Ġunju
Il-Ħadd, 1 taʼ Ġunju
“Hemm bżonn li ngħaddu minn ħafna tbatijiet biex inkunu parti mis-Saltna t’Alla.”—Atti 14:22.
Ġeħova ppremja l-Kristjani tal-bidu li addattaw għall-bidliet li kellhom. Huma ffaċċjaw il-persekuzzjoni ħafna drabi, u ġieli meta ma kinux qed jistennewha. Aħseb x’ġara lil Barnaba u l-appostlu Pawlu meta kienu qed jippritkaw f’Listra. Għall-ewwel in-nies laqgħuhom u bdew jisimgħuhom. Imma iktar tard, xi nies “ipperswadew lill-folol,” u wħud minnhom waddbu l-ġebel lil Pawlu u ħallewh mal-art biex imut. (Atti 14:19) Imma Barnaba u Pawlu komplew jippritkaw xi mkien ieħor. X’kien ir-riżultat? Huma għamlu “ftit dixxipli mhux ħażin,” u dak li qalu u l-eżempju tagħhom inkuraġġixxa lill-aħwa. (Atti 14:21, 22) Ħafna bbenefikaw minħabba li Pawlu u Barnaba ma waqfux jippritkaw anki meta ffaċċjaw il-persekuzzjoni. Jekk ma naqtgħux qalbna fix-xogħol li jridna nagħmlu Ġeħova, hu se jippremjana. w23.04 16-17 ¶13-14
It-Tnejn, 2 taʼ Ġunju
“Ismaʼ t-talba tiegħi, Ġeħova; u agħti kasi meta nitolbok bil-ħniena biex tgħinni. Meta nkun qed inbati, lilek ngħajjat għall-għajnuna, għax int twiġibni.”—Salm 86:6, 7.
Ir-Re David fil-ħajja tiegħu kellu ħafna għedewwa perikolużi, u spiss talab lil Ġeħova biex jgħinu. David kien ċert li Ġeħova semaʼ u wieġeb it-talb tiegħu. Int ukoll tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jismaʼ u jwieġeb it-talb tiegħek. Il-Bibbja turina li Ġeħova jistaʼ jagħtina l-għerf u s-saħħa li jkollna bżonn biex nibqgħu nissaportu. Hu jistaʼ juża lill-aħwa jew anki lil dawk li ma jaqduhx biex jgħinuna. Għalkemm Ġeħova forsi mhux dejjem iwieġeb it-talb tagħna kif inkunu nixtiequ aħna, aħna nafu li meta nitolbuh hu dejjem se jwiġibna. Hu se jagħtina dak li jkollna bżonn u meta jkollna bżonnu. Għalhekk, ibqaʼ itlob u kun konvint li Ġeħova se jisimgħek, se jieħu ħsiebek issa, u se ‘jaqtaʼ x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja’ fid-dinja l-ġdida.—Salm 145:16. w23.05 8 ¶4; 13 ¶17-18
It-Tlieta, 3 taʼ Ġunju
“X’nistaʼ nagħti lil Ġeħova għal dak kollu li għamel miegħi?”—Salm 116:12.
Iffoka fuq il-barkiet li jkollok meta tilħaq il-mira tiegħek. Int fuq liema barkiet tistaʼ tiffoka? Jekk il-mira tiegħek hi dwar il-qari tal-Bibbja jew it-talb, aħseb kemm se tgħinek issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova. (Salm 145:18, 19) Jekk il-mira tiegħek hi li ttejjeb kwalità Kristjana, aħseb kemm se ttejjeb il-ħbiberija tiegħek ma’ oħrajn. (Kol. 3:14) Għala ma tagħmilx lista taʼ raġunijiet għala tixtieq tilħaq il-mira tiegħek? Imbagħad iċċekkja din il-lista b’mod regulari. Ukoll, qattaʼ l-ħin ma’ nies li se jgħinuk tilħaq il-mira tiegħek. (Prov. 13:20) Ilkoll kemm aħna jkollna ġranet fejn ma jkollna aptit nagħmlu xejn. Allura dan ifisser li ma nistgħux naħdmu fuq il-mira tagħna? Le. Aħna nistgħu naħdmu biex nilħqu l-mira tagħna anki jekk ma jkollniex ix-xewqa. Dan żgur li mhux faċli imma int se tkun ferħan meta tilħaqha. w23.05 27-28 ¶5-8
L-Erbgħa, 4 taʼ Ġunju
“Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Gal. 6:7.
Minħabba li nafu li aħna responsabbli għad-deċiżjonijiet li nieħdu, se nammettu l-iżbalji tagħna, nirranġawhom, u nipprovaw ma nerġgħux nagħmluhom. Meta nagħmlu hekk, se nkunu nistgħu nibqgħu fit-tiġrija għall-ħajja. X’tistaʼ tagħmel jekk ħadt deċiżjoni ħażina? Taħlix il-ħin u l-enerġija tiegħek tipprova tieħu r-raġun jew twaħħal f’oħrajn. Minflok aċċetta li żbaljajt u agħmel l-aħjar li tistaʼ fiċ-ċirkustanzi tiegħek. Jekk tħossok ħażin minħabba żball li għamilt, itlob lil Ġeħova u għidlu jaħfirlek. (Salm 25:11; 51:3, 4) Skuża ruħek ma’ dawk li weġġajt, u jekk ikun hemm bżonn għid lill-anzjani biex jgħinuk. (Ġak. 5:14, 15) Tgħallem mill-iżbalji u pprova terġax tagħmilhom. Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jaħfirlek u jagħtik l-għajnuna li jkollok bżonn.—Salm 103:8-13. w23.08 28-29 ¶8-9
Il-Ħamis, 5 taʼ Ġunju
“Ġeħogħas għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova matul il-jiem kollha li kien iggwidat minn Ġeħojada l-qassis.”—2 Slat. 12:2.
