Ġenesi
35 Wara dan, Alla qal lil Ġakobb: “Qum, itlaʼ lejn Betel u għix hemmhekk, u agħmel artal hemmhekk lill-Alla l-veru, li deherlek meta kont qed taħrab minn ħuk Għesaw.”
2 Imbagħad Ġakobb qal lin-nies taʼ daru u lil kull min kien miegħu: “Neħħu l-allat barranin li għandkom f’nofskom, tnaddfu, u biddlu ħwejjiġkom. 3 U ejja nqumu u nitilgħu lejn Betel. Hemmhekk jien se nagħmel artal lill-Alla l-veru, li wiġibni meta kont imdejjaq ħafna u li kien miegħi kull fejn mort.” 4 Għalhekk, lil Ġakobb tawh l-allat barranin kollha li kellhom u l-imsielet li kellhom f’widnejhom, u Ġakobb radamhom taħt is-siġra l-kbira li kienet qrib Sikem.
5 Meta komplew jivvjaġġaw, Alla ġiegħel lin-nies tal-bliet taʼ madwarhom jibżgħu, u b’hekk ma ġrewx wara t-tfal taʼ Ġakobb. 6 Fl-aħħar, Ġakobb wasal Luż, jiġifieri Betel, fl-art taʼ Kangħan, hu u n-nies kollha li kienu miegħu. 7 Hemmhekk bena artal u dak il-post semmieh El-Betel, għaliex hemm l-Alla l-veru kien deherlu meta ħarab minn ħuh. 8 Iktar tard Debora, il-mara li darba kienet tieħu ħsieb lil Rebekka, mietet u ġiet midfuna viċin Betel taħt siġra tal-ballut. Għalhekk, din semmieha Allon-bakut.*
9 Minn meta Ġakobb telaq mill-Fiddien-aram, Alla reġaʼ deherlu u bierku. 10 Alla qallu: “Int jismek Ġakobb. Imma issa ismek se jsir Iżrael.” U beda jgħajjatlu Iżrael. 11 U Alla qallu wkoll: “Jien l-Alla li Jistaʼ Kollox. Ħa jkollok it-tfal u ssir ħafna. Int se ssir missier taʼ popli, iva, ħafna popli, u minnek għad joħorġu* rejiet. 12 U l-art li jien tajt lil Abraham u lil Iżakk, se nagħtiha lilek u lid-dixxendenti tiegħek.” 13 Imbagħad Alla telaq minn ħdejh, mill-post fejn kien kellmu.
14 B’hekk, Ġakobb waqqaf ġebla bħala tifkira* fil-post fejn kien kellmu. U fuqha ferraʼ offerta tax-xorb u ferraʼ wkoll iż-żejt. 15 U l-post fejn kien kellmu Alla, Ġakobb reġaʼ semmieh Betel.
16 Imbagħad telqu minn Betel. U waqt li kien għad fadlilhom biċċa triq sewwa għal Efrata, Rakele bdiet twelled, u l-ħlas kien diffiċli ħafna. 17 Imma waqt li kienet qed issibha diffiċli biex twelled, il-majjistra qaltilha: “Tibżax, għax se jkollok dan it-tifel ukoll.” 18 Fl-aħħar mumenti taʼ ħajjitha,* waqt li kienet qed tmut, semmietu Ben-oni,* imma missieru semmieh Benjamin.* 19 B’hekk, Rakele mietet u difnuha fit-triq li tagħti għal Efrata, jiġifieri Betlem. 20 Għalhekk, Ġakobb poġġa ġebla bħala sinjal fuq il-qabar tagħha. Din hi l-ġebla tal-qabar taʼ Rakele sa dan il-jum.
21 Wara dan, Iżrael telaq u rama t-tinda tiegħu ’l hemm mit-torri t’Għeder. 22 Darba minnhom, waqt li Iżrael kien qed jgħix f’dik l-art, Ruben kellu x’jaqsam maʼ Bilħa l-konkubina taʼ missieru. U Iżrael semaʼ b’dan.
Ġakobb kellu 12-il tifel. 23 It-tfal minn Lea kienu Ruben, l-ewwel imwieled taʼ Ġakobb, imbagħad Simegħon, Levi, Ġuda, Issakar, u Żebulun. 24 It-tfal minn Rakele kienu Ġużeppi u Benjamin. 25 U t-tfal minn Bilħa, il-qaddejja taʼ Rakele, kienu Dan u Naftali. 26 U t-tfal minn Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, kienu Gad u Aser. Dawn huma t-tfal taʼ Ġakobb li twildulu fil-Fiddien-aram.
27 Sa fl-aħħar, Ġakobb wasal fejn kien missieru Iżakk f’Mamre, f’Kirjat-arba, jiġifieri Ħebron, fejn Abraham u Iżakk kienu għexu bħala barranin. 28 Iżakk għex 180 sena. 29 Imbagħad ħa l-aħħar nifs u miet u nġabar maʼ niesu,* wara li għex ħajja twila u sodisfaċenti.* U difnuh it-tfal tiegħu Għesaw u Ġakobb.