Mattew
7 “Tibqgħux tiġġudikaw+ biex ma tiġux ġudikati; 2 għax bl-istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati;+ u bil-kejl li tkejlu, ikejlulkom.+ 3 Għala, mela, tħares lejn it-tibna f’għajn ħuk, imma ma tqisx it-travu li għandek f’għajnek?+ 4 Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-tibna minn għajnek’; meta, ara, int għandek travu f’għajnek?+ 5 Ipokrita! L-ewwel neħħi t-travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.
6 “Tagħtux lill-klieb+ dak li hu qaddis, lanqas tixħtu l-perli tagħkom quddiem il-ħnieżer, li ma jgħaffġuhomx+ taħt saqajhom u jduru għalikom u jqattgħukom.
7 “Ibqgħu itolbu,+ u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu,+ u jinfetħilkom. 8 Għax kulmin jitlob jaqlaʼ,+ u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu. 9 Tabilħaqq, min hu dak il-bniedem fostkom li jekk ibnu+ jitolbu l-ħobż jagħtih ġebla? 10 Jew, jekk forsi jitolbu ħuta jagħtih serp? 11 Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena,+ tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti affarijiet tajbin+ lil dawk li jitolbuh!
12 “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom,+ intom tridu tagħmluh lilhom ukoll; fil-fatt, dan ifissru l-Liġi u l-Profeti.+
13 “Idħlu mill-bieb id-dejjaq;+ għax wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna jgħaddu minnha; 14 filwaqt li dejjaq hu l-bieb u mħarbta hi t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.+
15 “Ħarsu ruħkom mill-profeti foloz+ li jiġu għandkom lebsin taʼ nagħaġ,+ imma minn ġewwa huma lpup imġewħin.+ 16 Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.+ In-nies ma jiġbrux l-għeneb mix-xewk jew it-tin mill-għollieq, hux tassew?+ 17 Bl-istess mod, kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma kull siġra mħassra tagħmel frott ħażin;+ 18 siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, lanqas siġra mħassra ma tistaʼ tagħmel frott tajjeb. 19 Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar.+ 20 Għalhekk, mela, mill-frott tagħhom tagħrfuhom.+
21 “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel+ ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet.+ 22 Ħafna jgħiduli f’dak il-jum, ‘Mulej, Mulej,+ mhux f’ismek ipprofetizzajna, u mhux f’ismek keċċejna d-demonji, u mhux f’ismek+ wettaqna ħafna għemejjel setgħanin?’ 23 Imbagħad nistqarrilhom: Jien qatt ma kont nafkom!+ Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-liġi.+
24 “Għalhekk, kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu jkun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-blat.+ 25 U niżlet ix-xita u ġie l-għargħar u nefħu l-irjieħ u ħabtu fuq dik id-dar, imma ma ċedietx, għax il-pedament tagħha kien fuq il-blat. 26 Imma, kulmin jismaʼ kliemi u ma jagħmlux+ ikun jixbah lil raġel iblah,+ li bena daru fuq ir-ramel. 27 U niżlet ix-xita u ġie l-għargħar u nefħu l-irjieħ u ħabtu fuq dik id-dar+ u ċediet, u l-waqgħa tagħha kienet kbira.”+
28 Issa, meta Ġesù temm dan id-diskors, ġara li l-folol baqgħu mistagħġbin+ bil-mod kif għallimhom; 29 għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità,+ u mhux bħall-iskribi tagħhom.