LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 25 pp. 196-202
  • “Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Quddiem it-Tron tal-Ġudizzju” (Atti 25:1-12)
  • “Jien Obdejt” (Atti 25:13–26:23)
  • “Dalwaqt Tikkonvinċini Biex Insir Kristjan” (Atti 26:24-32)
  • Pawlu Jagħti Xiehda bi Qlubija Quddiem Uħud Dinjitarji
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Għin lil Oħrajn Jaċċettaw il-Messaġġ tas-Saltna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • “Nappella għal Quddiem Ċesari!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 25 pp. 196-202

KAPITLU 25

“Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”

Pawlu jħalli eżempju f’li jiddefendi l-aħbar tajba

Ibbażat fuq Atti 25:1–26:32

1, 2. (a) X’inhuma ċ-ċirkustanzi taʼ Pawlu? (b) Liema mistoqsija tqum dwar id-deċiżjoni li ħa Pawlu biex imur quddiem Ċesari?

PAWLU jibqaʼ mgħasses sew f’Ċesarija. Sentejn qabel, meta kien irritorna lejn il-Lhudija, fi ftit jiem il-Lhud kienu pprovaw joqtluh minn tal-inqas tliet darbiet. (Atti 21:27-36; 23:10, 12-15, 27) S’issa, l-għedewwa tiegħu ma kellhomx suċċess, imma ma jaqtgħux qalbhom. Meta Pawlu jara li għad jistaʼ jingħata f’idejhom, hu jgħid lill-gvernatur Ruman Festu: “Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!”—Atti 25:11.

2 Appoġġa Ġeħova d-deċiżjoni taʼ Pawlu biex imur quddiem l-imperatur taʼ Ruma? It-tweġiba hi importanti għalina, peress li qed nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla f’dan iż-żmien tat-tmiem. Għandna bżonn inkunu nafu jekk Pawlu ħallilniex mudell xi nsegwu ‘biex niddefendu u nistabbilixxu legalment l-aħbar tajba.’—Flp. 1:7.

“Quddiem it-Tron tal-Ġudizzju” (Atti 25:1-12)

3, 4. (a) Il-Lhud għala għamlu rikjesta biex Pawlu jittieħed Ġerusalemm, u kif reġaʼ nħeles mill-mewt? (b) Ġeħova kif isostni lill-qaddejja tiegħu fi żmienna, bħalma sostna lil Pawlu?

3 Tlett ijiem wara li ħa l-kariga, Festu, il-gvernatur Ruman ġdid tal-Lhudija, mar Ġerusalemm.a Hemmhekk hu semaʼ lill-qassisin ewlenin u l-kbarat tal-Lhud hekk kif akkużaw lil Pawlu b’delitti serji. Huma kienu jafu li l-gvernatur il-ġdid kien taħt pressjoni biex iżomm il-paċi magħhom u mal-Lhud kollha. Għalhekk, talbu lil Festu biex jagħmlilhom pjaċir: Ġib lil Pawlu Ġerusalemm, u għaddih ġuri hemmhekk. Madankollu, kien hemm pjan mill-agħar wara din ir-rikjesta. Dawn l-għedewwa kienu qed jippjanaw li joqtlu lil Pawlu fit-triq minn Ċesarija għal Ġerusalemm. Festu ma laqax it-talba tagħhom, u qalilhom: “Jekk dan ir-raġel vera għamel xi ħaġa ħażina, ħa jiġu miegħi [lejn Ċesarija] l-irġiel taʼ pożizzjoni għolja minn fostkom u jakkużawh.” (Atti 25:5) Għalhekk, Pawlu għal darb’oħra reġaʼ nħeles mill-mewt.