Il-qassis Ġeħojada għen lir-Re Ġeħogħas biex ikun persuna tajba. Meta kien żgħir, ir-re ried jogħġob lil Ġeħova. Imma meta Ġeħojada miet, Ġeħogħas semaʼ mill-kapijiet taʼ Ġuda, li kienu apostati. (2 Kron. 24:4, 17, 18) Minkejja li Ġeħova kien imweġġaʼ, hu “baqaʼ jibagħtilhom il-profeti biex jiġbidhom lura lejh . . . , imma ma ridux jisimgħu.” Huma lanqas ma semgħu minn Żakkarija, it-tifel taʼ Ġeħojada. Dan mhux biss kien il-profeta u l-qassis taʼ Ġeħova imma kien ukoll il-kuġin taʼ Ġeħogħas. Ir-Re Ġeħogħas wasal biex joqtol lil Żakkarija. (2 Kron. 22:11; 24:19-22) Ġeħogħas ma baqax jirrispetta lil Ġeħova. Ġeħova qal: “Dawk li jmaqdruni se jiġu ddiżonorati.” (1 Sam. 2:30) Iktar tard armata żgħira taʼ Sirjani rebħet l-“armata kbira” li kellu Ġeħogħas u “weġġgħuh serjament.” (2 Kron. 24:24, 25) Ġeħogħas inqatel mill-qaddejja tiegħu stess talli qatel lil Żakkarija. w23.06 18-19 ¶16-17
Il-Ġimgħa, 6 taʼ Ġunju
“Intom darba kontu bħad-dlam, imma issa qiskom bħad-dawl.”—Efes. 5:8.
L-appostlu Pawlu għamel xi żmien jipprietka l-aħbar tajba f’Efesu. (Atti 19:1, 8-10; 20:20, 21) Hu kien iħobbhom ħafna lill-aħwa u xtaq jgħinhom jibqgħu leali lejn Ġeħova. L-Efesin li Pawlu kitbilhom darba kienu f’reliġjonijiet foloz u jemmnu fil-maġija. In-nies f’Efesu kienu immorali ħafna u ma kinux jistħu bil-ħażen li kienu jagħmlu. Ir-reċti li kien ikollhom fit-teatru u l-festi reliġjużi spiss kienu jkunu dwar is-sess. (Efes. 5:3) Ħafna min-nies li kienu jgħixu hemm kienu “tilfu kull sens morali.” Dan il-kliem ifisser li “ma baqgħux iħossu wġigħ.” (Efes. 4:17-19) Qabel ma l-Efesin tgħallmu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, il-kuxjenza tagħhom ma kinitx iddejjaqhom meta kienu jagħmlu xi ħaġa ħażina. Minħabba f’hekk, Pawlu setaʼ jgħidilhom li kienu “qegħdin fi dlam mentali u mbegħdin mill-ħajja li ġejja minn Alla.” Xi wħud mill-Efesin ma baqgħux fid-dlam. w24.03 20 ¶2, 4; 21 ¶5-6
Is-Sibt, 7 taʼ Ġunju
Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-qawwa mill-ġdid u ma jegħjewx. —Is. 40:31.
Bħala mħallef, Gidegħon kellu jaħdem iebes. Meta l-Midjanin ħarbu matul il-ġlieda, Gidegħon ġera warajhom mill-Wied taʼ Ġeżragħel sax-Xmara Ġordan. (Mħ. 7:22) Gidegħon waqaf jiġri warajhom? Le! Minkejja li kienu għajjenin, hu u t-300 suldat qasmu x-Xmara Ġordan u baqgħu jiġru warajhom. Fl-aħħar, huma qabdu lill-Midjanin u rebħulhom. (Mħ. 8:4-12) Gidegħon straħ fuq Ġeħova għall-għajnuna u ma kienx iddiżappuntat. (Mħ. 6:14, 34) Darba waħda, Gidegħon u l-irġiel tiegħu kienu qed jiġru wara żewġ rejiet Midjanin waqt li x’aktarx kienu rekbin fuq l-iġmla. (Mħ. 8:12, 21) Imma Alla għen lill-Iżraelin biex jaqbduhom u jirbħu l-ġlieda. L-anzjani wkoll jistgħu jistrieħu fuq Ġeħova għall-għajnuna, il-Wieħed li “ma jegħjiex.” Hu se jagħtihom is-saħħa li jkollhom bżonn.—Is. 40:28, 29. w23.06 6-7 ¶14, 16
Il-Ħadd, 8 taʼ Ġunju
Ġeħova la se jitilqek u lanqas jabbandunak.—Dt. 31:6.
