Ġeremija
31 Ġeħova jgħid, “F’dak iż-żmien, jien se nsir l-Alla tal-familji kollha t’Iżrael, u huma jsiru l-poplu tiegħi.”
2 Hekk jgħid Ġeħova:
“In-nies li ma nqatlux bix-xabla sabu l-ħniena fid-deżert
Meta Iżrael kien miexi lejn il-post tal-mistrieħ tiegħu.”
3 Ġeħova deherli mill-bogħod u qal:
“Jien inħobbok bi mħabba li tibqaʼ għal dejjem.
U għalhekk li ġbidtek lejja bi* mħabba u lealtà.*
4 Jien se nerġaʼ nsaħħek u int terġaʼ ssir poplu.
Verġni t’Iżrael, int se terġaʼ taqbad it-tanburlini
U toħroġ tiżfen bil-ferħ.
5 Int se terġaʼ tħawwel għelieqi bid-dwieli fil-muntanji tas-Samarija;
Dawk li jħawlu d-dwieli se jieklu l-frott tagħhom.
6 Għax ġej iż-żmien, meta l-għassiesa li jkunu fuq il-muntanji t’Efrajm se jgħajtu:
‘Ejja ħa nitilgħu Sijon, lejn Ġeħova l-Alla tagħna.’”
7 Għax hekk jgħid Ġeħova:
“Kantaw lil Ġakobb bil-ferħ.
Għajtu bil-ferħ minħabba li intom l-ewwel fost il-popli.
Xandru l-messaġġ, faħħru lil Alla, u għidu,
‘Ġeħova, salva l-poplu tiegħek, dak li fadal minn Iżrael.’
8 Jien se nġibhom lura mill-pajjiż tat-Tramuntana.
Se niġborhom flimkien mill-iktar postijiet ’il bogħod tal-art.
Fosthom se jkun hemm dawk li ma jarawx u dawk li jzappu,
Nisa tqal u dawk li waslu biex iwelldu.
Se jiġu lura hawn bħala kongregazzjoni kbira.
9 Huma se jiġu jibku.
Jien se mmexxihom hekk kif jitolbuni biex nurihom ħniena.
Se niggwidahom lejn għejun tal-ilma,
Fuq triq lixxa li ma jitfixklux fiha.
Għax jien Missier għal Iżrael, u Efrajm hu l-ewwel imwieled tiegħi.”
10 Popli, isimgħu dak li jgħid Ġeħova
U xandruh fost in-nies tal-gżejjer li huma ’l bogħod:
“Il-Wieħed li xerred lill-Iżraelin se jiġborhom flimkien.
Hu se jieħu ħsiebhom bħalma ragħaj jieħu ħsieb il-merħla tiegħu.
12 Huma se jiġu u se jgħajtu bil-ferħ fuq il-muntanja taʼ Sijon
U wiċċhom se jixgħel minħabba li Ġeħova wera qalb tajba magħhom,*
Minħabba ċ-ċereali, l-inbid ġdid, u ż-żejt,
U minħabba l-frieħ tan-nagħaġ u l-baqar.
Huma se jsiru* bħal ġnien li hu msoqqi tajjeb,
U qatt iktar mhu se jħossuhom dgħajfin.”
13 “F’dak iż-żmien, it-tfajliet verġni se jiżfnu bil-ferħ,
U l-ġuvintur se jiżfnu bil-ferħ mal-irġiel akbar.
Jien se nbiddel id-dwejjaq tagħhom f’ferħ.
Se nfarraġhom u se nagħtihom il-ferħ minflok swied taʼ qalb.
14 Il-qassisin se nagħtihom* ikel bl-abbundanza,
U l-poplu tiegħi se jkun sodisfatt bl-affarijiet tajbin li se nagħtihom,” jgħid Ġeħova.
15 “Hekk jgħid Ġeħova,
‘Instemaʼ xi ħadd jgħajjat bid-dwejjaq u jibki fuq li jibki f’Rama:
Rakele qed tibki lit-tfal tagħha.
Hi ma tridx min ifarraġha,
Għax it-tfal tagħha mietu.’”
16 Hekk jgħid Ġeħova:
“‘Tibqax tibki u imsaħ id-dmugħ tiegħek,
Għax se tiġi ppremjata għal dak li għamilt,’ jgħid Ġeħova.
‘Huma se jiġu lura mill-art tal-għadu.’
17 “‘U għandek tama għall-futur,’ jgħid Ġeħova.
‘It-tfal tiegħek se jiġu lura fit-territorju tagħhom stess.’”
18 “Jien żgur li smajt lil Efrajm jeqred:
‘Int iddixxiplinajtni u jien ħadt it-tagħlima,
Bħal barri żgħir li ma ġiex ittrennjat.
Ġibni lura, u jien mill-ewwel indur lura,
Għax int Ġeħova l-Alla tiegħi.
19 Jien ħassejtni ddispjaċut u ġejt lura;
Wara li fhimt, tajt fuq koxxti bid-dwejjaq.
Minħabba dak li għamilt meta kont żgħir,
Stħajt u ħassejtni umiljat.’”
20 “Efrajm hu tifel prezzjuż u għażiż għalija.
Kull darba li nitkellem kontrih, xorta niftakru bi mħabba.
U għalhekk li nitħassru.*
Jien żgur li se nħenn għalih,” jgħid Ġeħova.
21 “Agħmel pilastri tal-ġebel għalik
U qiegħed is-sinjali.
Oqgħod attent għat-triq prinċipali, it-triq li għandek tgħaddi minnha.
Verġni t’Iżrael,* ejja lura, ejja lura fil-bliet tiegħek!
22 Ja bint mhux leali, kemm se ddum indeċiża?
Ġeħova ħalaq xi ħaġa ġdida fl-art:
Mara se tmur b’ħeġġa wara r-raġel tagħha.”
23 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael: “Se jerġgħu jgħidu dan il-kliem fl-art taʼ Ġuda u fil-bliet tagħha meta niġbor lura l-ilsiera, ‘Jalla Ġeħova jbierkek, post fejn hemm il-ġustizzja, muntanja qaddisa.’ 24 F’Ġuda u l-bliet tiegħu se jgħixu anki l-bdiewa u r-ragħajja. 25 Jien se nsaħħaħ lid-dgħajjef* u nxebbaʼ lil min hu dgħajjef minħabba l-ġuħ.”
26 Għal dan, qomt u ħarist madwari, u r-raqda kienet ġietni ħelwa.
27 Ġeħova jgħid, “Ġej iż-żmien, meta jien inżid ħafna lill-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda. Se nżid ukoll ħafna l-annimali tagħhom.”
28 “U bħalma qgħadt attent biex naqlagħhom, inwaqqagħhom, inġarrafhom, neqridhom, u nagħmlilhom il-ħsara, hekk se noqgħod attent biex nibnihom u nħawwilhom,” jgħid Ġeħova. 29 “F’dak iż-żmien, mhux se jibqgħu jgħidu, ‘Missirijietna kielu l-għeneb qares, imma ddarrsu s-snien tat-tfal tagħhom.’ 30 Minflok, se jiddarras kull min jiekol l-għeneb qares. Kull wieħed se jmut minħabba d-dnub tiegħu.”
31 Ġeħova jgħid, “Ġej iż-żmien meta jien nagħmel patt ġdid man-nies t’Iżrael u taʼ Ġuda. 32 Dan mhux se jkun bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom dakinhar li qbadthom minn idhom u ħriġthom mill-art tal-Eġittu, ‘għax huma kissru dak il-patt, għalkemm jien kont l-uniku sid tagħhom,’* jgħid Ġeħova.”
33 Ġeħova jgħid, “Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel man-nies t’Iżrael. Jien se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’moħħhom,* u niktibhom f’qalbhom. Jien insir l-Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.”
34 “U ħadd minnhom ma jgħid iktar lil sieħbu jew lil ħuh, ‘Sir af lil Ġeħova!’ għax kollha se jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir,” jgħid Ġeħova. “U jien se naħfer l-iżball tagħhom u ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom.”
35 Hekk jgħid Ġeħova,
Li għamel ix-xemx biex ikun hemm id-dawl matul il-ġurnata,
U li għamel il-liġijiet għall-qamar u l-istilel biex ikun hemm id-dawl billejl,
Li jċaqlaq il-baħar u jagħmel il-mewġ tiegħu qawwi ħafna,
Li ismu hu Ġeħova tal-armati:
36 “Ġeħova jgħid, ‘Bħalma dawn il-liġijiet qatt mhu se jfallu,
Hekk il-familja t’Iżrael dejjem se tkun bħala poplu quddiemi.’”
37 Ġeħova jgħid: “‘Bħalma s-sema ma tistax tiġi mkejla u l-pedament tal-art ma jistax jiġi eżaminat, jien ma nistax inwarrab il-familja kollha t’Iżrael għal dak kollu li għamlu,’ jgħid Ġeħova.”
38 Ġeħova jgħid: “Ġej iż-żmien meta l-belt se tinbena bħala l-belt taʼ Ġeħova mit-Torri taʼ Ħananel sal-Bieb tal-Kantuniera. 39 U l-ħabel tal-kejl se jmur dritt sal-għolja taʼ Gareb, u jdur lejn Gogħa. 40 U l-wied* kollu fejn jitfgħu l-iġsma mejtin u l-irmied,* u l-għelieqi kollha sal-Wied taʼ Kidron u sal-kantuniera taʼ Bieb iż-Żwiemel lejn il-Lvant, se jkunu xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova. Il-belt qatt iktar mhu se terġaʼ tinqalaʼ jew titwaqqaʼ.”