LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es25 pp. 67-77
  • Lulju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lulju
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2025
  • Sottitli
  • It-Tlieta, 1 taʼ Lulju
  • L-Erbgħa, 2 taʼ Lulju
  • Il-Ħamis, 3 taʼ Lulju
  • Il-Ġimgħa, 4 taʼ Lulju
  • Is-Sibt, 5 taʼ Lulju
  • Il-Ħadd, 6 taʼ Lulju
  • It-Tnejn, 7 taʼ Lulju
  • It-Tlieta, 8 taʼ Lulju
  • L-Erbgħa, 9 taʼ Lulju
  • Il-Ħamis, 10 taʼ Lulju
  • Il-Ġimgħa, 11 taʼ Lulju
  • Is-Sibt, 12 taʼ Lulju
  • Il-Ħadd, 13 taʼ Lulju
  • It-Tnejn, 14 taʼ Lulju
  • It-Tlieta, 15 taʼ Lulju
  • L-Erbgħa, 16 taʼ Lulju
  • Il-Ħamis, 17 taʼ Lulju
  • Il-Ġimgħa, 18 taʼ Lulju
  • Is-Sibt, 19 taʼ Lulju
  • Il-Ħadd, 20 taʼ Lulju
  • It-Tnejn, 21 taʼ Lulju
  • It-Tlieta, 22 taʼ Lulju
  • L-Erbgħa, 23 taʼ Lulju
  • Il-Ħamis, 24 taʼ Lulju
  • Il-Ġimgħa, 25 taʼ Lulju
  • Is-Sibt, 26 taʼ Lulju
  • Il-Ħadd, 27 taʼ Lulju
  • It-Tnejn, 28 taʼ Lulju
  • It-Tlieta, 29 taʼ Lulju
  • L-Erbgħa, 30 taʼ Lulju
  • Il-Ħamis, 31 taʼ Lulju
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2025
es25 pp. 67-77

Lulju

It-Tlieta, 1 taʼ Lulju

Hu dar il-pajjiż kollu jagħmel il-ġid u jfejjaq.—Atti 10:38.

F’dak kollu li Ġesù qal u għamel, inkluż il-mirakli, imita eżatt kif jaħseb u jħoss Missieru. (Ġw. 14:9) X’nistgħu nitgħallmu mill-mirakli taʼ Ġesù? Ġesù u Missieru jħobbuna ħafna. Meta kien fuq l-art, Ġesù wera kemm iħobb lin-nies billi uża l-qawwa tiegħu biex jgħin lil dawk li kienu qed ibatu. Darba, żewġt irġiel ma jarawx bdew jgħajtulu biex jgħinhom. (Mt. 20:​30-34) Ġesù “tħassarhom” u mbagħad fejjaqhom. Il-verb bil-Grieg “tħassarhom” ifisser li tħoss ħafna għal xi ħadd. Dan hu l-mod kif Ġesù wera li jħobb lin-nies. U għalhekk li ta l-ikel lil dawk li kienu bil-ġuħ u fejjaq lil raġel bil-ġdiem. (Mt. 15:32; Mk. 1:41) Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ġesù jħobbuna ħafna, u jħossu għalina meta jarawna nbatu. (Lq. 1:78; 1 Pt. 5:7) Huma jħarsu ’l quddiem biex ineħħu l-problemi kollha tan-nies! w23.04 3 ¶4-5

L-Erbgħa, 2 taʼ Lulju

“Intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin. Hu qed jipproteġi lil-leali tiegħu; hu jeħlishom minn id il-ħżiena.”—Salm 97:10.

Irridu nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nevitaw li naqraw u nisimgħu ideat ħżiena li huma popolari fid-dinja taʼ Satana. Nistgħu nimlew moħħna bi ħsibijiet tajbin billi naqraw u nistudjaw il-Bibbja. Meta nattendu l-laqgħat u nieħdu sehem fil-ministeru, se jgħinna wkoll biex ma jkollniex ħsibijiet ħżiena. Ġeħova jwegħedna li mhux se jħallina niġu ttantati iktar milli nifilħu. (1 Kor. 10:​12, 13) Kull wieħed u waħda minna jrid jitlob iktar minn qatt qabel biex nibqgħu leali lejn Ġeħova matul dawn l-aħħar żminijiet diffiċli. Ġeħova jridna niftħu qalbna miegħu fil-talb. (Salm 62:8) Faħħar lil Ġeħova u rringrazzjah għal dak kollu li jagħmel. Itolbu biex jgħinek tkun kuraġġuż fil-ministeru. Itolbu minn qalbek biex jgħinek tissaporti kull problema u biex ma ċċedix għat-tentazzjonijiet. Tħalli xejn u lil ħadd iwaqqfek milli titlob lil Ġeħova spiss. w23.05 7 ¶17-18

Il-Ħamis, 3 taʼ Lulju

Ħa nagħtu kas xulxin billi ninkuraġġixxu lil xulxin.”—Ebr. 10:​24, 25.

Għala nattendu l-laqgħat? L-ewwel nett, biex infaħħru lil Ġeħova. (Salm 26:12; 111:1) Nattendu wkoll biex ninkuraġġixxu lil xulxin matul dawn iż-żminijiet diffiċli. (1 Tess. 5:11) Meta nikkummentaw fil-laqgħat inkunu qed nagħmlu dawn iż-żewġ affarijiet. Imma hemm xi affarijiet li jistgħu jagħmluhielna diffiċli biex nikkummentaw. Forsi nibżgħu jew forsi nkunu nixtiequ nikkummentaw imma kultant il-ħu ma jqabbadniex. X’jistaʼ jgħinna? L-appostlu Pawlu qal li aħna rridu “ninkuraġġixxu lil xulxin.” Jekk niftakru li anki b’kumment sempliċi se ninkuraġġixxu lill-aħwa, se nibżgħu inqas meta niġu biex ngħollu idna. U jekk ma jqabbduniex spiss, xorta nistgħu nkunu ferħanin għax nafu li oħrajn qed ikollhom l-opportunità li jikkummentaw.—1 Pt. 3:8. w23.04 20 ¶1-3

Il-Ġimgħa, 4 taʼ Lulju

Mur lura Ġerusalemm u erġaʼ ibni d-dar taʼ Ġeħova.—Esd. 1:3.