Aħna nistgħu nkunu leali minkejja kull prova li niffaċċjaw. Għalhekk, afda f’Ġeħova. Ara kif Barak irnexxa minħabba li kien jafda f’Ġeħova. Dak iż-żmien l-Iżraelin ma kellhomx armi biex jiġġieldu. Imma Ġeħova qal lil Barak biex imur jiġġieled kontra Sisera u l-armata tiegħu, li kellhom ħafna armi. (Mħ. 5:8) Il-profetessa Debora qalet lil Barak biex jinżel mill-muntanja fuq art ċatta biex jiġġieled kontra Sisera u 900 karru. Fuq art ċatta kien se jkun iktar diffiċli għall-Iżraelin biex jiġġieldu kontra s-suldati bil-karrijiet, imma Barak xorta obda. Meta s-suldati niżlu mill-Muntanja Tabor, Ġeħova ġiegħel li tinżel ħafna xita. Il-karrijiet taʼ Sisera bdew jeħlu fit-tajn u bis-saħħa taʼ Ġeħova, Barak rebaħ. (Mħ. 4:1-7, 10, 13-16) Bis-saħħa taʼ Ġeħova aħna wkoll nistgħu nirnexxu jekk nafdaw fih u fid-direzzjoni li jtina permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. w23.07 18-19 ¶17-18
It-Tnejn, 9 taʼ Ġunju
“Min jissaporti sal-aħħar se jsalva.”—Mt. 24:13.
Biex ikollna l-ħajja taʼ dejjem irridu nkunu paċenzjużi. Bħall-qaddejja leali fil-passat, irridu nkunu paċenzjużi u nistennew lil Ġeħova biex iwettaq il-wegħdi tiegħu. (Ebr. 6:11, 12) Il-Bibbja tqabbel is-sitwazzjoni tagħna maʼ dik taʼ bidwi. (Ġak. 5:7, 8) Bidwi jaħdem iebes biex jiżraʼ u jsaqqi, imma hu ma jkunx jaf eżatt meta se jikbru l-ħxejjex. Għalhekk, bil-paċenzja jistenna għax konvint li dak li żeraʼ se jikber. Bl-istess mod, aħna nibqgħu naħdmu għal Ġeħova minkejja li ‘ma nafux meta se jiġi l-Mulej.’ (Mt. 24:42) Aħna nistennew bil-paċenzja wkoll għax nafu li Ġeħova se jwettaq il-wegħdi tiegħu fil-ħin eżatt. Jekk ma nkunux paċenzjużi, nistgħu negħjew nistennew u maż-żmien ma nibqgħux naqdu lil Ġeħova. Nistgħu nibdew ukoll niffokaw fuq affarijiet li naħsbu li se jagħmluna ferħanin bħalissa. Imma jekk inkunu paċenzjużi nistgħu nibqgħu nissaportu sal-aħħar u nsalvaw.—Mik. 7:7. w23.08 22 ¶7
It-Tlieta, 10 taʼ Ġunju
“Is-swabaʼ tas-saqajn kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal maħdum.”—Dan. 2:42.
Meta nqabblu l-profezija f’Danjel 2:41-43 m’oħrajn li nsibu fil-ktieb taʼ Danjel u Rivelazzjoni, nifhmu li s-saqajn jirrappreżentaw l-Istati Uniti u l-Brittanja. Dawn jaħdmu flimkien u huma l-iktar gvernijiet b’saħħithom fid-dinja. Dwar din il-qawwa dinjija, Danjel jgħid li “s-saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa.” Parti minnha għala se tkun dgħajfa? Għax in-nies, li huma t-tafal niedi, ma jħalluhiex tkun b’saħħitha bħall-ħadid. Mill-istatwa li jiddeskrivi Danjel nitgħallmu veritajiet importanti. L-ewwel, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana wriet li hi b’saħħitha ħafna. Pereżempju, l-Istati Uniti u l-Brittanja kienu fost il-pajjiżi li rebħu l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija. Imma dawn il-gvernijiet kellhom jiddgħajfu, għax in-nies tal-pajjiż iġġieldu kontra xulxin u kontrihom. It-tieni, il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana se tkun l-aħħar qawwa li se tmexxi qabel is-Saltna t’Alla teqred il-gvernijiet kollha. w23.08 10-11 ¶12-13
L-Erbgħa, 11 taʼ Ġunju
“Meta kont imdejjaq għajjatt lil Ġeħova, lill-Alla tiegħi bqajt ngħajjatlu għall-għajnuna. Mit-tempju tiegħu semaʼ leħni.”—Salm 18:6.
Kien hemm drabi li David ħassu inkwetat ħafna minħabba l-problemi li kellu. (Salm 18:4, 5) Imma hu ħassu b’saħħtu għax Ġeħova kien iħobbu u ħa ħsiebu. Ġeħova ħa ħsieb lill-ħabib tiegħu billi ħadu “f’art mimlija ħaxix” u “f’postijiet taʼ mistrieħ li fihom ħafna ilma.” Minħabba f’hekk, David ħassu b’saħħtu u setaʼ jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova bil-ferħ. (Salm 18:28-32; 23:2) Bħal David, l-imħabba u l-lealtà taʼ Ġeħova jgħinuna nissaportu meta ngħaddu mill-problemi. (Lam. 3:22; Kol. 1:11) David kemm-il darba kien fil-periklu li jmut, u kellu ħafna għedewwa b’saħħithom. Imma hu ħassu protett għax Ġeħova kien iħobbu. David setaʼ jagħmel il-kuraġġ għax kien jaf li Ġeħova dejjem kien miegħu. B’hekk setaʼ jkanta: “[Ġeħova] ħelisni minn dak kollu li kien qed ibeżżagħni.” (Salm 34:4) Minkejja li David għadda minn żminijiet tal-biżaʼ, hu setaʼ jagħmel il-kuraġġ għax kien jaf li Ġeħova jħobbu. w24.01 30 ¶15-17
Il-Ħamis, 12 taʼ Ġunju
“Jekk il-midinbin jipprovaw iħajruk, iċċedix.”—Prov. 1:10.
Meta miet il-Qassis il-Kbir Ġeħojada, il-ħbieb taʼ Ġeħogħas influwenzawh biex jagħmel affarijiet ħżiena. (2 Kron. 24:17, 18) Hu semaʼ mill-pariri tal-kapijiet taʼ Ġuda, li ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Peress li kienu jagħmlu dak li hu ħażin, kien ikun aħjar għal Ġeħogħas kieku evitahom. Imma minflok hu semaʼ mill-pariri ħżiena tagħhom. Fil-fatt meta l-kuġin taʼ Ġeħogħas, Żakkarija, ipprova jikkoreġih, Ġeħogħas qatlu. (2 Kron. 24:20, 21; Mt. 23:35) Kemm għamel xi ħaġa kerha u bla sens! Għall-ewwel kien re leali, imma mbagħad ma baqax u sar qattiel. Fl-aħħar, qatluh il-qaddejja tiegħu stess. (2 Kron. 24:22-25) Kemm kienet tkun differenti ħajtu kieku kompla jismaʼ minn Ġeħova u minn dawk li jħobbuh! w23.09 9 ¶6
Il-Ġimgħa, 13 taʼ Ġunju
“Tibqax tibżaʼ.”—Lq. 5:10.
Ġesù kien jaf li l-appostlu Pietru setaʼ jibqaʼ leali. Għalhekk, Ġesù qal lil Pietru biex ma jibqax jibżaʼ. Il-fiduċja li Ġesù kellu f’Pietru biddlitlu ħajtu. Iktar tard, Pietru u ħuh Indrì telqu x-xogħol tas-sajd u bdew jippritkaw ma’ Ġesù. Imbagħad, Ġeħova berikhom b’ħafna modi. (Mk. 1:16-18) Bħala dixxiplu, Pietru kellu ħafna esperjenzi sbieħ. Hu ra lil Ġesù jfejjaq lill-morda, ikeċċi d-dimonji, u anki jqajjem il-mejtin. (Mt. 8:14-17; Mk. 5:37, 41, 42) Pietru ra wkoll viżjoni tal-għaġeb li qatt ma nesa, taʼ meta Ġesù kien se jmexxi bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. (Mk. 9:1-8; 2 Pt. 1:16-18) Li kieku Pietru ma sarx dixxiplu taʼ Ġesù ma kienx se jara dawn l-affarijiet. Hu żgur li kien ferħan ħafna li ma baqax iħossu skuraġġit u esperjenza dawn l-affarijiet! w23.09 21 ¶4-5
Is-Sibt, 14 taʼ Ġunju
“Ġesù wieġbu: “Le, mhux sa sebaʼ darbiet, imma sa 77 darba.”—Mt. 18:22.
Fl-ewwel ittra tiegħu, l-appostlu Pietru uża l-espressjoni “mħabba profonda.” Imħabba bħal din “tgħatti kotra taʼ dnubiet,” u mhux ftit biss. (1 Pt. 4:8) Jistaʼ jkun li Pietru ftakar fil-lezzjoni li kien għallmu Ġesù dwar il-maħfra snin qabel. Meta Pietru qal li hu kien lest li jaħfer lil ħuh “sa sebaʼ darbiet,” kien qed jaħseb li kien raġel tajjeb ħafna. Imma Ġesù għallem lilu u lilna biex naħfru “sa 77 darba,” jiġifieri bla limitu. (Mt. 18:21) Jekk issibha diffiċli biex tapplika dan il-parir, taqtax qalbek! Kultant, peress li l-qaddejja kollha taʼ Ġeħova huma imperfetti, isibuha diffiċli biex jaħfru lil xi ħadd. L-iktar ħaġa importanti għalik hi li tagħmel dak li tistaʼ biex taħfer lil ħuk u jkollok il-paċi miegħu. w23.09 29 ¶12
Il-Ħadd, 15 taʼ Ġunju
Jien għajjatt lil Ġeħova u hu wiġibni.—Ġona 2:2.
Meta kien waħdu f’żaqq il-ħuta, Ġona kien ċert li Ġeħova se jismaʼ t-talba tiegħu u li Ġeħova se jgħinu. Ġeħova salva lil Ġona u iktar tard Ġona kien lest li jagħmel l-inkarigu tiegħu. (Ġona 2:10–3:1-4) Meta tkun għaddej minn problema, ġieli tħossok anzjuż ħafna biex titlob lil Ġeħova? Jew tħossok għajjien ħafna biex tistudja? Ftakar li Ġeħova jifhem eżatt is-sitwazzjoni tiegħek. Għalhekk, anke jekk tgħid talba żgħira, tistaʼ tkun ċert li hu se jagħtik dak li jkollok bżonn. (Efes. 3:20) Jekk issibha diffiċli biex taqra u tistudja minħabba li int marid u tħossok għajjien, jew imdejjaq, tistaʼ tismaʼ l-qari tal-Bibbja jew waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħna bl-awdjo. Tistaʼ tismaʼ wkoll waħda mill-għanjiet tagħna jew tara xi vidjow fuq jw.org. Ġeħova jrid jagħtik is-saħħa, u se jagħmel hekk jekk titolbu u tfittex għat-tweġibiet tat-talb tiegħek fil-Bibbja u fl-affarijiet kollha li jipprovdilek. w23.10 13 ¶6; 14 ¶9
It-Tnejn, 16 taʼ Ġunju
“L-ispirtu qaddis jagħmilha ċara li t-triq għal ġol-post qaddis kienet għadha ma ntwerietx waqt li kienet wieqfa l-ewwel tinda.”—Ebr. 9:8.
It-tabernaklu u t-tempji li nbnew wara f’Ġerusalemm kienu simili ħafna minn ġewwa. Dawn kellhom żewġt ikmamar—“il-Post Qaddis” u “l-Iktar Qaddis”—li kienet tifridhom purtiera. (Ebr. 9:2-5; Eżo. 26:31-33) Fil-Post Qaddis kien hemm gandlier tad-deheb, altar biex joffru l-inċens fuqu, u mejda għall-ħobż. Il-“qassisin magħżulin” biss setgħu jidħlu fil-Post Qaddis biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. (Num. 3:3, 7, 10) Fl-Iktar Qaddis kien hemm l-arka tal-patt li kienet turi li hemm Ġeħova. (Eżo. 25:21, 22) Fl-Iktar Qaddis setaʼ jidħol biss il-qassis il-kbir, darba fis-sena, f’Jum it-Tpattija. (Lev. 16:2, 17) Hu kien jidħol bid-demm tal-annimali biex ipatti għad-dnubiet tiegħu u għad-dnubiet tal-Iżraelin kollha. Maż-żmien, Ġeħova wera x’kienu jfissru l-affarijiet fit-tabernaklu.—Ebr. 9:6, 7. w23.10 27 ¶12
It-Tlieta, 17 taʼ Ġunju
Ħobbu lil xulxin.—Ġw. 15:17.
Għal darba wara l-oħra fil-Kelma t’Alla nsibu l-kmand biex ‘inħobbu lil xulxin.’ (Ġw. 15:12; Rum. 13:8; 1 Tess. 4:9; 1 Pt. 1:22; 1 Ġw. 4:11) Imma l-imħabba hi xi ħaġa li nħossu ġewwa fina, u n-nies ma jistgħux jaraw x’hemm f’qalbna. Allura kif nistgħu nuru lill-aħwa li aħna nħobbuhom? B’dak li ngħidu u nagħmlu. Hemm ħafna modi li bihom nistgħu nuru lill-aħwa li nħobbuhom. Dawn huma xi eżempji: “Tkellmu bil-verità maʼ xulxin.” (Żak. 8:16) “Żommu l-paċi maʼ xulxin.” (Mk. 9:50) “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) “Ilqgħu lil xulxin.” (Rum. 15:7) “Komplu . . . aħfru lil xulxin.” (Kol. 3:13) “Komplu ġorru t-toqol taʼ xulxin.” (Gal. 6:2) “Ibqgħu farrġu lil xulxin.” (1 Tess. 4:18) “Ibqgħu . . . ibnu lil xulxin.” (1 Tess. 5:11) “Itolbu għal xulxin.”—Ġak. 5:16. w23.11 9 ¶7-8
L-Erbgħa, 18 taʼ Ġunju
“Ħallu t-tama tagħkom tferraħkom.”—Rum. 12:12.
Kuljum ikollna bżonn fidi soda biex nieħdu xi deċiżjonijiet. Pereżempju, deċiżjonijiet dwar il-ħbieb, id-divertiment, l-edukazzjoni, iż-żwieġ, it-tfal, u x-xogħol. Ikun tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Id-deċiżjonijiet li nieħu juru li jien ċert li dalwaqt ġejja d-dinja l-ġdida? Jew nieħu deċiżjonijiet bħal nies li ma jemmnux li jistgħu jgħixu għal dejjem?’ (Mt. 6:19, 20; Lq. 12:16-21) Jekk insaħħu l-fidi tagħna li d-dinja l-ġdida se tiġi dalwaqt se nkunu nistgħu nieħdu l-aħjar deċiżjonijiet. Għandna bżonn fidi soda wkoll biex niffaċċjaw il-provi. Forsi qed nissaportu l-persekuzzjoni, xi marda serja, jew affarijiet oħra li jiskuraġġuna. Għall-ewwel, forsi nħossu li nistgħu nissaportu l-problema tagħna. Imma problemi bħal dawn ħafna drabi jdumu għaddejjin għal ħafna żmien. Allura, biex nissaportu u nibqgħu ferħanin naqdu lil Ġeħova għandna bżonn fidi soda.—1 Pt. 1:6, 7. w23.04 27 ¶4-5
Il-Ħamis, 19 taʼ Ġunju
“Itolbu bla waqfien.”—1 Tess. 5:17.