4 Matul il-provi kollha taʼ Pawlu, Ġeħova sostnieh permezz tal-Mulej Ġesù Kristu. Ftakar li f’viżjoni, Ġesù qal lill-appostlu tiegħu: “Agħmel kuraġġ!” (Atti 23:11) Illum, il-qaddejja t’Alla wkoll jiffaċċjaw ostakli u theddid. Ġeħova ma jipproteġiniex minn kull diffikultà, imma jagħtina l-għerf u s-saħħa biex nissaportu. Dejjem nistgħu nistrieħu fuq “il-qawwa iktar min-normal” li jipprovdi Alla tagħna kollu mħabba.—2 Kor. 4:7.

5. Festu kif ittrattah lil Pawlu?

5 Xi jiem wara, Festu “qagħad bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju” f’Ċesarija.b Quddiemu kien hemm weqfin Pawlu u l-akkużaturi taʼ Pawlu. Bi tweġiba għall-akkużi bla bażi tagħhom, Pawlu qal: “Jien m’għamilt xejn ħażin, la kontra l-Liġi tal-Lhud, la kontra t-tempju, u lanqas kontra Ċesari.” L-appostlu kien innoċenti u kien ħaqqu jiġi meħlus. Festu kif kien se jiddeċiedi? Minħabba li ried jingħoġob mil-Lhud, hu staqsa lil Pawlu: “Trid titlaʼ Ġerusalemm u tiġi ġġudikat quddiemi hemm?” (Atti 25:6-9) Xi proposta bla sens! Li kieku Pawlu kellu jmur lura Ġerusalemm biex jiġi ġudikat, l-akkużaturi tiegħu kienu jsiru l-imħallfin tiegħu u żgur li kien jiffaċċja l-mewt. F’dan il-każ, Festu kien qed jagħżel il-vantaġġi politiċi minflok il-ġustizzja vera. Gvernatur qablu, Ponzju Pilatu, kien aġixxa b’mod simili f’każ li kien jinvolvi priġunier saħansitra iktar importanti. (Ġw. 19:12-16) Xi mħallfin fi żmienna wkoll jistgħu jċedu għall-pressjoni politika. Għalhekk, m’għandniex għalfejn nissorprendu ruħna meta xi qrati jiddeċiedu kontra l-evidenza f’każi li jinvolvu lill-poplu t’Alla.

6, 7. Pawlu għala ried imur quddiem Ċesari, u b’hekk liema mudell ħalla għall-Kristjani veri llum?

6 Ix-xewqa taʼ Festu biex jikkuntenta lil-Lhud setgħet poġġiet lil Pawlu f’periklu tal-mewt. Għalhekk, Pawlu uża dritt li kellu bħala ċittadin Ruman. Hu qal lil Festu: “Jien qiegħed quddiem it-tron tal-ġudizzju taʼ Ċesari fejn suppost għandi niġi ġġudikat. Bħalma qed tara, jien m’għamiltilhom xejn ħażin lil-Lhud. . . . Jien nixtieq immur quddiem Ċesari!” Spiss ma kienx ikun possibbli li jitbiddel appell bħal dan. Festu enfasizza dan, billi qal: “La trid tidher quddiem Ċesari, nibagħtek hemm.” (Atti 25:10-12) Billi ried imur quddiem awtorità legali ogħla, Pawlu ħalla mudell għall-Kristjani veri llum. Meta xi opponenti jipprovaw “jużaw il-liġi biex jaqilgħu l-inkwiet,” ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu vantaġġ mill-provvedimenti legali biex jiddefendu l-aħbar tajba.c—Salm 94:20.

7 B’hekk, wara iktar minn sentejn taʼ priġunerija għal delitti li ma kkommettiex, Pawlu ngħata l-opportunità biex jippreżenta l-każ tiegħu f’Ruma. Madankollu, qabel ma telaq, ried jarah ħakkiem ieħor.

Nies fil-qorti wara li nqatgħet is-sentenza. Ħu, l-avukati tiegħu, u xi aħwa huma mdejqin. Dawk li mhumiex Xhieda ferħanin għax is-sentenza nqatgħet kontra l-ħu.