Ir-re għamel avviż! Il-Lhud li kienu ilhom ilsiera f’Babilonja għal madwar 70 sena setgħu jerġgħu jmorru lura Iżrael. (Esd. 1:​2-4) Dan setaʼ jsir biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Għax ma kienx normali li Babilonja titlaq lill-ilsiera tagħha. (Is. 14:​4, 17) Imma Babilonja kienet intrebħet, u l-mexxej il-ġdid li kellha qal lil-Lhud li setgħu jitilqu. Il-Lhud, speċjalment il-kapijiet tal-familji, kellhom jieħdu deċiżjoni importanti. Huma kellhom jagħżlu jekk jitilqux minn Babilonja jew jibqgħux hemm. Din id-deċiżjoni ma kinitx faċli. Forsi ħafna mil-Lhud kienu kbar wisq fl-età biex jagħmlu dan il-vjaġġ twil. U minħabba li ħafna minnhom kienu twieldu Babilonja, huma ma kienu għexu fl-ebda pajjiż ieħor. Għalihom, Iżrael ma kinitx id-dar tagħhom; kienet sempliċement l-art fejn għexu l-familji tagħhom fil-passat. U milli jidher xi Lhud kienu saru sinjuri f’Babilonja. Għalhekk, kien diffiċli għalihom biex jitilqu n-negozji tagħhom u l-ħajja komda li kellhom, u jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor. w23.05 14 ¶1-2

Is-Sibt, 5 taʼ Lulju

“Uru li intom lesti.”—Mt. 24:44.

Il-Bibbja tinkuraġġina biex inkomplu naħdmu ħalli jkollna l-paċenzja, l-imħabba, u nuru li nħossu għal oħrajn. Luqa 21:19 jgħid: “Bis-sabar tagħkom tiksbu ruħkom.” Kolossin 3:12 jgħid: ‘Ilbsu sentimenti taʼ mogħdrija.’ U l-​1 Tessalonikin 4:​9, 10 jgħid: “Intom mgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin. . . . Imma, aħwa, inħeġġukom biex tibqgħu tagħmlu dan iktar bis-sħiħ.” Dawn il-versi kienu miktubin għad-dixxipli li kienu diġà juru dawn il-kwalitajiet. Imma huma kellhom ikomplu jitgħallmu juruhom. Aħna rridu nagħmlu l-istess. Biex jgħinek tagħmel dan, ara kif il-Kristjani tal-bidu wrew dawn il-kwalitajiet. B’hekk, se tara kif tistaʼ timitahom u kif turi li int lest għaż-żmien taʼ tbatija kbira. Imbagħad meta jiġi ż-żmien taʼ tbatija kbira, se tkun tgħallimt tissaporti u se tkun determinat li tibqaʼ tissaporti. w23.07 3 ¶4, 8

Il-Ħadd, 6 taʼ Lulju

Se jkun hemm triq ewlenija hemmhekk, it-Triq tal-Qdusija.—Is. 35:8.

Sew jekk aħna mill-midlukin u sew jekk aħna min-“nagħaġ oħrajn,” irridu nibqgħu mexjin fit-“Triq tal-Qdusija.” Din se tgħinna nibqgħu naqdu lil Ġeħova issa u fil-futur, meta s-Saltna se ġġib barkiet mill-isbaħ fuq l-art. (Ġw. 10:16) Mill-1919 ’l hawn, miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal telqu minn Babilonja l-Kbira, jiġifieri r-reliġjonijiet foloz kollha, u bdew jimxu f’din it-triq. Ġeħova għamel ċert li l-Lhud li se jivvjaġġaw ma jkollhomx tfixkil matul il-vjaġġ. (Is. 57:14) U xi ngħidu għat-“Triq tal-Qdusija” llum? Mijiet taʼ snin qabel l-1919, Ġeħova beda juża rġiel li kellhom rispett lejh biex jagħmluha possibbli għal oħrajn li joħorġu minn Babilonja l-Kbira. (Ara l-prinċipju f’​Isaija 40:3.) Huma għamlu xogħol importanti ħalli iktar tard nies onesti jkunu jistgħu jitilqu r-reliġjon falza u jaqdu lil Ġeħova man-nies tiegħu. w23.05 16 ¶8-9

It-Tnejn, 7 taʼ Lulju

“Aqdu lil Ġeħova bil-ferħ. Morru quddiemu b’għajjat taʼ ferħ.”—Salm 100:2.

Ġeħova jridna naqduh minn qalbna u bil-ferħ. (2 Kor. 9:7) Allura jekk ma jkollniex ix-xewqa, għandna nkomplu naħdmu biex nilħqu mira spiritwali? Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Hu qal: “[Jien] insawwat lil ġismi u njassru.” (1 Kor. 9:​25-27) Pawlu ġiegħel lilu nnifsu jagħmel dak li hu tajjeb, anki meta ma kellux ix-xewqa li jagħmel dak li jrid Ġeħova. Ġeħova kien kuntent b’dak li għamel Pawlu għalih? Iva! U Ġeħova ppremjah. (2 Tim. 4:​7, 8) Bl-istess mod, Ġeħova jkun ferħan bina meta jarana naħdmu iebes biex nilħqu l-mira tagħna anki meta ma jkollniex aptit. Hu jkun kuntent għax anki jekk ma nkunux qed niedu pjaċir b’dak li nkunu qed nagħmlu, aħna nagħmluh għax inħobbu lilu. Bħalma Ġeħova bierek lil Pawlu, se jbierek l-isforzi tagħna wkoll. (Salm 126:5) U meta nibdew naraw il-barkiet taʼ Ġeħova, ix-xewqa biex nilħqu l-mira tistaʼ tikber. w23.05 29 ¶9-10

It-Tlieta, 8 taʼ Lulju

“Jum Ġeħova ġej.”—1 Tess. 5:2.

