqgħu, ikunu jistgħu jfittxu lili, Ġeħova, b’qalbhom kollha flimkien man-nies tal-popli kollha li jissejħu b’ismi. Jien Ġeħova qed ngħid dan.” (Atti 15:14-18) Allura dawn id-dixxipli ġodda ma kinux biss se jitgħallmu dwar isem Ġeħova, imma kienu wkoll se ‘jissejħu b’ismu.’ Dan ifisser li huma kienu se jgħallmu lil oħrajn dwar l-isem t’Alla u li n-nies kienu se jarawhom bħala dawk li jirrappreżentaw lil Alla.
F’laqgħa fi żmien il-Kristjani tal-bidu, il-ġemgħa li tiggverna fehmet ċar li l-Kristjani għandhom ikunu poplu li jirrappreżenta isem Ġeħova. (Ara paragrafu 5)
6-7. (a) Ġesù għala ġie fuq l-art? (b) X’inhi l-iktar raġuni importanti għala Ġesù ġie fuq l-art?
6 L-isem taʼ Ġesù jfisser “Ġeħova Hu l-Wieħed li Jsalva,” u Ġeħova uża lil Ġesù biex isalva lil dawk kollha li jkollhom fidi fih u f’Ġesù. Ġesù ġie fuq l-art biex imut għan-nies. (Mat. 20:28) B’hekk hu għamilha possibbli li jinħafru d-dnubiet tagħhom u jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem.—Ġw. 3:16.
7 Imma n-nies għala kellhom bżonn il-fidwa? Minħabba dak li ġara fil-ġnien tal-Għeden. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, Adam u Eva rribellaw kontra Ġeħova u allura tilfu ċ-ċans li jgħixu għal dejjem. (Ġen. 3:6, 24) Imma Ġesù ġie fuq l-art biex jagħmel xi ħaġa ħafna iktar importanti milli jsalva lin-nies. (Ġen. 3:4, 5) Satana kien qal gideb kbir dwar Ġeħova. Allura n-nies kellhom ikunu jafu li Ġeħova m’għamel xejn ħażin u li hu Missier mimli mħabba. Ġesù kien l-aqwa wieħed li setaʼ jagħti prova taʼ dan, għax hu kien jirrappreżenta lil Ġeħova u għamel kulma qabbdu Ġeħova b’mod perfett.
Kif jistaʼ xi ħadd jgħid li hu Kristjan u ma jkunx jaf jew ma jużax isem Ġeħova?
8. Dawk kollha li huma dixxipli taʼ Ġesù xi jridu jifhmu?
8 Id-dixxipli kollha taʼ Ġesù, kemm jekk Lhud u kemm jekk le, kellhom jifhmu li l-Wieħed li salvahom hu Missier Ġesù, jiġifieri Ġeħova. (Ġw. 17:3) Barra minn hekk, bħal Ġesù, huma kienu se jissejħu b’isem Ġeħova. Kien se jkollhom jifhmu wkoll kemm hu importanti li jqaddsu dan l-isem. Biex isalvaw, huma kellhom jagħmlu dan. (Atti 2:21, 22) Allura, id-dixxipli kollha taʼ Ġesù kien se jkollhom jitgħallmu dwar Ġeħova u dwar Ġesù. Aħna nistgħu nifhmu għala Ġesù spiċċa t-talba tiegħu fi Ġwanni 17 billi qal: “Jien għallimthom dwar ismek u nibqaʼ nagħmel hekk, biex juru l-imħabba bħalma turi int miegħi u biex jien inkun magħhom.”—Ġw. 17:26.
“INTOM IX-XHIEDA TIEGĦI”
9. Kif nistgħu nuru li isem Ġeħova hu importanti għalina?
9 Minn dak li tgħallimna s’issa, nistgħu naraw ċar li biex inkunu dixxipli taʼ Ġesù rridu nqaddsu isem Ġeħova. (Mat. 6:9, 10) Aħna rridu nqisu isem Ġeħova bħala l-iktar ħaġa importanti u rridu nuru li nħossuna hekk. Imma x’nistgħu nagħmlu biex inqaddsu isem Ġeħova u biex nuru li dak li qal Satana dwaru hu gideb?
10. F’Isaija kapitli 42 sa 44 dwar xiex naqraw? (Isaija 43:9; 44:7-9) (Ara wkoll l-istampa.)
10 Minn Isaija kapitli 42 sa 44 nistgħu nitgħallmu xi rridu nagħmlu biex inqaddsu isem Ġeħova. F’dawn il-kapitli, Ġeħova jgħid lin-nies li ma jaqduhx biex jagħtu prova li l-allat tagħhom vera jeżistu. Eżatt bħalma jiġri meta jkun hemm xi każ il-qorti, hu jsaqsi jekk hemmx xi xhieda li jistgħu jagħtu din l-evidenza, jew prova. Imma m’hemm ħadd!—Aqra Isaija 43:9; 44:7-9.
B’dak li ngħidu u nagħmlu, aħna nagħtu prova li Ġeħova hu l-Alla l-veru (Ara paragrafi 10-11)
11. Ġeħova x’jgħidilhom lin-nies tiegħu f’Isaija 43:10-12?
11 Aqra Isaija 43:10-12. Lin-nies tiegħu, Ġeħova jgħidilhom: “Intom ix-xhieda tiegħi, . . . u jien Alla.” Imbagħad Ġeħova jsaqsihom biex iwieġbu din il-mistoqsija: “Jeżisti xi Alla ħliefi?” (Isa. 44:8) Aħna għandna l-privileġġ li nwieġbu din il-mistoqsija. B’dak li ngħidu u nagħmlu nistgħu nagħtu prova li Ġeħova hu l-uniku Alla veru. Ismu hu iktar importanti minn kull isem ieħor li jeżisti. U bil-mod kif ngħixu nistgħu nuru li aħna vera nħobbuh lil Ġeħova u se nibqgħu leali lejh anki jekk Satana jipprova jwaqqafna. B’dan il-mod, aħna nistgħu nqaddsu lil ismu.
12. Il-profezija f’Isaija 40:3, 5 kif ġrat?
12 Meta ngħidu lil oħrajn li l-mod kif imexxi Ġeħova hu l-aħjar, aħna nkunu qed nimitaw lil Ġesù Kristu. Isaija pprofetizza wkoll li kien se jkun hemm xi ħadd li kien se ‘jħejji t-triq taʼ Ġeħova,’ jiġifieri jippreparaha. (Isa. 40:3) Dan kif ġara? Ġwanni l-Għammied ipprepara t-triq għal Ġesù, imma fir-realtà hu kien qed jipprepara t-triq taʼ Ġeħova, għax Ġesù ġie fl-art biex jirrappreżenta lil Ġeħova. (Mat. 3:3; Mrk. 1:2-4; Luqa 3:3-6) Dik l-istess profezija taʼ Isaija qalet: “Il-glorja taʼ Ġeħova se tintwera.” (Isa. 40:5) Dan kif ġara? Meta Ġesù ġie fuq l-art, tant irrappreżenta lil Ġeħova b’mod perfett li kien qisu Ġeħova stess ġie.—Ġw. 12:45.
13. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?
13 Bħal Ġesù, aħna xhieda taʼ Ġeħova. Aħna nirrappreżentaw lil ismu u ngħidu lin-nies dwar l-affarijiet sbieħ li għamel u li se jagħmel. Biex nagħmlu dan bl-aħjar mod, irridu ngħallmu lin-nies dwar dak kollu li għamel Ġesù biex iqaddes isem Ġeħova. (Atti 1:8) Ġesù hu l-aqwa Xhud taʼ Ġeħova u aħna nimxu fuq l-eżempju tiegħu. (Riv. 1:5) Imma kif nistgħu nuru iktar kemm hu importanti isem Ġeħova għalina?
MODI OĦRA KIF NURU LI ISEM ĠEĦOVA HU IMPORTANTI GĦALINA
14. Bħalma juri Salm 105:3, kif inħossuna dwar isem Ġeħova?
14 Aħna kburin b’isem Ġeħova. (Aqra Salm 105:3.) Ġeħova jieħu pjaċir ħafna meta niftaħru bih. (Ġer. 9:23, 24; 1 Kor. 1:31; 2 Kor. 10:17) Hu privileġġ li ngħidu lil oħrajn li Ġeħova hu qaddis u li kulma jagħmel hu tajjeb. Qatt ma rridu nistħu ngħidu lil oħrajn bħal tax-xogħol, tal-iskola, jew il-ġirien li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. Satana jixtieq li nieqfu ngħidu lil oħrajn dwar Ġeħova. (Ġer. 11:21; Riv. 12:17) Fil-fatt, Satana u dawk li jxerrdu l-gideb tiegħu jagħmlu kulma jistgħu biex inessu n-nies l-isem taʼ Ġeħova. (Ġer. 23:26, 27) Imma peress li nħobbu lil Missierna tas-sema, aħna nifirħu “l-ġurnata kollha” minħabba ismu.—Slm. 5:11; 89:16.
15. Xi jfisser li nużaw isem Ġeħova?
15 Aħna nkomplu nużaw isem Ġeħova. (Ġoel 2:32; Rum. 10:13, 14) Dan il-kliem jinvolvi iktar milli nkunu nafu isem Ġeħova u nużawh. Ifisser li nsiru nafu lil Ġeħova bħala xi ħadd reali, nafdawh, u nfittxu lilu biex jiggwidana u jgħinna. (Slm. 20:7; 99:6; 116:4; 145:18) Barra minn hekk, li nużaw isem Ġeħova jfisser li ngħidu lil oħrajn dwaru u dwar il-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Ukoll, irridu ngħinuhom ibiddlu ħajjithom biex jibdew jogħġbu lilu u jiġu salvati.—Isa. 12:4; Atti 2:21, 38.
16. Kif nistgħu nagħtu prova li Satana hu giddieb?
16 Aħna lesti li nbatu biex nagħtu glorja lil Ġeħova. (Ġak. 5:10, 11) Meta nibqgħu leali lejn Ġeħova avolja nbatu, inkunu qed nuru li Satana hu giddieb. Fi żmien Ġob, Satana qal hekk dwar dawk li jaqdu lil Ġeħova: “Wieħed żgur li jkun lest li jagħti kollox jekk ikun hemm ħajtu fin-nofs.” (Ġob 2:4) B’dan il-kliem, Satana qal li n-nies kienu se jaqdu lil Ġeħova biss meta l-ħajja kienet tkun faċli. Imma meta jinqalgħu l-problemi huma jieqfu jaqduh. Ġob wera b’mod ċar li din kienet gidba. Illum, aħna għandna l-istess ċans bħal Ġob, li meta l-ħajja ssir diffiċli ħafna jew Satana jipprova jiskuraġġina, qatt ma nieqfu naqdu lil Ġeħova. Nistgħu nkunu ċerti mija fil-mija li Ġeħova se jibqaʼ jieħu ħsiebna minħabba ismu.—Ġw. 17:11.
17. Bħalma juri l-1 Pietru 2:12, b’liema mod ieħor nistgħu nagħtu unur lil isem Ġeħova?
17 Aħna nagħmlu kulma nistgħu biex infaħħru lil isem Ġeħova. (Prov. 30:9; Ġer. 7:8-11) Peress li n-nies jafu li aħna Xhieda taʼ Ġeħova, dak li nagħmlu jistaʼ jfaħħru jew iġiblu diżunur. (Aqra 1 Pietru 2:12.) Allura rridu nagħmlu kulma nistgħu biex infaħħru lil Ġeħova b’dak kollu li ngħidu u nagħmlu. B’hekk, avolja m’aħniex perfetti, xorta nistgħu nagħtu unur lil isem Ġeħova.
18. X’inhu mod ieħor kif nistgħu nuru li isem Ġeħova hu importanti għalina? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
18 Għalina isem Ġeħova hu ħafna iktar importanti minn x’jaħsbu n-nies dwarna. (Slm. 138:2) Għala? Għax meta nagħmlu affarijiet li jogħġbu lil Ġeħova, ħafna drabi ma nintgħoġbux man-nies u jaf jgħidu xi affarijiet ħżiena dwarna.a Ġesù kien lest li jmut bħala kriminal sabiex Ġeħova jkun jistaʼ jiġi gglorifikat. Ġesù “ma tax kas li se jiġi ddiżonorat.” (Lhud 12:2-4) Hu ma inkwetax iżżejjed dwar x’jaħsbu oħrajn dwaru. Ġesù kien iffokat fuq li jagħmel dak li ried Ġeħova.—Mat. 26:39.
19. Kif tħossok li taqdi lil Ġeħova, u għala?
19 Aħna kburin li naqdu lil Ġeħova u nħossuh unur li nissejħu Xhieda taʼ Ġeħova. Peress li isem Ġeħova hu daqshekk importanti għalina, aħna nkomplu nfaħħruh, avolja oħrajn jaf jarawna koroh. Isem Ġeħova hu importanti għalina iktar minn x’jaħsbu n-nies dwarna. Mela ejja nkunu determinati biex nibqgħu nfaħħru isem Ġeħova avolja Satana jipprova jwaqqafna. B’hekk se nuru li isem Ġeħova hu l-iktar ħaġa importanti għalina, eżatt bħalma hu għal Ġesù Kristu.
GĦANJA 10 Faħħru lil Ġeħova Alla tagħna!
a Ir-raġel leali Ġob ukoll beda jinkwieta żżejjed dwar kif in-nies kienu jħarsu lejh meta t-tlett irġiel qalu li kien għamel xi ħaġa ħażina. Għall-ewwel, meta lil Ġob mitulu t-tfal u tilef l-affarijiet materjali kollha, “ma dinibx u ma qalx li Alla għamel xi ħaġa ħażina.” (Ġob 1:22; 2:10) Imma meta akkużawh li kien għamel xi dnub, beda jiddefendi lilu nnifsu u jitkellem “bla ħsieb.” Dak il-ħin, ir-reputazzjoni tiegħu kienet iktar importanti għalih milli li jagħti glorja lil Ġeħova.—Ġob 6:3; 13:4, 5; 32:2; 34:5.