Aħna nappellaw deċiżjonijiet legali mhux favorevoli

“Jien Obdejt” (Atti 25:13–26:23)

8, 9. Ir-Re Agrippa għala żar Ċesarija?

8 Xi jiem wara li Festu semaʼ l-appell taʼ Pawlu għal quddiem Ċesari, ir-Re Agrippa u oħtu Berniċe ‘għamlu żjara uffiċjali’ lill-gvernatur il-ġdid.d Fi żmien ir-Rumani, kienet id-drawwa li l-uffiċjali jagħmlu żjajjar bħal dawn lill-gvernaturi li jkunu għadhom kif inħatru. Billi feraħ lil Festu għall-ħatra tiegħu, Agrippa mingħajr dubju kien qed jipprova jistabbilixxi relazzjonijiet tajbin u ħbiberija li setgħu jkunu utli fil-futur.—Atti 25:13.

APPELLI GĦAN-NOM TAL-QIMA VERA FI ŻMINIJIET MODERNI

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kultant appellaw għal quddiem il-qrati superjuri bit-tama li jneħħu ostakli għall-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Hawnhekk hawn żewġ eżempji.

Fit-28 taʼ Marzu 1938, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti waqqgħet xi deċiżjonijiet tal-qrati tal-istat u ħelset grupp taʼ Xhieda li kienu ġew arrestati talli qassmu letteratura Biblika fi Griffin, Georgia, l-Istati Uniti tal-Amerika. Dan kien l-ewwel minn ħafna appelli li saru lil din il-qorti superjuri rigward id-dritt tax-Xhieda li jippritkaw l-aħbar tajba.g

Każ ieħor involva Xhud fil-Greċja jismu Minos Kokkinakis. Matul perijodu taʼ 48 sena, hu ġie arrestat iktar minn 60 darba minħabba “l-proselitiżmu,” jiġifieri ġiegħel lil oħrajn ibiddlu r-reliġjon tagħhom. Ittellaʼ l-qorti 18-il darba. Hu qattaʼ snin sħaħ il-ħabs u eżiljat fuq gżejjer remoti fil-Baħar Eġew. Wara l-aħħar kundanna tiegħu fl-1986, Ħuna Kokkinakis tilef l-appelli tiegħu quddiem il-qrati superjuri tal-Greċja. Imbagħad fittex l-għajnuna mingħand il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). Fil-25 taʼ Mejju 1993, din il-Qorti ddeċidiet li l-Greċja kienet kisret il-libertà tar-reliġjon taʼ Ħuna Kokkinakis.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova appellaw għal quddiem il-QEDB għall-għajnuna f’ħafna każi, u rebħu l-maġġuranza minnhom. Ebda organizzazzjoni oħra, reliġjuża jew le, ma kellha daqstant suċċess f’li tiddefendi d-drittijiet bażiċi umani quddiem il-QEDB.

Jibbenefikaw oħrajn mir-rebħiet legali tax-Xhieda taʼ Ġeħova? L-istudjuż Charles C. Haynes kiteb: “Ilkoll kemm aħna għandna nkunu grati lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Minkejja li kemm-il darba jiġu insultati, imġegħlin jitilqu minn xi belt jew saħansitra attakkati fiżikament, huma jibqgħu jiġġieldu għal-libertà reliġjuża tagħhom (u b’hekk tagħna wkoll). U meta jirbħu, nirbħu lkoll.”

g Ara r-rakkont tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti rigward il-libertà tal-kelma, li kien ġie pubblikat fi Stenbaħ! bl-Ingliż tat-8 taʼ Jannar 2003, paġni 3-11.

9 Festu tkellem mar-re dwar Pawlu, u Agrippa esprima x-xewqa li jismaʼ lil Pawlu. L-għada, iż-żewġ ħakkiema qagħdu bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju. Imma t-turija tal-qawwa tagħhom bil-pompa kollha m’għamlitx impressjoni akbar mill-kliem li kien se jgħid il-priġunier li kellhom quddiemhom.—Atti 25:22-27.