Ġeħova jixtieq li wara li nitolbuh, nagħmlu li nistgħu min-naħa tagħna. Pereżempju, ħu jistaʼ jitlob lil Ġeħova biex jgħinu jieħu l-leave mix-xogħol ħalli jattendi konvenzjoni. Ġeħova kif jistaʼ jwieġeb it-talba tiegħu? Jistaʼ jtih il-kuraġġ biex isaqsi l-imgħallem. Imma l-ħu xorta jrid imur għand l-imgħallem u jsaqsih. U jistaʼ jkollu jsaqsih iktar minn darba. Il-ħu jistaʼ joffri wkoll biex minflok, jidħol jaħdem ġurnata oħra jew jieħu l-leave u ma jitħallasx għalih. Ġeħova jixtieqna nibqgħu nitolbu dwar l-affarijiet li jinkwetawna. Ġesù qal li Ġeħova mhux dejjem se jwieġeb it-talb tagħna mill-ewwel. (Lq. 11:9) Mela taqtax qalbek! Ibqaʼ itlob mill-qalb. (Lq. 18:1-7) Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuruh kemm dak li nitolbuh hu importanti għalina. Inkunu qed nuru wkoll li aħna ċerti li se jgħinna. w23.11 22 ¶10-11
Il-Ġimgħa, 20 taʼ Ġunju
“It-tama mhux se tiddiżappuntana.”—Rum. 5:5.
Ġeħova wiegħed lill-ħabib tiegħu Abraham li kien ħa jkollu tifel u li n-nies kollha kienu se jitbierku minħabba fih. (Ġen. 15:5; 22:18) Peress li Abraham kellu fidi soda f’Alla, kien konvint li l-wegħda t’Alla kienet se tiġri. Imma meta Abraham kellu 100 sena u l-mara tiegħu 90 sena, kien għad ma kellhomx tifel. (Ġen. 21:1-7) Però, il-Bibbja tgħid: “[Abraham] kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna ġnus skond ma kien intqal.” (Rum. 4:18) Aħna nafu li dak li Abraham ittama għalih ġara. Hu kellu lil Iżakk. Abraham għala kien ċert li Ġeħova kien se jżomm il-wegħda tiegħu? Abraham kien jaf lil Ġeħova sew, allura “kien konvint bis-sħiħ li dak li wiegħed” se jiġri. (Rum. 4:21) Ġeħova kien ferħan b’Abraham u qal li kien raġel ġust minħabba l-fidi tiegħu.—Ġak. 2:23. w23.12 8 ¶1-2
Is-Sibt, 21 taʼ Ġunju
“Min hu leali fl-inqas ħaġa se jkun leali f’affarijiet kbar ukoll, u min hu diżonest fl-inqas ħaġa se jkun diżonest f’affarijiet kbar ukoll.”—Lq. 16:10.
Żagħżugħ li jkun taʼ min jafdah se jieħu ħsieb sew ir-responsabbiltajiet kollha li jkollu. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Ġesù. Hu qatt ma kien traskurat jew ma jagħtix kas. Minflok, hu dejjem għamel dak li qabbdu Ġeħova, anki meta kien diffiċli ħafna. Hu kien iħobbhom ħafna lin-nies, speċjalment lid-dixxipli tiegħu, u kien lest li jmut għalihom. (Ġw. 13:1) Bħal Ġesù, int aħdem iebes f’kull xogħol li jkollok. U jekk forsi m’intix ċert kif tagħmlu, kun umli u staqsi lill-aħwa maturi biex jgħinuk. Tagħmilx ix-xogħol b’nofs qalb. (Rum. 12:11) Minflok agħmel ix-xogħol “għal Ġeħova, u mhux għall-bnedmin,” u pprova agħmlu sew u lestih. (Kol. 3:23) Imma tinsiex li m’intix perfett. Allura, jekk tieħu xi żball, kun umli u ammetti.—Prov. 11:2. w23.12 26 ¶8
Il-Ħadd, 22 taʼ Ġunju
“Imbierek ir-raġel b’saħħtu li jafda f’Ġeħova.”—Ġer. 17:7.
Aħna nkunu ferħanin meta nitgħammdu u nsiru parti mill-familja taʼ Ġeħova. Hu privileġġ li jkollna ħbiberija bħal din maʼ Ġeħova. Aħna naqblu maʼ dak li qal David: “Ferħan ikun dak li int tagħżlu u tistiednu jersaq lejk biex joqgħod fil-btieħi tat-tempju tiegħek.” (Salm 65:4) Ġeħova ma jħallix lil kulħadd isir parti mill-familja tiegħu. Hu jersaq qrib dawk li juru li jridu li jkollhom ħbiberija miegħu. (Ġak. 4:8) Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed int tistaʼ tkun ċert li wara li titgħammed hu ħa ‘jitfaʼ fuqek xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’ (Mal. 3:10; Ġer. 17:8) Il-magħmudija hija l-bidu tal-ħajja tiegħek fis-servizz lil Ġeħova. Int ħa tkun trid tagħmel l-aħjar tiegħek biex iżżomm il-wegħda li taqdi lil Ġeħova u tibqaʼ leali anke meta tiġi ttantat biex tagħmel xi ħaġa ħażina jew tgħaddi minn problemi. (Ekk. 5:4, 5) Bħala dixxiplu taʼ Ġesù, int ħa timitah u tobdi dak li jgħidilna kemm tistaʼ.—Mt. 28:19, 20; 1 Pt. 2: 21. w24.03 8 ¶1-3
It-Tnejn, 23 taʼ Ġunju
“Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu.”—Ġen. 2:24.
X’tistaʼ tagħmel jekk int u r-raġel jew il-mara tiegħek ma tiħdux pjaċir tqattgħu l-ħin flimkien? X’tistgħu tagħmlu? Aħseb fil-fjamma. Fil-bidu, il-fjamma mhux se tkun kbira. Biex tikber, trid tkompli titfgħalha bil-mod il-biċċiet tal-injam. B’mod simili, għax ma tibdewx tqattgħu ftit ħin flimkien kuljum? Kunu ċerti li tagħmlu affarijiet li tieħdu pjaċir bihom it-tnejn. (Ġak. 3:18) Billi tibdew b’affarijiet żgħar, tistgħu terġgħu taraw l-imħabba taʼ bejnietkom tikber. Ir-rispett hu importanti ħafna fiż-żwieġ. Dan qisu l-ossiġnu li jħalli l-fjamma taqbad. Mingħajr l-ossiġnu, il-fjamma malajr tintefa. B’mod simili, jekk koppja ma jirrispettawx lil xulxin, l-imħabba taʼ bejniethom malajr tonqos. Imma raġel u mara miżżewġin li jirrispettaw lil xulxin ikunu qed jaħdmu biex l-imħabba taʼ bejniethom tibqaʼ b’saħħitha. Ftakar li l-importanti mhux jekk taħsibx li qed turi rispett, imma li r-raġel jew il-mara tiegħek tħossha rispettata. w23.05 22 ¶9; 24 ¶14-15
It-Tlieta, 24 taʼ Ġunju
“Meta kelli ħafna ansjetà, int għentni u ferraħtni.”—Salm 94:19.
Fil-Bibbja, kien hemm qaddejja t’Alla li qalu li kienu mbeżżgħin minħabba l-għedewwa tagħhom jew minħabba problemi oħra. (Salm 18:4; 55:1, 5) B’mod simili, in-nies tal-iskola, tax-xogħol, tal-familja, jew tal-gvern jistgħu jiħduha kontrina. Forsi nibżgħu li nkunu ħa mmutu minħabba xi problema taʼ saħħa. Matul żminijiet bħal dawn jistaʼ jkun inħossuna qisna tfal żgħar mitlufin. Imma Ġeħova kif jgħinna? Hu jgħinna u jferraħna. Għalhekk, qattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin maʼ Ġeħova billi titolbu u taqra l-Bibbja. (Salm 77:1, 12-14) Imbagħad meta tkun stressjat, l-ewwel ħaġa li ħa tagħmel hi li tmur għandu għall-għajnuna. Għidlu minn xiex qed tibżaʼ u x’inhu jinkwetak. Imbagħad ħallih jgħinek billi taqra l-Bibbja.—Salm 119:28. w24.01 24-25 ¶14-16
L-Erbgħa, 25 taʼ Ġunju
Alla hu l-wieħed li jagħtikom l-enerġija, billi jagħtikom kemm ix-xewqa u kemm il-qawwa li taġixxu.—Flp. 2:13.
Huwa importanti ħafna li jkollok xewqa kbira li tilħaq il-mira li tagħmel. Meta jkollok xewqa kbira se taħdem iebes biex tilħaqha. U iktar ma x-xewqa tagħna tkun kbira iktar se nkunu nistgħu nilħqu l-mira tagħna. X’tistaʼ tagħmel biex tkun tixtieq iktar li tilħaq il-mira? Itlob biex ikollok xewqa ikbar li tilħaq il-mira. Permezz tal-ispirtu tiegħu, Ġeħova jistaʼ jtik ix-xewqa biex tilħaq il-mira tiegħek. Xi kultant nagħmlu mira għax inkunu nafu li rridu nagħmluha, u dan hu tajjeb. Imma ma jkollniex ix-xewqa li nilħquha. Immedita dwar dak li Ġeħova għamel għalik. (Salm 143:5) L-appostlu Pawlu mmedita fuq il-qalb tajba mhix mistħoqqa li Ġeħova wera miegħu, u dan immotivah biex jaħdem iebes għalih. (1 Kor. 15:9, 10; 1 Tim. 1:12-14) Bl-istess mod, iktar ma timmedita fuq dak li Ġeħova għamel għalik, iktar se jkollok ix-xewqa biex tilħaq il-mira tiegħek.—Salm 116:12. w23.05 26-27 ¶3-5
Il-Ħamis, 26 taʼ Ġunju
“Faħħru isem Ġeħova.”—Salm 113:1.
Ġeħova jkun ferħan meta aħna nfaħħru ismu. (Salm 119:108) Imma jfisser dan li Ġeħova hu bħan-nies imperfetti, li għandhom bżonn min ifaħħarhom biex iħossuhom inkuraġġiti? Le. Meta nfaħħru lil Missierna tas-sema, inkunu qed nuru li dak li qal Satana dwarna mhuwiex vera. Satana jgħid li ħadd mhu ħa jiddefendi lil Ġeħova u li meta ngħaddu minn prova, ħadd mhu ħa jibqaʼ leali lejn Alla. Hu jgħid li aħna ħa nieqfu naqdu lil Alla jekk ikun jaqblilna. (Ġob 1:9-11; 2:4) Imma Ġob baqaʼ leali lejn Alla u wera li Satana hu giddieb. Xi ngħidu għalik? Kull wieħed minna għandu ċ-ċans li jiddefendi lil Missieru u jferrħu billi jibqaʼ leali. (Prov. 27:11) Xi privileġġ kbir għandna! w24.02 8-9 ¶3-5
Il-Ġimgħa, 27 taʼ Ġunju
“Afdaw il-profeti tiegħu u tirnexxu.”—2 Kron. 20:20.
Snin wara Mosè u Ġożwè, Ġeħova inkariga mħallfin biex imexxu lin-nies tiegħu. Imbagħad, meta kien hemm ir-rejiet, Ġeħova inkariga profeti biex jiggwidaw lill-poplu tiegħu. Ir-rejiet leali kienu jaċċettaw il-parir tal-profeti. Pereżempju, ir-Re David kien umli u aċċetta d-dixxiplina mill-profeta Natan. (2 Sam. 12:7, 13; 1 Kron. 17:3, 4) Ir-Re Ġeħosafat mexa fuq il-parir tal-profeta Ġaħażijel u inkuraġġixxa lin-nies taʼ Ġuda biex ‘jafdaw il-profeti [t’Alla].’ (2 Kron. 20:14, 15) U meta kellu l-problemi, ir-Re Ħeżekija staqsa lill-profeta Isaija għall-għajnuna. (Is. 37:1-6) Kull darba li r-rejiet kienu jobdu lil Ġeħova, kienu jiġu mberkin u n-nies kienu jkunu protetti. (2 Kron. 20:29, 30; 32:22) Kulħadd setaʼ jara li Ġeħova kien qed juża l-profeti biex imexxi lin-nies tiegħu. w24.02 21 ¶8
Is-Sibt, 28 taʼ Ġunju
“M’għandu jkollkom xejn x’taqsmu magħhom.”—Efes. 5:7.
Satana jridna nkunu ħbieb maʼ nies li jagħmluha iktar diffiċli għalina biex nobdu lil Ġeħova. Imma aħna rridu noqogħdu iktar attenti mill-Efesin tal-qedem għax illum nistgħu nqattgħu l-ħin maʼ nies fuq is-social media wkoll. Aħna rridu noqogħdu attenti li ma naħsbux bħan-nies tad-dinja. Huma jemmnu li l-affarijiet immorali ma fihom xejn ħażin, imma aħna nafu li dan mhux vera. (Efes. 4:19, 20) Tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Jien noqgħod attent li ma nqattax iżjed ħin milli hemm bżonn ma’ dawk li ma jobdux il-livelli taʼ Ġeħova bħal nies tax-xogħol, tal-iskola, jew oħrajn? Jien inkun kuraġġuż u nobdi dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u ħażin, anki jekk oħrajn jgħajruni?’ Bħalma juri t-2 Timotju 2:20-22, irridu noqogħdu attenti wkoll meta niġu biex nagħżlu ħbieb mill-kongregazzjoni. Aħna rridu nżommu f’moħħna li mhux kulħadd ħa jgħinna biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. w24.03 22-23 ¶11-12
Il-Ħadd, 29 taʼ Ġunju
“Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira.”—Ġak. 5:11.
Ġieli provajt timmaġina l-karattru taʼ Ġeħova? Aħna ma nistgħux naraw lil Ġeħova, imma l-Bibbja tiddeskrivih b’modi differenti. Il-Bibbja tgħid li hu “bħal xemx u . . . tarka” u bħal “nar li jeqred.” (Salm 84:11; Ebr. 12:29) Eżekjel qal li f’viżjoni ra lil Ġeħova bħal ġawhra prezzjuża, jixgħel bħall-metall, u qawsalla. (Eżek. 1:26-28) Minħabba li lil Ġeħova ma narawhx, jistaʼ jkun diffiċli biex nemmnu li jħobbna. Xi nies forsi jaħsbu li Ġeħova ma jistax iħobbhom minħabba affarijiet ħżiena li ġrawlhom fil-ħajja. Ġeħova jifhem kif inħossuna u jaf li xi kultant ma jkunx faċli biex nersqu qrib tiegħu. Biex jgħinna, fil-Bibbja jurina x’karattru għandu. L-iżjed kelma li tiddeskrivi lil Ġeħova sew hi l-imħabba. Fil-fatt il-Bibbja tgħid li “Alla hu mħabba.” (1 Ġw. 4:8) Kull ħaġa li jagħmel jagħmilha bi mħabba. Tant għandu mħabba u tant hi b’saħħitha li hu juriha maʼ kulħadd, mhux maʼ dawk li jħobbuh biss.—Mt. 5:44, 45. w24.01 26 ¶1-3
It-Tnejn, 30 taʼ Ġunju
“Hu kien ikellimhom mill-kolonna tas-sħab.”—Salm 99:7.
Ġeħova għażel lil Mosè biex joħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu u bħala turija ċara filgħodu għamlilhom kolonna tas-sħab u filgħaxija kolonna tan-nar. (Eżo. 13:21) Mosè baqaʼ jimxi wara l-kolonna u fl-aħħar wasslet lilu u lill-Iżraelin quddiem il-Baħar l-Aħmar. Imma meta l-Iżraelin raw lill-Eġizzjani jiġru warajhom, huma beżgħu li ħa joqtluhom. Però dan ma kienx żball. Ġeħova kien uża lil Mosè biex imexxi lin-nies tiegħu hemm. (Eżo. 14:2) Imbagħad Alla salva lill-poplu tiegħu b’mod tal-għaġeb. (Eżo. 14:26-28) Wara, għal 40 sena sħaħ, Mosè baqaʼ jafda f’Ġeħova billi jimxi wara l-kolonna tas-sħab li Ġeħova kien għamel biex imexxi lin-nies tiegħu. (Eżo. 33:7, 9, 10) Mill-kolonna, Ġeħova kien ikellem lil Mosè, u Mosè kien jgħid lin-nies dak li Ġeħova jkun qallu. L-Iżraelin setgħu jaraw ċar li Ġeħova kien qed juża lil Mosè biex imexxihom. w24.02 21 ¶4-5