L-appostlu Pawlu qabbel lil dawk li se jinqerdu fil-jum taʼ Ġeħova ma’ nies reqdin. Huma ma jafux x’qed jiġri madwarhom u li għaddej iż-żmien. Allura mhux se jindunaw meta tiġri xi ħaġa importanti, u għalhekk ma jagħmlu xejn. Il-biċċa l-kbira tan-nies illum huma bħal nies reqdin. (Rum. 11:8) Huma ma jemmnux li qed ngħixu “fl-aħħar jiem” u li ż-żmien taʼ tbatija kbira dalwaqt ġej. (2 Pt. 3:​3, 4) Imma kull ġurnata li tgħaddi jkun iktar importanti għalina li nibqgħu mqajmin. (1 Tess. 5:6) Għalhekk, għandna nibqgħu kalmi u attenti. Għaliex? Biex ma nidħlux fil-kwistjonijiet li jkunu għaddejjin fid-dinja. Iktar ma nersqu qrib il-jum taʼ Ġeħova iktar se niġu sforzati biex nidħlu f’dawn il-kwistjonijiet. Imma m’għandniex għalfejn ninkwetaw kif se naġixxu. L-ispirtu t’Alla se jgħinna nibqgħu kalmi, attenti, u nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Lq. 12:​11, 12. w23.06 10 ¶6-7

L-Erbgħa, 9 taʼ Lulju

“Jekk jogħġbok, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ftakar fija u saħħaħni.”—Mħ. 16:28.

X’jiġik f’moħħok meta tismaʼ l-isem Sansun? X’aktarx jiġi f’moħħok raġel b’saħħtu ħafna. U hekk kien. Imma darba waħda ħa deċiżjoni ħażina u kellu jbati l-konsegwenzi. Minkejja dan, Ġeħova ffoka fuq dak kollu li Sansun għamel biex jaqdih. U fil-Bibbja Alla niżżel ir-rakkont taʼ Sansun biex aħna nitgħallmu minnu. Ġeħova uża lil Sansun biex jagħmel affarijiet tal-għaġeb ħalli jgħin l-Iżraelin, li kienu l-poplu tiegħu. Mijiet taʼ snin wara li miet Sansun, Ġeħova uża lill-appostlu Pawlu biex iniżżel l-isem taʼ Sansun mal-lista taʼ rġiel li kellhom fidi kbira. (Ebr. 11:​32-34) L-eżempju taʼ Sansun jistaʼ jinkuraġġina. Hu straħ fuq Ġeħova anki meta ffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli. Nistgħu nitgħallmu minn Sansun u l-eżempju tiegħu jistaʼ jinkuraġġina. w23.09 2 ¶1-2

Il-Ħamis, 10 taʼ Lulju

“Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.”—Flp. 4:6.

Aħna nistgħu nissaportu billi nitolbu lil Ġeħova spiss u ngħidulu kif inkunu qed inħossuna. (1 Tess. 5:17) Forsi bħalissa m’għandekx problemi serji. Imma titlob lil Ġeħova meta tħossok imdejjaq, imħawwad, jew ma tkunx taf x’se taqbad tagħmel? Jekk titlob spiss lil Ġeħova biex jgħinek meta jkollok problemi żgħar issa, se jkun iktar faċli għalik biex tagħmel hekk meta jkollok problemi ikbar fil-futur. Imbagħad int se tkun ċert li Ġeħova jaf eżatt meta u kif se jgħinek. (Salm 27:​1, 3) Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova waqt li għaddejjin mill-problemi issa, x’aktarx se nibqgħu nissaportu matul iż-żmien taʼ tbatija kbira li ġej. (Rum. 5:3) Għala nistgħu ngħidu hekk? Ħafna aħwa jgħidu li meta jibqgħu jissaportu problema diffiċli, dan jgħinhom biex jiffaċċjaw il-problema taʼ wara. Meta huma jissaportu l-problema bl-għajnuna taʼ Ġeħova, ikunu iktar ċerti li jrid jgħinhom. U għax għandhom il-fidi f’Ġeħova, huma jkunu jistgħu jissaportu l-problemi li jinqalgħu.—Ġak. 1:​2-4. w23.07 3 ¶7-8

Il-Ġimgħa, 11 taʼ Lulju

“Se nagħmel bħalma għedtli.”—Ġen. 19:21.

L-umiltà u l-qalb tajba taʼ Ġeħova jimmotivawh biex ikun raġonevoli. Pereżempju, Ġeħova wera kemm kien umli meta kien se jeqred lin-nies ħżiena f’Sodoma. Permezz tal-anġli, Ġeħova qal lil Lot biex jaħrab lejn il-muntanji. Imma Lot beżaʼ jmur hemm. Għalhekk, hu talab lil Ġeħova biex flimkien mal-familja tiegħu jmur Sogħar, raħal żgħir li Ġeħova kien iddeċieda li jeqred. Kieku ried, Ġeħova setaʼ qallu biex jobdi d-direzzjoni li tah. Imma Ġeħova ħalla lil Lot u l-familja tiegħu jmorru Sogħar u ma qeridx dan ir-raħal. (Ġen. 19:​18-22) Mijiet taʼ snin wara, Ġeħova wera qalb tajba man-nies taʼ Ninwe. Ġeħova bagħat lill-profeta tiegħu Ġona biex jgħid lin-nies f’Ninwe li kien se jeqred lilhom u lill-belt. Imma meta n-nies f’Ninwe ddispjaċiehom għal dak li kienu qed jagħmlu, Ġeħova tħassarhom u ma qeridhomx.—Ġona 3:​1, 10; 4:​10, 11. w23.07 21 ¶5

Is-Sibt, 12 taʼ Lulju

Huma qatlu lil Ġeħojada, imma ma difnuhx fil-post fejn jindifnu r-rejiet.—2 Kron. 24:25.