10, 11. Pawlu kif wera rispett lejn Agrippa, u Pawlu liema dettalji dwar il-passat tiegħu stess irrivela lir-re?

10 Pawlu b’rispett irringrazzja lir-Re Agrippa għall-opportunità li jippreżenta difiża quddiemu, u rrikonoxxa li r-re kien espert fid-drawwiet kollha tal-Lhud kif ukoll fil-kontroversji tagħhom. Imbagħad Pawlu ddeskriva l-passat tiegħu: “Jien kont mis-setta tal-Fariżej, u kif taf, il-Fariżej jidħlu iktar fid-dettall minn Lhud oħra dwar kif għandhom iqimu lil Alla.” (Atti 26:5) Bħala Fariżew, Pawlu kien jittama li kellu jiġi l-Messija. Issa, bħala Kristjan, hu identifika bil-qlubija lil Ġesù Kristu bħala l-wieħed li kien ilu mistenni. Twemmin li hu u l-akkużaturi tiegħu kellhom inkomuni—jiġifieri, it-tama tat-twettiq tal-wegħda t’Alla lil missirijiethom—kien ir-raġuni għala Pawlu kien għaddej ġuri dakinhar. Din is-sitwazzjoni ħalliet lil Agrippa saħansitra iktar interessat f’dak li Pawlu kellu x’jgħid.e

11 Meta ftakar fil-passat tiegħu taʼ meta kien jittratta lill-Kristjani bi krudeltà, Pawlu qal: “Jien stess kont konvint li rrid nagħmel kulma nistaʼ biex niħodha kontra Ġesù n-Nazzarenu. . . . peress li kont irrabjat ħafna magħhom [għas-segwaċi taʼ Kristu], wasalt sal-punt li nippersegwitahom fi bliet oħra.” (Atti 26:9-11) Pawlu ma kienx qed jesaġera. Ħafna nies kienu jafu dwar kemm kien ippersegwita bil-vjolenza lill-Kristjani. (Gal. 1:13, 23) Agrippa għandu mnejn ħaseb, ‘X’setaʼ biddel lil raġel bħal dan?’

12, 13. (a) Pawlu kif iddeskriva l-konverżjoni tiegħu? (b) Pawlu kif kien qed ‘jagħti kontra n-niggieża’?

12 Il-kliem li Pawlu qal wara ta t-tweġiba: “Darba kont qed nivvjaġġa lejn Damasku, għax il-qassisin importanti kienu bagħtuni hemm biex nagħmel hekk. Għal xi nofsinhar, jien rajt dawl qawwi iktar minn tax-xemx ġej mis-sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi. Meta waqajna mal-art, jien smajt leħen jgħidli bl-Ebrajk, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ tagħti kontra n-niggieża se tweġġaʼ.’ Imma jien għedt, ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita.’”f—Atti 26:12-15.

13 Qabel din il-viżjoni mirakoluża, Pawlu b’mod figurattiv kien qed ‘jagħti kontra n-niggieża.’ Sewwasew bħalma annimal tat-tagħbija kien iweġġaʼ lilu nnifsu bla bżonn billi joqmos kontra niggieża li taqtaʼ, Pawlu kien weġġaʼ lilu nnifsu spiritwalment billi rreżista r-rieda t’Alla. Billi deher lil Pawlu fit-triq lejn Damasku, Ġesù rxoxtat qanqal lil dan ir-raġel sinċier, imma li b’mod ċar kien gwidat ħażin, biex ibiddel il-ħsieb tiegħu.—Ġw. 16:1, 2.

14, 15. Pawlu x’qal rigward il-bidliet li kien għamel f’ħajtu?

14 Tabilħaqq, Pawlu għamel bidliet drastiċi f’ħajtu. Meta indirizza lil Agrippa, hu qal: “Jien obdejt dak li smajt fil-viżjoni mis-sema. Hu għalhekk li mort nipprietka dan il-messaġġ. L-ewwel bdejt minn Damasku, imbagħad Ġerusalemm, wara l-pajjiż kollu tal-Lhudija, u wkoll lill-popli. Jien bdejt ngħidilhom li għandhom jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu affarijiet li juru li ddispjaċiehom.” (Atti 26:19, 20) Għal ħafna snin, Pawlu kien qed iwettaq l-inkarigu li kien tah Ġesù Kristu f’dik il-viżjoni f’nofsinhar. B’liema riżultati? Dawk li taw widen għall-aħbar tajba li ppritkalhom Pawlu nidmu mill-kondotta immorali u diżonesta tagħhom u daru lejn Alla. Uħud bħal dawn saru ċittadini tajbin, li kkontribwew u wrew rispett għal-liġi u l-ordni.

15 Madankollu, dawn il-benefiċċji ma kienu jfissru xejn għall-opponenti Lhud taʼ Pawlu. Pawlu qal: “Hu għalhekk li l-Lhud qabduni fit-tempju u pprovaw joqtluni. Minkejja dan, bl-għajnuna t’Alla, jien għadni sal-lum nagħti xhieda lin-nies komuni u lil dawk importanti.”—Atti 26:21, 22.

16. Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu meta nkellmu lil imħallfin u lil nies t’awtorità dwar it-twemmin tagħna?

16 Bħala Kristjani veri, aħna għandna nkunu ‘dejjem lesti li niddefendu’ l-fidi tagħna. (1 Pt. 3:15) Meta nkellmu lil imħallfin u lil nies t’awtorità dwar it-twemmin tagħna, nistgħu nsibuh t’għajnuna li nimitaw il-metodu li uża Pawlu meta kellem lil Agrippa u lil Festu. Billi b’rispett ngħidulhom kif il-veritajiet tal-Bibbja biddlu l-ħajjiet għall-aħjar—il-ħajja tagħna stess kif ukoll il-ħajja taʼ dawk li jagħtu widen għall-messaġġ tagħna—għandna mnejn irrattbu l-qalb taʼ dawn l-uffiċjali għoljin.

“Dalwaqt Tikkonvinċini Biex Insir Kristjan” (Atti 26:24-32)

17. Festu kif irreaġixxa għad-difiża taʼ Pawlu, u liema attitudni simili naraw illum?

17 Hekk kif semgħu x-xhieda konvinċenti taʼ Pawlu, iż-żewġ mexxejja ġew effettwati. Innota x’ġara: “Waqt li Pawlu kien qed jgħid dan biex jiddefendi lilu nnifsu, Festu qal b’leħen għoli: ‘Int qed tiġġennen Pawlu! Il-ħafna għarfien li għandek qed iġennek!’” (Atti 26:24) Il-mod kif żbroffa Festu setaʼ indika li kellu attitudni li naraw anki llum. Ħafna nies jaħsbu li dawk li jgħallmu dak li tgħid il-Bibbja verament huma fanatiċi. Nies taʼ edukazzjoni għolja spiss isibuha diffiċli biex jaċċettaw it-tagħlim tal-Bibbja dwar l-irxoxt tal-mejtin.

18. Pawlu kif wieġbu lil Festu, u dan wassal għal liema tweġiba mingħand Agrippa?

18 Imma Pawlu kellu risposta għall-gvernatur: “Jien mhux qed niġġennen, l-Eċċellenza Tiegħek Festu, imma qed ngħid il-verità u qed nitkellem b’għaqal. Fil-fatt, ir-re li qed inkellmu bil-libertà jafhom sew dawn l-affarijiet. . . . Re Agrippa, int temmen fil-Profeti? Jien naf li temmen.” Agrippa wieġeb: “Dalwaqt tikkonvinċini biex insir Kristjan.” (Atti 26:25-28) Dan il-kliem, sinċier jew le, juri li x-xhieda taʼ Pawlu kellha effett profond fuq ir-re.

19. Festu u Agrippa liema deċiżjoni ħadu rigward Pawlu?

19 Imbagħad Agrippa u Festu qamu bilwieqfa, ġest li juri li d-diskussjoni spiċċat. “Waqt li kienu ħerġin bdew jgħidu lil xulxin: ‘Dan ir-raġel mhu qed jagħmel xejn li għalih ħaqqu l-mewt jew li jintefaʼ l-ħabs.’ Imbagħad Agrippa qal lil Festu: ‘Dan ir-raġel setaʼ nħeles li kieku ma riedx imur quddiem Ċesari.’” (Atti 26:31, 32) Huma kienu jafu li r-raġel li kien għadu kif ippreżenta d-difiża tiegħu kien innoċenti. Forsi issa kien se jkollhom ħarsa iktar favorevoli lejn il-Kristjani.

20. Ix-xhieda taʼ Pawlu lill-uffiċjali Rumani liema riżultati kisbet?

20 Jidher li ħadd mill-mexxejja f’dan ir-rakkont m’aċċetta l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Kien għaqli li l-appostlu Pawlu deher quddiem dawn l-irġiel? It-tweġiba hija iva. Minħabba li lil Pawlu ‘ħaduh quddiem ir-rejiet u l-mexxejja’ fil-Lhudija, uffiċjali Rumani ngħataw xhieda. Kieku ma seħħx dan għandhom mnejn ma kienx ikollhom opportunità jisimgħu. (Lq. 21:12, 13) Ukoll, l-esperjenzi u l-lealtà tiegħu taħt prova inkuraġġew lil ħutu fil-fidi.—Flp. 1:12-14.

21. Billi nipperseveraw fix-xogħol tas-Saltna, liema riżultati pożittivi għandna mnejn naraw?

21 L-istess hu minnu llum. Billi nipperseveraw fix-xogħol tas-Saltna minkejja l-provi u l-oppożizzjoni, għandna mnejn naraw għadd taʼ riżultati pożittivi. Nistgħu nagħtu xhieda lil uffiċjali li kieku jkun diffiċli li nilħquhom. Is-sabar leali tagħna jistaʼ jkun sors taʼ inkuraġġiment għal ħutna l-Kristjani, u jqanqalhom juru saħansitra iktar qlubija fix-xogħol taʼ li jagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla.

IL-PROKURATUR RUMAN PORĊJU FESTU

L-unika informazzjoni diretta li għandna dwar Porċju Festu ġejja mill-ktieb tal-​Atti tal-Appostli u l-kitbiet taʼ Ġużeppi Flavju. Festu laħaq flok Feliċ bħala prokuratur tal-Lhudija f’madwar is-sena 58 WK u evidentement miet fil-kariga wara li kien ilu jiggverna sentejn jew tlieta biss.

Porċju Festu.

Ġeneralment, Festu jidher li kien prokuratur prudenti u kapaċi, b’kuntrast maʼ dak li kien hemm qablu, Feliċ, u s-suċċessur tiegħu, Albinu. Meta Festu sar prokuratur, kien hemm ħafna ħallelin fil-Lhudija. Skont Ġużeppi Flavju, “Festu . . . għamilha l-mira tiegħu li jikkastiga lil dawk li kienu jaqilgħu l-inkwiet fil-pajjiż. Għalhekk, hu qabad il-biċċa l-kbira mill-ħallelin, u qered ħafna minnhom.” Waqt li kien gvernatur, il-Lhud bnew ħajt biex ma jħallux lir-Re Agrippa jara x’kien qed jiġri fin-naħa tat-tempju. Festu għall-ewwel ordnalhom iwaqqgħuh. Madankollu, fi qbil mat-talba tal-Lhud, hu iktar tard ħalliehom jippreżentaw il-kwistjoni quddiem l-imperatur Ruman Neruni.

Jidher li Festu kien ħa waqfa soda kontra l-kriminali u r-ribelli. Imma minħabba x-xewqa tiegħu biex iżomm relazzjonijiet tajbin mal-Lhud, hu kien lest li jaġixxi b’mod inġust—għall-inqas fil-mod kif ittratta lill-appostlu Pawlu.

IR-RE  ERODI AGRIPPA II

Agrippa li Atti kapitlu 25 jirreferi għalih kien ir-Re Erodi Agrippa II, li bużnannuh kien Erodi l-Kbir u missieru kien l-Erodi li kien attakka lill-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm 14-il sena qabel. (Atti 12:1) Agrippa kien l-aħħar mill-prinċpijiet Erodjani.

Ir-Re Agrippa II.

Meta miet missieru fis-sena 44 WK, Agrippa kien għad kellu 17-il sena u kien Ruma, fejn kien qed jiġi mgħallem fil-palazz tal-imperatur Ruman Klawdju. Il-konsulenti tal-imperatur ikkunsidraw lil Agrippa żgħir wisq biex jiret id-dominju taʼ missieru, u b’hekk minfloku nħatar gvernatur Ruman. Minkejja dan, skont Ġużeppi Flavju, waqt li Agrippa kien għadu Ruma, hu kien qabeż għal-Lhud u tkellem għan-nom tagħhom.

F’madwar is-sena 50 WK, Klawdju ħatar lil Agrippa sultan fuq il-Kalkis u fis-sena 53 WK, fuq l-Iturija, it-Trakonija, u l-Abilene. Agrippa ngħata wkoll kontroll fuq it-tempju taʼ Ġerusalemm, bl-awtorità biex jaħtar il-qassisin il-kbar Lhud. Is-suċċessur taʼ Klawdju, Neruni, estenda l-ħakma t’Agrippa biex tinkludi partijiet mill-Galilija u mill-Perija. Fi żmien il-laqgħa tiegħu ma’ Pawlu, Agrippa kien f’Ċesarija m’oħtu Berniċe, li kienet telqet lil żewġha, ir-re taċ-Ċiliċja.—Atti 25:13.

Fis-sena 66 WK, meta l-isforzi t’Agrippa biex jikkalma r-ribelljoni tal-Lhud kontra Ruma fallew, hu nnifsu sar il-mira tar-ribelli, u ma kellux għażla oħra ħlief li jingħaqad mar-Rumani. Wara li l-irvell Lhudi nġieb fix-xejn, imperatur ġdid, Vespasjanu, ta lil Agrippa iktar territorji bħala premju.

a Ara l-kaxxa “Il-Prokuratur Ruman Porċju Festu.”

b “It-tron tal-ġudizzju” kien siġġu mqiegħed fuq palk baxx. Il-pożizzjoni elevata kienet isservi biex tindika li d-deċiżjonijiet tal-imħallef kienu finali u kellhom jiġu rispettati. Pilatu qagħad fuq tron taʼ ġudizzju meta kkunsidra l-akkużi kontra Ġesù.

c Ara l-kaxxa “Appelli għan-Nom tal-Qima Vera fi Żminijiet Moderni.”

d Ara l-kaxxa “Ir-Re Erodi Agrippa II.”

e Bħala Kristjan, Pawlu aċċetta lil Ġesù bħala l-Messija. Il-Lhud, li ċaħdu lil Ġesù, qiesu lil Pawlu bħala apostata.—Atti 21:21, 27, 28.

f Rigward il-kliem taʼ Pawlu li kien qed jivvjaġġa f’nofsinhar, studjuż tal-Bibbja nnota: “Sakemm vjaġġatur ma kienx ikun verament mgħaġġel b’mod iddisprat kien jistrieħ matul is-sħana taʼ nofsinhar. Għalhekk, naraw kemm Pawlu kien qed jagħmel ħiltu kollha f’din il-missjoni taʼ persekuzzjoni.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja