Ġenesi
37 U Ġakobb baqaʼ jgħammar fl-art li fiha missieru kien jgħix bħala barrani,+ fl-art taʼ Kangħan.+
2 Dan hu r-rakkont storiku taʼ Ġakobb.
Meta kellu sbatax-il sena, Ġużeppi+ kien qed jirgħa n-nagħaġ maʼ ħutu qalb il-merħla+ u, billi kien daqsxejn taʼ tifel, kien maʼ wlied Bilħa+ u wlied Żilfa,+ in-nisa taʼ missieru. U Ġużeppi wassal rapport ħażin dwarhom lil missierhom.+ 3 U Israel kien iħobb lil Ġużeppi iktar milli kien iħobb lil uliedu l-oħrajn kollha,+ għaliex kien bin xjuħitu; u għamillu libsa twila bil-kmiem u b’ħafna lwien.+ 4 Meta ħutu raw li missierhom kien iħobbu iktar milli kien iħobb lil ħutu kollha, bdew jobogħduh,+ u ma kellhomx il-ħila jkellmuh bis-sliem.+
5 Iktar tard Ġużeppi kellu ħolma u qalha lil ħutu,+ u dawn iktar kellhom għalxiex jobogħduh. 6 U hu ssokta jgħidilhom: “Jekk jogħġobkom, isimgħu din il-ħolma li ħlomt.+ 7 Ara! Konna qed norbtu l-qatet f’nofs l-għalqa meta l-qatta tiegħi qamet u baqgħet wieqfa u l-qatet tagħkom daru dawramejt mal-qatta tiegħi u mielu quddiemha.”+ 8 U ħutu bdew jgħidulu: “Ċert int li se ssaltan fuqna?+ jew, Ċert int li se tiddomina fuqna?”+ B’hekk, kellhom raġuni oħra biex jobogħduh minħabba l-ħolm tiegħu u minħabba kliemu.
9 U reġaʼ kellu ħolma oħra, u rrakkontaha lil ħutu u qalilhom: “Ara! Erġajt ħlomt ħolma oħra, u, ara, ix-xemx, il-qamar, u ħdax-il kewkba kienu qed imilu quddiemi.”+ 10 Imbagħad irrakkontaha lil missieru kif ukoll lil ħutu, u missieru beda jċanfru u jgħidlu:+ “Xi tfisser din il-ħolma li ħlomt? Ċert int li jien, ommok, u ħutek se niġu mmilu lejn l-art quddiemek?” 11 U ħutu bdew jgħiru għalih,+ imma missieru żamm f’moħħu dan il-kliem.+
12 Ħutu issa marru jirgħu l-merħla taʼ missierhom qrib Sikem.+ 13 Ftit wara, Israel qal lil Ġużeppi: “Ħutek qed jirgħu l-imrieħel qrib Sikem, hux hekk? Ejja, ħa nibagħtek ħdejhom.” U hu wieġbu: “Hawn jien!”+ 14 Għalhekk, qallu: “Jekk jogħġbok, mur u ara jekk ħutek humiex qawwijin u sħaħ u jekk il-merħla hijiex qawwija u sħiħa, u ejja għidli.”+ U bagħtu mill-pjanura l-baxxa taʼ Ħebron,+ u mar lejn Sikem. 15 Iktar tard wieħed raġel sabu jiġġerra fir-rabaʼ. Imbagħad ir-raġel staqsieh u qallu: “X’qed tfittex?” 16 U hu wieġbu: “Qed infittex lil ħuti. Għidli, jekk jogħġbok, Fejn qed jirgħu l-imrieħel?” 17 U r-raġel kompla: “Telqu minn hawnhekk, għax smajthom jgħidu, ‘Ħa mmorru Dotan.’” Għalhekk, Ġużeppi baqaʼ jfittex lil ħutu u sabhom f’Dotan.
18 Huma lemħuh mill-bogħod, u qabel ma qorob lejhom bdew jikkonfoffaw kontrih biex joqtluh.+ 19 Għalhekk, bdew jgħidu lil xulxin: “Ara! Ġej dak li jħobb joħlom.+ 20 U issa ejja noqtluh u nixħtuh f’wieħed mill-bjar;+ u rridu ngħidu li kilitu bhima salvaġġa feroċi.+ Imbagħad naraw x’se jsir mill-ħolm tiegħu.” 21 Meta Ruben semaʼ dan, ipprova jeħilsu minn idejhom.+ Għalhekk, qalilhom: “Ħa ma naħbtux għalih u nneħħulu ħajtu.”+ 22 U Ruben issokta jgħidilhom: “Ixxerrdux demm.+ Ixħtuh f’dan il-bir li qiegħed fix-xagħri u tmiddux idejkom fuqu.”+ L-iskop tiegħu kien li jeħilsu minn idejhom sabiex iroddu lura lil missieru.
23 U ġara li, malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, dawn neżżgħulu l-libsa twila, dik il-libsa twila taʼ ħafna lwien li kellu fuqu;+ 24 u mbagħad qabduh u xeħtuh fil-bir.+ Dakinhar il-bir kien vojt; ma kienx fih ilma.
25 Imbagħad qagħdu bil-qiegħda jieklu l-ħobż.+ Meta refgħu għajnejhom u taw ħarsa madwarhom, ara, kien hemm karavana Ismagħelin+ li kienet ġejja minn Gilegħad, u l-iġmla tagħhom kienu qed iġorru l-gomma aromatika* u l-balzmu u l-qoxra taʼ siġra li fiha r-raża,+ fi triqithom biex iniżżluhom l-Eġittu. 26 U Ġuda qal lil ħutu: “X’se ndaħħlu fil-but jekk noqtlu lil ħuna u naħbu demmu?+ 27 Ejjew inbigħuh lill-Ismagħelin,+ u ma mmiddux idejna fuqu.+ Wara kollox, hu ħuna u laħamna.” Għalhekk, semgħu minn ħuhom.+ 28 Sadanittant għaddew minn hemmhekk xi rġiel li kienu negozjanti Midjanin.+ B’hekk, ħutu ġibdu u tellgħu lil Ġużeppi mill-bir+ u mbagħad bigħuh lill-Ismagħelin għal għoxrin biċċa tal-fidda.+ Dawn ħadu lil Ġużeppi l-Eġittu.
29 Iktar tard Ruben mar lura lejn il-bir iżda Ġużeppi ma kienx fil-bir. Għaldaqstant, hu ċarrat ħwejġu.+ 30 Meta reġaʼ lura ħdejn ħutu l-oħrajn qalilhom: “It-tifel m’għadux hemm! U issa jien—fejn se naqbad immur?”+
31 Madankollu, qabdu l-libsa twila taʼ Ġużeppi u qatlu bodbod u għaddsu darba wara l-oħra l-libsa fid-demm.+ 32 Imbagħad bagħtu l-libsa twila b’ħafna lwien għand missierhom u qalulu: “Sibna din. Jekk jogħġbok, ifliha+ biex tara jekk hijiex il-libsa taʼ ibnek.”+ 33 U hu flieha u qalilhom: “Din hi l-libsa taʼ ibni! Bilfors li kilitu bhima salvaġġa feroċi!+ Ġużeppi żgur li hu mqattaʼ bċejjeċ!”+ 34 U Ġakobb ċarrat ħwejġu u libes drapp taʼ l-ixkora fuq ġenbejh u baqaʼ mnikket għal ħafna jiem+ minħabba ibnu. 35 U s-subien u l-bniet kollha tiegħu baqgħu jfarrġuh,+ imma hu ma riedx jaf b’faraġ u qal:+ “Għax se ninżel imnikket ħdejn ibni fil-Qabar!”* U missieru baqaʼ jibkih.
36 Madankollu, il-Midjanin bigħuh fl-Eġittu lil Potifar, uffiċjal tal-palazz tal-Fargħun,+ il-kap tal-gwardja persunali tiegħu.+