X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġeħogħas? Hu kien bħal siġra li l-għeruq tagħha mhumiex fil-fond, u għalhekk għandha bżonn is-sapport. Wara li Ġeħojada, il-wieħed li għenu, miet, Ġeħogħas beda jismaʼ mill-apostati u ma baqax leali lejn Ġeħova. Dan l-eżempju jurina li aħna ma rridux nirrispettaw lil Alla minħabba li naraw lill-aħwa leali fil-kongregazzjoni u tal-familja jagħmlu hekk. Biex nibqgħu leali lejn Ġeħova, aħna rridu nkomplu nkabbru r-rispett u l-imħabba tagħna lejh permezz taʼ studju regulari, il-meditazzjoni, u t-talb. (Ġer. 17:​7, 8; Kol. 2:​6, 7) Ġeħova ma jistenniex iktar milli nistgħu ntuh. F’​Ekkleżjasti 12:13 hu jgħidilna: “Ibżaʼ mill-Alla l-veru u ħares il-kmandamenti tiegħu. Għax dan hu l-obbligu kollu tal-bniedem.” Meta jkollna l-biżaʼ minn Alla, jiġri x’jiġri fil-futur se nkunu nistgħu nibqgħu leali lejh. Mhu se nħallu lil ħadd jagħmel ħsara lill-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova. w23.06 19 ¶17-19

Il-Ħadd, 13 taʼ Lulju

“Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.”—Riv. 21:5.

Vers 5 jibda b’dan il-kliem: “Dak li kien bil-qiegħda fuq it-tron qal.” (Riv. 21:5a) Din hi waħda mit-tliet darbiet li Ġeħova nnifsu tkellem fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni. Għalhekk dan il-kliem hu speċjali. Ma tkellimx anġlu u lanqas Ġesù, imma Ġeħova nnifsu! Dan juri li aħna nistgħu nafdaw kompletament f’dak li jkompli jgħid wara. Għala? Għax Ġeħova “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Għalhekk, il-kliem li naqraw f’​Rivelazzjoni 21:​5, 6 nistgħu nkunu ċerti li żgur ħa jiġri. Ġeħova jgħid “Ara!” Il-kelma bil-Grieg tradotta “ara!” hi użata taʼ spiss fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni. Imbagħad wara x’qal Ġeħova? Hu qal: “Qed nagħmel kollox ġdid.” Ġeħova ħa jagħmel dawn il-bidliet fil-futur, imma tant hu ċert li se jwettaq il-wegħda tiegħu li qisu diġà qed jagħmilhom.—Is. 46:10. w23.11 3-4 ¶7-8

It-Tnejn, 14 taʼ Lulju

Hu ħareġ barra u beka fuq li beka.—Mt. 26:75.

L-appostlu Pietru kellu jibqaʼ jiġġieled kontra d-dgħufijiet tiegħu. Ejja naraw ftit eżempji. Meta Ġesù qalilhom li hu kellu jbati u jmut biex titwettaq il-profezija tal-Bibbja, Pietru qallu li ma kienx se jiġri hekk. (Mk. 8:​31-33) Għal darba wara l-oħra, Pietru u l-appostli l-oħrajn argumentaw dwar min hu l-aqwa minnhom. (Mk. 9:​33, 34) Fl-aħħar lejl qabel miet Ġesù, Pietru attakka lil raġel u qatagħlu widintu. (Ġw. 18:10) Dak il-lejl stess, Pietru tant beżaʼ minn dak li qalu n-nies li qal li ma jafx lil Ġesù tliet darbiet. (Mk. 14:​66-72) Wara Pietru ddispjaċieh u beka ħafna. Ġesù ma qatax qalbu minn Pietru, li kien skuraġġit. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, ta ċ-ċans lil Pietru biex jurih jekk għadux iħobbu. Ġesù qal lil Pietru biex ikun umli u jieħu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu. (Ġw. 21:​15-17) U Pietru kien lest jagħmel dak li qallu Ġesù. F’Pentekoste, hu kien Ġerusalemm u kien wieħed minn tal-ewwel li ġie midluk bl-ispirtu qaddis. w23.09 21-22 ¶6-7

It-Tlieta, 15 taʼ Lulju

“Irgħa n-nagħaġ żgħar tiegħi.”—Ġw. 21:16.

L-appostlu Pietru qal lill-anzjani sħabu biex jieħdu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova. (1 Pt. 5:​1-4) Jekk int anzjan, aħna nafu li tħobb lill-aħwa u li trid tieħu ħsiebhom. Imma forsi kultant, tant ikollok x’tagħmel jew tħossok għajjien li taħseb li ma tistax tagħmel dan l-inkarigu. X’tistaʼ tagħmel? Għid lil Ġeħova kif tħossok. Pietru kiteb: “Jekk xi ħadd jaqdi, ħa jaqdi bħala wieħed li jiddependi mis-saħħa li jagħti Alla.” (1 Pt. 4:11) L-aħwa jistaʼ jkun qed jiffaċċjaw problemi li f’din id-dinja ma jistgħux jiġu solvuti għalkollox. Imma ftakar li “r-ragħaj ewlieni,” Ġesù Kristu, jistaʼ jgħinhom iktar minn kulħadd. Hu jistaʼ jagħmel dan issa u anke fid-dinja l-ġdida. Dak li Alla jrid mill-anzjani hu li jħobbu lill-aħwa, jieħdu ħsiebhom, u jkunu ‘t’eżempju għall-merħla.’ w23.09 29-30 ¶13-14

L-Erbgħa, 16 taʼ Lulju

“Ġeħova jaf li l-irraġunar taʼ l-għorrief hu fieragħ.”—1 Kor. 3:20.

Irridu noqogħdu attenti għall-mod kif jaħsbuha n-nies. Jekk naħsbuha bħan-nies li jinjoraw il-liġijiet taʼ Ġeħova, nistgħu nibdew nagħmlu bħalhom. (1 Kor. 3:19) “L-għerf taʼ din id-dinja” ħafna drabi jistaʼ jinfluwenza lin-nies biex ma jobdux lil Alla. Xi Kristjani f’Pergamu u Tjatira ġew influwenzati minn nies li kienu immorali u jqimu allat oħra. Ġesù ta parir sod lil dawn iż-żewġ kongregazzjonijiet għax bdew jaċċettaw l-immoralità sesswali. (Riv. 2:​14, 20) Illum, in-nies ukoll jipprovaw jinfluwenzawna biex naċċettaw ideat li ma jogħġbux lil Ġeħova. Tal-familja u nies li jafuna jistgħu jgħidulna li aħna stretti żżejjed u jipprovaw jikkonvinċuna niksru l-liġijiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, huma jistgħu jgħidulna li mhux ħażin li nagħmlu dak li nixtiequ u li l-livelli tal-Bibbja m’għadhomx jgħoddu għalina. Kultant nistgħu naħsbu li d-direzzjoni li jtina Ġeħova mhix ċara biżżejjed. Forsi niġu mħajrin inżidu maʼ dak li hemm miktub fil-Bibbja.—1 Kor. 4:6. w23.07 16 ¶10-11

Il-Ħamis, 17 taʼ Lulju

“Ħabib veru juri mħabba l-ħin kollu. Hu bħal ħu li tistaʼ tistrieħ fuqu meta tħossok imdejjaq.”—Prov. 17:17.

Marija omm Ġesù kellha bżonn il-kuraġġ. Hi se jkollha tarbija minkejja li ma kinitx miżżewġa. Hi ma kellhiex esperjenza kif trabbi t-tfal, imma kien se jkollha tieħu ħsieb tifel li kien se jsir il-Messija. Marija kien għad qatt ma kellha relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd, imma kellha tgħid lil Ġużeppi li se jkollha tarbija. Dan żgur li kien diffiċli ħafna għaliha. (Lq. 1:​26-33) Marija kif irċiviet is-saħħa? Hi talbet l-għajnuna m’għand oħrajn. Pereżempju, hi talbet lill-anġlu Gabrijel biex jagħtiha iktar informazzjoni dwar l-inkarigu. (Lq. 1:34) Imbagħad, hi vjaġġat lejn Ġuda, “pajjiż muntanjuż,” biex tara lil Eliżabetta li kienet tiġi minnha. Eliżabetta faħħret lil Marija u inkuraġġietha billi qaltilha profezija dwar it-tarbija li kien se jkollha. (Lq. 1:​39-45) Marija qalet li Ġeħova ‘għamel kollox bl-id b’saħħitha tiegħu.’ (Lq. 1:​46-51) Billi uża lill-anġlu Gabrijel u lil Eliżabetta, Ġeħova inkuraġġixxa lil Marija. w23.10 14-15 ¶10-12

Il-Ġimgħa, 18 taʼ Lulju

Hu għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru.—Riv. 1:6.

Uħud mid-dixxipli taʼ Kristu ġew midlukin bl-ispirtu qaddis, u għandhom ħbiberija speċjali ma’ Ġeħova. Dawn il-144,000 se jaqdu ma’ Ġesù fis-sema bħala qassisin. (Riv. 14:1) Il-Post Qaddis fit-tabernaklu jfisser li dawn il-midlukin ġew adottati bħala wlied Alla waqt li għadhom fuq l-art. (Rum. 8:​15-17) L-Iktar Qaddis jirrappreżenta s-sema, il-post fejn hemm Ġeħova. “Il-purtiera” li kienet tifred il-Post Qaddis mill-Iktar Qaddis kienet tirrappreżenta l-ġisem taʼ Ġesù. Sakemm kien għadu ħaj fuq l-art, Ġesù ma setax imur fis-sema biex jidħol fit-tempju spiritwali bħala l-Qassis il-Kbir grandjuż. Billi ta ħajtu bħala sagrifiċċju, Ġesù fetaħ it-triq lill-midlukin biex ikunu jistgħu jmorru fis-sema. Huma wkoll se jkunu fis-sema bħala spirti.—Ebr. 10:​19, 20; 1 Kor. 15:50. w23.10 28 ¶13

Is-Sibt, 19 taʼ Lulju

“Qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar Gidegħon.”—Ebr. 11:32.

Gidegħon kien jaf li kellu n-nuqqasijiet tiegħu, għalhekk meta l-Efrajmin ħaduha kontrih baqaʼ kalm. (Mħ. 8:​1-3) Hu ma wiġibhomx bir-rabja. Hu wera li kien umli billi qagħad jismagħhom u tkellem magħhom bil-ħlewwa. B’hekk, huma kkalmaw. Anzjan tajjeb jimita lil Gidegħon billi jismaʼ sew u jwieġeb bil-ħlewwa meta oħrajn jikkritikawh. (Ġak. 3:13) B’hekk jgħin biex ikun hemm il-paċi fil-kongregazzjoni. Meta Gidegħon rebaħ lill-Midjanin u oħrajn faħħruh, hu ta l-krettu lil Ġeħova. (Mħ. 8:​22, 23) Irġiel li għandhom ir-responsabbiltajiet kif jistgħu jimitaw lil Gidegħon? Huma għandhom jagħtu l-krettu lil Ġeħova għal dak li jirnexxilhom jagħmlu. (1 Kor. 4:​6, 7) Pereżempju, jekk anzjan ikun jaf jgħallem tajjeb u l-aħwa jfaħħruh, jistaʼ jgħid li l-istruzzjonijiet huma mill-Kelma t’Alla u li aħna nitgħallmu mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Kultant ikun tajjeb li l-anzjani jaraw jekk hux qed jiġbdu l-attenzjoni lejhom. w23.06 4 ¶7-8

Il-Ħadd, 20 taʼ Lulju

“Ħsibijietkom m’humiex ħsibijieti.”—Is. 55:8.

Jekk inħossu li Ġeħova ma wiġibx it-talb tagħna, nistgħu nsaqsu, ‘Qed nitlob għall-ħaġa t-tajba?’ Spiss naħsbu li nafu x’għandna bżonn, imma l-affarijiet li nitolbu għalihom jaf ma jkunux l-aħjar għalina. Jekk qed nitolbu dwar problema, forsi hemm soluzzjoni aħjar minn dik li qed nitolbu għaliha. U xi affarijiet li nitolbu għalihom, forsi ma jkunux jaqblu maʼ dak li jrid Ġeħova. (1 Ġw. 5:14) Pereżempju, aħseb fl-eżempju taʼ ġenituri li talbu lil Ġeħova biex iżomm it-tifel tagħhom fil-verità. Din tidher xi ħaġa tajba biex titlob għaliha. Imma Ġeħova ma jġiegħel lil ħadd biex jaqdih taʼ bilfors. Hu jrid li kull wieħed u waħda minna naqduh għax irridu, u dan jinkludi t-tfal tagħna. (Dt. 10:​12, 13; 30:​19, 20) Mela l-ġenituri minflok, jistgħu jitolbu lil Ġeħova biex huma jgħinu lit-tifel ikun jixtieq iħobb lil Ġeħova u jsir il-ħabib tiegħu.—Prov. 22:6; Efes. 6:4. w23.11 21 ¶5; 23 ¶12

It-Tnejn, 21 taʼ Lulju

“Ibqgħu farrġu lil xulxin.”—1 Tess. 4:18.

Għala li nfarrġu lil xulxin huwa mod importanti kif nuru li nħobbu lil oħrajn? Skont referenza tal-Bibbja, il-kelma li Pawlu uża għal “faraġ” tfisser “toqgħod maġenb persuna biex tinkuraġġiha meta tkun għaddejja minn problema kbira.” Għalhekk, meta ninkuraġġixxu lil xi ħu jew oħt li tkun qed tbati, inkunu qed ngħinuha biex tibqaʼ leali lejn Ġeħova u tkompli taqdih. U kull darba li ninkuraġġixxu lil xi ħadd, inkunu qed nuruh li nħobbuh. (2 Kor. 7:​6, 7, 13) Li nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom kif imorru flimkien? Meta xi ħadd iħoss għal persuna li tkun qed tbati, hu ħa jkun jixtieq jinkuraġġiha u jgħinha. Għalhekk, l-ewwel irridu nħossu għal dak li jkun, imbagħad ninkuraġġuh. Pawlu spjega li l-ħniena li Ġeħova għandu għan-nies timmotivah biex jinkuraġġihom. Pawlu jiddeskrivi lil Ġeħova bħala “l-Missier taʼ kull ħniena tenera u l-Alla taʼ kull faraġ.”—2 Kor. 1:3. w23.11 9-10 ¶8-10

It-Tlieta, 22 taʼ Lulju

“Nistgħu nkunu ferħanin meta nbatu.”—Rum. 5:3.

Id-dixxipli kollha taʼ Kristu għandhom jistennew li jbatu. Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Lill-aħwa f’Tessalonika qalilhom: “Meta konna magħkom, konna ngħidulkom minn qabel li kellna nsofru t-tribulazzjoni, bħalma ġara tassew.” (1 Tess. 3:4) U lill-Korintin qalilhom: “Ma nixtiqukomx ma tkunux tafu bit-tribulazzjoni li ġarrabna . . . Lanqas saħansitra minn ħajjitna ma konna ċerti.” (2 Kor. 1:8; 11:​23-27) Il-Kristjani llum ukoll jistgħu jistennew xi tip taʼ persekuzzjoni. (2 Tim. 3:12) Forsi l-ħbieb u tal-familja jittrattawk ħażin għax temmen f’Ġesù u tafda fih. Jew jaf l-imgħallem jew dawk li jaħdmu miegħek trattawk ħażin għax int onest. (Ebr. 13:18) Jew forsi l-awtoritajiet qalgħulek il-problemi minħabba li tkellimt m’oħrajn dwar it-tama tiegħek. Pawlu qal li minkejja l-problemi differenti li jistaʼ jkollna, nistgħu nkunu ferħanin. w23.12 10-11 ¶9-10

L-Erbgħa, 23 taʼ Lulju

“Intom ġibtuli ħafna inkwiet.”—Ġen. 34:30.

Ġakobb kellu jissaporti ħafna problemi. Tnejn mit-tfal taʼ Ġakobb, Simegħon u Levi, ġabu diżunur fuq il-familja tagħhom u fuq Ġeħova. Barra minn hekk, Rakele, il-mara taʼ Ġakobb, mietet waqt li kienet qed twelled it-tieni tifel tagħhom. U minħabba ġuħ kbir, Ġakobb kellu jitlaq lejn l-Eġittu meta kien kbir fl-età. (Ġen. 35:​16-19; 37:28; 45:​9-11, 28) Minkejja dawn il-problemi kollha, Ġakobb baqaʼ jafda f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu. U Ġeħova wera lil Ġakobb li kien ferħan bih. Pereżempju, Ġeħova tah ħafna affarijiet materjali. U immaġina kemm Ġakobb irringrazzja lil Ġeħova meta ħafna snin wara reġaʼ ltaqaʼ mat-tifel tiegħu Ġużeppi, li hu ħaseb li kien miet! Il-ħbiberija mill-qrib li kellu maʼ Ġeħova għenitu biex jissaporti dawn il-problemi. (Ġen. 30:43; 32:​9, 10; 46:​28-30) Meta jkollna ħbiberija soda maʼ Ġeħova, aħna wkoll se nkunu nistgħu nissaportu problemi li ma nkunux qed nistennew. w23.04 15 ¶6-7

Il-Ħamis, 24 taʼ Lulju

“Ġeħova hu r-Ragħaj tiegħi. Mhu se jonqosni xejn.”—Salm 23:1.

F’​Salm 23, David qal kemm kien ċert li Ġeħova jħobbu u jieħu ħsiebu. Hu jitkellem dwar kemm kienu ħbieb hu u Ġeħova, u hemmhekk iqabblu maʼ Ragħaj. David ħassu komdu jħalli lil Ġeħova jmexxih u hu kien jafdah f’kollox. David kien jaf li Ġeħova se jurih li jħobbu għal ħajtu kollha. Imma għala kien daqshekk ċert? David ħass li Ġeħova kien qed jieħu ħsiebu għax dejjem tah li kellu bżonn. Barra minn hekk, hu kien jaf li Ġeħova hu l-ħabib tiegħu u li kien ferħan bih. Minħabba f’hekk kien ċert li jiġri x’jiġri fil-futur, Ġeħova kien ħa jibqaʼ jieħu ħsiebu. Peress li David kien ċert li Ġeħova kien iħobbu u ħa jieħu ħsiebu, dan għenu biex ma jinkwetax u jibqaʼ ferħan.—Salm 16:11. w24.01 28-29 ¶12-13

Il-Ġimgħa, 25 taʼ Lulju

“Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”—Mt. 28:20.

Mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, f’ħafna pajjiżi n-nies taʼ Ġeħova kellhom il-libertà biex jippritkaw. Ħafna nies saru jafu lil Ġeħova minħabba dan ix-xogħol tal-ippritkar. Illum il-Ġemgħa li Tiggverna għadha toqgħod fuq il-gwida taʼ Ġesù. Huma jridu li dak li jaħsbu Ġeħova u Ġesù jgħadduh lill-aħwa madwar id-dinja. Allura jużaw l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-anzjani biex jagħtu d-direzzjoni lill-kongregazzjonijiet. Il-Bibbja tgħid li l-anzjani midlukin qegħdin fl-‘id il-leminija’ taʼ Kristu. (Riv. 2:1) Bla dubju, l-anzjani kollha huma imperfetti u jiżbaljaw. Anki Mosè, Ġożwè u l-appostli xi kultant għamlu l-iżbalji. (Num. 20:12; Ġoż. 9:​14, 15; Rum. 3:23) Imma xorta nistgħu naraw li Ġesù qed imexxi lill-ilsir leali u l-anzjani, u ħa jibqaʼ jagħmel hekk. Allura nistgħu nafdaw lil dawk li Ġesù għażel biex imexxu u m’għandniex għalfejn ninkwetaw. w24.02 23-24 ¶13-14

Is-Sibt, 26 taʼ Lulju

“Imitaw lil Alla, bħala tfal għeżież.”—Efes. 5:1.

Aħna nistgħu nfaħħru lil Ġeħova billi nitkellmu dwar kemm napprezzaw dak li għamel magħna u kemm inħobbuh. Meta nkunu fil-ministeru, il-mira tagħna għandha tkun li ngħinu lil oħrajn isiru ħbieb taʼ Ġeħova u ngħinuhom iħossuhom l-istess bħalna dwar Missierna tas-sema. (Ġak. 4:8) Aħna ferħanin li nistgħu nuru lin-nies x’tgħid il-Bibbja dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova bħall-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa. Aħna nfaħħru lil Ġeħova wkoll meta nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitawh, u dan jagħmlu ferħan. Meta nagħmlu hekk, nidhru differenti min-nies taʼ din id-dinja. In-nies jaf jindunaw u tiġihom kurżità għala aħna differenti. (Mt. 5:​14-16) Meta nkunu magħhom, nistgħu nispjegawlhom x’jagħmilna differenti. B’hekk nies onesti jistgħu jinġibdu lejh. Meta nfaħħru lil Ġeħova b’dawn il-modi aħna nferrħuh ħafna.—1 Tim. 2:​3, 4. w24.02 10 ¶7

Il-Ħadd, 27 taʼ Lulju

Ħalli tkun tistaʼ tħeġġeġ u twiddeb.—Titu 1:9.

Biex issir Kristjan matur se jkollok titgħallem tagħmel xi affarijiet. Li titgħallem tagħmel dawn l-affarijiet se jgħinek meta jkollok responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni, issib xogħol biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek jew tal-familja, u biex ikollok ħbiberija tajba m’oħrajn. Pereżempju, tgħallem ikteb u aqra sew. Il-Bibbja tgħid li biex raġel ikun vera ferħan u jirnexxilu fil-ħajja jrid jaqra l-Bibbja kuljum u jimmedita fuqha. (Salm 1:​1-3) Billi jaqra l-Bibbja kuljum, ħa jitgħallem kif jaħseb Ġeħova u kif japplika l-Bibbja f’ħajtu. (Prov. 1:​3, 4) L-aħwa fil-kongregazzjoni għandhom bżonn taʼ rġiel li jafu jgħallmu u jagħtu pariri mill-Bibbja. Jekk tkun taf tikteb u taqra sew, ħa tkun tistaʼ tagħmel taħditiet u kummenti li bihom issaħħaħ il-fidi t’oħrajn. Ħa tkun tistaʼ wkoll tieħu noti li ħa jgħinuk biex ikollok fidi iktar b’saħħitha u tinkuraġġixxi lil oħrajn. w23.12 26-27 ¶9-11

It-Tnejn, 28 taʼ Lulju

“Dak li hu f’unjoni magħkom hu akbar minn dak li hu f’unjoni mad-dinja.”—1 Ġw. 4:4.

Meta tħossok imbeżżaʼ, aħseb dwar dak li Ġeħova ħa jagħmel fil-futur meta Satana mhux ħa jkollu kontroll fuq id-dinja. Turija fil-konvenzjoni reġjonali tal-2014 uriet missier jiddiskuti mal-familja tiegħu x’kienet tgħid l-iskrittura tat-​2 Timotju 3:​1-5 li kieku kienet titkellem dwar is-sistema l-ġdida. Hu qal: “Fid-dinja l-ġdida se jkun hawn l-iżjed żmien sabiħ. In-nies ħa jkunu jħobbu lill-oħrajn, iħobbu l-verità, modesti, tajbin, iħobbu lil Alla, ubbidjenti lejn il-ġenituri, grati, leali, ikollhom imħabba kbira lejn il-familji tagħhom, ikunu jiftiehmu, dejjem jitkellmu tajjeb dwar oħrajn, imrażżnin, juru ħlewwa, ikollhom imħabba għat-tajjeb, taʼ min jafdahom, iċedu, umli, iħobbu lil Alla minflok ma jħobbu l-pjaċiri, imqanqlin mid-devozzjoni ġenwina lejn Alla; nies bħal dawn ibqaʼ agħmilha magħhom.” Ġieli tiddiskuti mal-familja u l-aħwa kif ħa tkun il-ħajja fid-dinja l-ġdida? w24.01 6 ¶13-14

It-Tlieta, 29 taʼ Lulju

“Jien ferħan ħafna bik.”—Lq. 3:22.

Kemm hu sabiħ li nafu li Ġeħova hu ferħan bin-nies tiegħu! Il-Bibbja tgħid: “Ġeħova jieħu pjaċir bil-poplu tiegħu.” (Salm 149:4) Imma oħrajn jistgħu tant ikunu skuraġġiti li jaħsbu, ‘Ġeħova hu ferħan bija?’ Il-Bibbja wkoll issemmi ħafna nies leali li sabuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova hu ferħan bihom. (1 Sam. 1:​6-10; Ġob 29:​2, 4; Salm 51:11) Il-Bibbja turina b’mod ċar li Ġeħova jistaʼ jkun ferħan b’nies imperfetti. Xi jridu jagħmlu? Iridu juru fidi f’Ġesù Kristu u jitgħammdu. (Ġw. 3:16) B’hekk ikunu qed juru lil oħrajn li vera jiddispjaċihom tal-iżbalji li għamlu u li wiegħdu lil Alla li se jobduh. (Atti 2:38; 3:19) Ġeħova jkun ferħan ħafna bina meta nagħmlu dawn l-affarijiet biex insiru l-ħbieb tiegħu. Jekk nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inżommu l-wegħda tagħna, Ġeħova se jkun ferħan bina u jarana bħala l-ħbieb tiegħu.—Salm 25:14. w24.03 26 ¶1-2

L-Erbgħa, 30 taʼ Lulju

“Aħna ma nistgħux nieqfu nitkellmu dwar dak li rajna u smajna.”—Atti 4:20.

Aħna nistgħu nimitaw lid-dixxipli billi nkomplu nippritkaw meta l-gvern jgħidilna biex nieqfu. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nagħmlu x-xogħol tal-ippritkar. Itlob għall-kuraġġ u l-għerf kif ukoll biex Ġeħova jgħinek tissaporti minkejja l-problemi. Ħafna minna qed ibatu minħabba mard jew problemi emozzjonali, minħabba li tilfu lil xi ħadd li jħobbu fil-mewt, problemi fil-familja, persekuzzjoni, jew xi problemi oħrajn. U affarijiet bħal pandemiji u gwerer jagħmlu dawn l-isfidi iktar diffiċli. Għid lil Ġeħova eżatt kif tkun qed tħossok, bħal meta tiftaħ qalbek maʼ ħabib, u kun ċert li Ġeħova “se jgħinek.” (Salm 37:​3, 5) Jekk nibqgħu nitolbu se nkunu nistgħu nibqgħu ‘nissaportu fit-tribulazzjoni.’ (Rum. 12:12) Ġeħova jaf minn xiex qed jgħaddu l-qaddejja tiegħu, u “jismagħhom meta jgħajtulu għall-għajnuna.”—Salm 145:​18, 19. w23.05 5-6 ¶12-15

Il-Ħamis, 31 taʼ Lulju

“Komplu agħmlu ċert x’inhuma l-affarijiet li jaċċetta l-Mulej.”—Efes. 5:10.

Meta jkollna deċiżjoni importanti x’nieħdu, importanti nifhmu “x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova” u mbagħad nimxu magħha. (Efes. 5:17) Billi nsibu prinċipji tal-Bibbja li għandhom x’jaqsmu mas-sitwazzjoni tagħna, aħna nkunu qegħdin naraw kif jaħsibha Ġeħova. Imbagħad, meta napplikaw dawk il-prinċipji, aħna ħa nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Il-wieħed Ħażin, Satana, irid li aħna tant ikollna x’nagħmlu li ma jibqgħalniex ħin biex naqdu lil Ġeħova. (1 Ġw. 5:19) Kristjan jistaʼ jibda jiffoka fuq il-flus, l-edukazzjoni, u x-xogħol minflok il-ħafna modi kif jistaʼ jaqdi lil Ġeħova. Jekk jiġri dan, hu jkun qed juri li qed jaħsibha bħan-nies li ma jaqdux lil Ġeħova. Dawn l-affarijiet mhux bilfors ikunu ħżiena, imma qatt m’għandhom ikunu l-iżjed ħaġa importanti f’ħajjitna. w24.03 24 ¶16-17

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja