LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/15 p. 24-p. 27 para. 11
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Imħallfin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Imħallfin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA KIEN HEMM BŻONN L-​IMĦALLFIN?
  • (Mħallfin 1:​1-​3:6)
  • ĠEĦOVA JAĦTAR L-​IMĦALLFIN
  • (Mħallfin 3:7–​16:31)
  • OFFIŻI OĦRA F’IŻRAEL
  • (Mħallfin 17:1–​21:25)
  • Il-​Ħelsien fil-​Qrib
  • Punti mill-Imħallfin
    Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa
  • Bil-fidi, Barak Ħarbat Armata b’Saħħitha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ġeftaħ Iżomm il-Wegħda Tiegħu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Jalla l-​ispirtu volontarju tiegħek iġib tifħir lil Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/15 p. 24-p. 27 para. 11

Il-​Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja

Punti Prinċipali mill-​Ktieb taʼ l-​Imħallfin

ĠEĦOVA kif jirreaġixxi meta l-​poplu tiegħu stess jagħtih dahru u jibda jqim allat foloz? Xi ngħidu jekk kontinwament jirrifjuta li jobdih u jsejjaħlu biss għall-​għajnuna meta jkun fl-​inkwiet? Jipprovdilu Ġeħova ħelsien anki f’dan il-​każ? Il-​ktieb taʼ l-​Imħallfin iwieġeb dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn li huma vitali. Il-​profeta Samwel lestieh madwar is-​sena 1100 Q.E.K., u dan ikopri l-​ġrajjiet li seħħew f’madwar 330 sena​—mill-​mewt taʼ Ġożwè sa meta ħa t-​tron l-​ewwel sultan taʼ Iżrael.

Bħala parti mill-​kelma, jew il-​messaġġ, qawwi t’Alla, il-​ktieb taʼ l-​Imħallfin għandu valur kbir għalina. (Lhud 4:12) Ir-​rakkonti eċċitanti mniżżlin fih jgħinuna nifhmu l-​personalità t’Alla. It-​tagħlimiet li nieħdu minnhom isaħħulna l-​fidi u jgħinuna naqbdu qabda soda “mal-​ħajja vera,” ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla. (1 Timotju 6:​12, 19; 2 Pietru 3:13) L-​għemejjel taʼ salvazzjoni li Ġeħova jwettaq għan-​nom tal-​poplu tiegħu jipprovdu dehra bil-​quddiem tal-​ħelsien akbar fil-​futur permezz t’Ibnu, Ġesù Kristu.

GĦALA KIEN HEMM BŻONN L-​IMĦALLFIN?

(Mħallfin 1:​1-​3:6)

Wara li s-​slaten taʼ l-​art taʼ Kangħan jinqerdu taħt it-​tmexxija taʼ Ġożwè, it-​tribujiet individwali taʼ Iżrael imorru lura lejn wirthom u jieħdu pussess taʼ l-​art. Madankollu, l-​Iżraelin jonqsu li jkeċċu l-​abitanti taʼ l-​art. Dan il-​fatt ikun tabilħaqq nasba għal Iżrael.

Il-ġenerazzjoni li tiġi wara żmien Ġożwè ‘ma tafx lill-​Mulej u lanqas x’għamel għal Iżrael.’ (Mħallfin 2:10) Iktar minn hekk, in-​nies jifformaw alleanzi taʼ żwieġ mal-​Kangħanin u jaqdu ’l-allat tagħhom. Allura, Ġeħova jagħti lill-​Iżraelin f’idejn l-​għedewwa tagħhom. Però, meta l-​moħqrija tiħrax, ulied Iżrael isejħu lill-​Alla veru għall-​għajnuna. F’din l-​atmosfera reliġjuża, soċjali, u politika jiżviluppa r-​rakkont taʼ linja taʼ mħallfin li jqajjimhom Ġeħova biex isalvaw lill-​poplu tiegħu mill-​għedewwa tagħhom.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

1:​2, 4​—Ġuda għala ntgħażel bħala l-​ewwel tribù li kellu jieħu pussess taʼ l-​art li tqassmet? Ġeneralment, dan il-​privileġġ kien imur lil Ruben, l-​ewwel imwieled taʼ Ġakobb. Imma fil-​profezija li qal qabel ma miet, Ġakobb bassar li Ruben ma kellux ikun superjuri, peress li tilef id-​dritt tiegħu bħala l-​ewwel imwieled. Simgħon u Levi, li aġixxew b’kefrija, kellhom jinxterdu f’Iżrael. (Ġenesi 49:​3-5, 7) Għalhekk, warajhom kien imiss Ġuda, ir-​rabaʼ iben taʼ Ġakobb. Simgħon, li telaʼ maʼ Ġuda, ngħata nħawi żgħar imxerrdin madwar it-​territorju kbir taʼ Ġuda.a​—Ġożwè 19:9.

1:​6, 7​—Għala lis-​slaten li jinħatfu kienu jaqtgħulhom is-​swabaʼ l-​kbar taʼ idejhom u saqajhom? Milli jidher, persuna li titlef is-​swabaʼ l-​kbar taʼ idejha u saqajha ma tibqax kapaċi tiġġieled fil-​gwerra. Kif setaʼ suldat iżomm xabla jew lanza mingħajr is-​swabaʼ l-​kbar taʼ idejh? U jekk xi ħadd jitlef is-​swabaʼ l-​kbar taʼ saqajh ma jkunx jistaʼ jżomm il-​bilanċ kif suppost meta jkun bil-​wieqfa.

Lezzjonijiet Għalina:

2:​10-​12. Irid ikollna programm regulari taʼ studju tal-​Bibbja sabiex ‘ma ninsewx il-​ġid kollu li Ġeħova għamel magħna.’ (Salm 103:2) Il-​ġenituri għandhom inaqqxu l-​verità tal-​Kelma t’Alla f’qalb uliedhom.​—Dewteronomju 6:​6-9.

2:​14, 21, 22. Ġeħova jħalli li jseħħu affarijiet ħżiena lill-​poplu diżubbidjenti tiegħu bi skop​—biex jikkastigahom, jirfinahom, u jqanqalhom iduru lura lejh.

ĠEĦOVA JAĦTAR L-​IMĦALLFIN

(Mħallfin 3:7–​16:31)

Ir-​rakkont eċċitanti taʼ dak li għamlu limħallfin jibda billi Għotnijel itemm it-​tmien snin taʼ jasar taʼ l-​Iżraelin taħt idejn is-​sultan tal-​Mesopotamja. Permezz taʼ pjan kuraġġuż, l-​Imħallef Eħud joqtol lil Għeglon, is-​sultan oħxon taʼ Mowab. Il-​kuraġġuż Samgar joqtol waħdu 600 Filisti billi juża niggieża tal-​baqar. Bl-​inkuraġġiment taʼ Debora, li taqdi bħala profetessa, kif ukoll bl-​appoġġ taʼ Ġeħova, Barak u l-​eżerċtu tiegħu t’għaxart elef raġel mhux armati ħafna jħarbtu l-​armata qawwija taʼ Sisera. Ġeħova jinkariga lil Gidgħon u flimkien maʼ l-​armata tiegħu taʼ 300 raġel jagħtih ir-​rebħa fuq il-​Midjanin.

Permezz taʼ Ġefta, Ġeħova jeħles lil Iżrael mill-​Għammonin. Tola’, Ġajir, Ibsan, Elon, u Għabdon huma wkoll fost it-​12-il raġel li jiġġudikaw lil Iżrael. Il-​perijodu taʼ l-​Imħallfin jispiċċa b’Sansun, li jiġġieled kontra l-​Filistin.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

4:8​—Barak għala insista li lprofetessa Debora tmur miegħu fil-​post tal-​battalja? Jidher ċar li Barak ma ħassux adegwat biex jitlaʼ waħdu kontra l-​armata taʼ Sisera. Il-​fatt li jkollu l-​profetessa miegħu kien se jiżgura lilu u lill-​irġiel tiegħu li kellhom il-​gwida t’Alla u dan kien se jagħtihom fiduċja. Allura, meta Barak insista li Debora tmur miegħu, hu ma kienx qed juri xi dgħjufija imma fidi qawwija.

5:​20​—L-​istilel kif tqabdu mis-​smewwiet għan-​nom taʼ Barak? Il-​Bibbja ma tgħidx jekk dan kienx jinvolvi għajnuna anġelika, xita taʼ meteoriti li ġiet interpretata bħala sinjal taʼ gwaj mill-​għorrief taʼ Sisera, jew forsi teħbir astroloġiku għal Sisera li wera li kien falz. Però, m’hemmx dubju li kien hemm xi tip taʼ intervent divin.

7:​1-3; 8:​10​—Ġeħova għala qal li t-​32,000 raġel taʼ Gidgħon kienu ħafna kontra l-​135,000 tal-​forza armata taʼ l-​għadu? Dan kien għaliex Ġeħova nnifsu kien se jrebbaħ lil Gidgħon u l-​irġiel tiegħu. Alla ma ridhomx jaħsbu li huma għelbu lill-​Midjanin bil-​qawwa tagħhom stess.

11:​30, 31​—Meta kien qed jagħmel il-​wegħda tiegħu, kellu Ġefta f’moħħu sagrifiċċju taʼ bniedem? Żgur li Ġefta ma kellu f’moħħu ebda ħsieb bħal dan, għaliex il-​Liġi kienet tgħid: “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok li jgħaddi min-​nar lil ibnu jew lil bintu.” (Dewteronomju 18:10) Però, Ġefta kellu f’moħħu persuna u mhux annimal. Annimali li kienu addattati għas-​sagrifiċċji x’aktarx li ma kinux jinżammu fid-​djar taʼ l-​Iżraelin. U l-​offerta taʼ annimal ma kinitx se tkun xi ħaġa mhux tas-​soltu. Ġefta kien jaf li min kien se joħroġ minn daru biex jilqgħu setaʼ tabilħaqq ikun bintu stess. Din kellha tiġi offruta bħala “sagrifiċċju tal-​ħruq” jiġifieri l-​persuna kellha tkun devota għalkollox fis-​servizz taʼ Ġeħova f’konnessjoni mas-​santwarju.

Lezzjonijiet Għalina:

3:​10. Is-​suċċess fl-​affarijiet spiritwali ma jiddependix mill-​għerf tal-​bniedem imma mill-​ispirtu taʼ Ġeħova.​—Salm 127:1.

3:​21. Eħud uża s-​sejf tiegħu bil-​ħila u bil-​kuraġġ. Aħna rridu nsiru tas-​sengħa f’li nużaw “is-​sejf taʼ l-​ispirtu, jiġifieri, il-​kelma t’Alla.” Dan ifisser li aħna rridu nużaw l-​Iskrittura b’mod kuraġġuż fil-​ministeru tagħna.​—Efesin 6:​17; 2 Timotju 2:​15.

6:​11-​15; 8:​1-3, 22, 23. Il-​modestja taʼ Gidgħon tgħallimna tliet lezzjonijiet importanti: (1) Meta jingħatalna privileġġ taʼ servizz, għandna l-​ewwel naħsbu dwar ir-​responsabbiltà li jġib miegħu minflok ma noqogħdu naħsbu dwar il-​fama u l-​pożizzjoni konnessi miegħu. (2) Meta niffaċċjaw uħud li għandhom it-​tendenza li jargumentaw, huwa għaqli li nuru l-​modestja. (3) Il-​modestja tipproteġina milli jkun moħħna li jkollna ċerta pożizzjoni.

6:​17-​22, 36-​40. Aħna wkoll irridu noqogħdu attenti u ma ‘nemmnux kull espressjoni mnebbħa.’ Minflok, irridu ‘ngħarblu l-​espressjonijiet imnebbħin biex naraw jekk joriġinawx minn Alla.’ (1 Ġwanni 4:1) Biex ikun żgur li l-​parir li bi ħsiebu jagħti jkollu bażi soda fil-​Kelma t’Alla, anzjan Kristjan ġdid ikun għaqli jekk jitkellem m’anzjan li għandu iktar esperjenza.

6:​25-​27. Gidgħon kien diskret biex ma jirrabjax bla bżonn lil dawk li opponewh. Meta nippridkaw l-​aħbar tajba, irridu noqogħdu attenti li ma noffendux lil oħrajn għalxejn bil-​mod kif nitkellmu.

7:6. Fejn jidħol is-​servizz tagħna lil Ġeħova, aħna rridu nkunu bħat-​300 raġel taʼ Gidgħon​—attenti u għassa.

9:​8-​15. Kemm inkunu boloh jekk naġixxu bi kburija u nkunu ambizzjużi għall-​pożizzjoni jew il-​poter!

11:​35-​37. L-​eżempju tajjeb taʼ Ġefta żgur li għen ħafna biex bintu tiżviluppa fidi qawwija u spirtu taʼ sagrifiċċju. Il-​ġenituri llum jistgħu jagħtu eżempju bħal dan lil uliedhom.

11:40. Nistgħu ninkuraġġixxu lil individwu li minn jeddu joffri ruħu fis-​servizz taʼ Ġeħova billi nfaħħruh.

13:8. Meta jkunu qed jgħallmu lil uliedhom, il-​ġenituri għandhom jitolbu lil Ġeħova għall-​gwida u jsegwu d-​direzzjoni tiegħu.​—2 Timotju 3:​16.

14:​16, 17; 16:16. Relazzjoni tistaʼ titħassar meta dak li jkun jagħmel pressjoni fuq il-​persuna l-​oħra bil-​biki u l-​qrid.​—Proverbji 19:13; 21:19.

OFFIŻI OĦRA F’IŻRAEL

(Mħallfin 17:1–​21:25)

L-​aħħar parti tal-​ktieb taʼ l-​Imħallfin fiha żewġ rakkonti li jispikkaw. L-​ewwel waħda hija dwar raġel li jismu Mika, li jwaqqaf idolu f’daru u jinkariga Levita biex jaġixxi bħala qassis għan-​nom tiegħu. Wara li jeqirdu l-​belt taʼ Lajs, jew Lesem, ulied Dan jibnu belthom u jsemmuha Dan. Billi jużaw l-​idolu taʼ Mika u l-​qassis tiegħu, huma jibdew forma ġdida taʼ qima f’Dan. Jidher ċar li Lajs tinħataf qabel ma jmut Ġożwè.​—Ġożwè 19:47.

It-tieni ġrajja sseħħ ftit wara li jmut Ġożwè. Isir att kriminali sesswali minn grupp taʼ rġiel mill-​belt taʼ Gibgħa li tappartjeni lit-​tribù taʼ Benjamin, u dan iwassal biex it-​tribù taʼ Benjamin jinqered kważi għalkollox​—600 raġel biss jibqgħu ħajjin. Madankollu, arranġament prattiku jippermettilhom jiksbu nisa għaż-​żwieġ, u n-​numru tagħhom jiżdied għal kważi 60,000 gwerrier saż-​żmien tal-​ħakma taʼ David.​—1 Kronaki 7:​6-11.

Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:

17:6; 21:25​—Ladarba “kulħadd kien jagħmel li jogħġbu,” ma kienx dan qed jinkuraġġixxi l-​anarkija? Mhux bilfors, għaliex Ġeħova għamel ħafna provvedimenti biex jiggwida lill-​poplu tiegħu. Hu tahom il-​Liġi u l-​qassisin biex jedukawhom fi triqatu. Permezz taʼ l-​Urim u t-​Tummim, il-​qassis il-​kbir setaʼ jitlob għall-​parir t’Alla dwar affarijiet importanti. (Eżodu 28:30) Kull belt kellha rġiel ixjeħ li kienu kapaċi jipprovdu pariri għaqlin. Meta Iżraeli kien jieħu vantaġġ minn dawn il-​provvedimenti, hu kellu gwida tajba għall-​kuxjenza tiegħu. Meta kien jagħmel ‘dak li jogħġbu’ b’dan il-​mod, hu kien ikollu riżultati tajbin. Mill-​banda l-​oħra, jekk individwu kien jinjora l-​Liġi u jiddeċiedi kif jaħseb hu dwar il-​kondotta u l-​qima, ir-​riżultat kien wieħed ħażin.

20:​17-​48​—Ġeħova għala ħalla lit-​tribù taʼ Benjamin jegħleb lit-​tribujiet l-​oħra darbtejn, avolja dan it-​tribù ried jiġi kastigat? Peress li għall-​ewwel ħalla lit-​tribujiet leali jsofru telf kbir, Ġeħova kien qed jittestja d-​determinazzjoni tagħhom biex jeliminaw il-​ħażen minn Iżrael.

Lezzjonijiet Għalina:

19:​14, 15. Il-​fatt li l-​poplu taʼ Gibgħa ma riedx ikun ospitabbli kien qed jindika nuqqas morali. Il-​Kristjani huma mwissijin biex ‘juru dejjem l-​ospitalità.’​—Rumani 12:13.

Il-​Ħelsien fil-​Qrib

Dalwaqt, is-​Saltna t’Alla f’idejn Kristu Ġesù se teqred id-​dinja ħażina u se tipprovdi ħelsien kbir għall-​ġusti u għal dawk li huma bla ħtija. (Proverbji 2:​21, 22; Danjel 2:44) Se ‘jintemmu l-​għedewwa [taʼ Ġeħova], imma dawk li jħobbuh, bħal ħruġ ix-​xemx fil-​qawwa tagħha.’ (Mħallfin 5:31) Ejja nuru li aħna minn dawk li jħobbu lil Ġeħova billi napplikaw dak li tgħallimna mill-​ktieb taʼ l-​Imħallfin.

Il-verità fundamentali li tidher darba wara l-​oħra fir-​rakkonti taʼ l-​Imħallfin hija din: L-​ubbidjenza lejn Ġeħova twassal għal barkiet għonja, id-​diżubbidjenza ġġib konsegwenzi koroh. (Dewteronomju 11:​26-28) Kemm hu vitali li nsiru ‘nobdu mill-​qalb’ ir-​rieda t’Alla li hu wriena!​—Rumani 6:​17; 1 Ġwanni 2:​17.

[Nota taʼ taħt]

a Il-Leviti ma ngħatawx wirt fl-​Art Imwiegħda minbarra t-​48 belt imxerrdin madwar Iżrael.

[Mappa f’paġna 25]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test,ara publikazzjoni)

“Il-​Mulej kien iqajjem l-​imħallfin, u dawn kienu jsalvawhom minn id il-​ħallelin.”​—Mħallfin 2:16

[Tagħrif f’paġna 25]

IMĦALLFIN

1. Għotnijel

2. Eħud

3. Samgar

4. Barak

5. Gidgħon

6. Tola’

7. Ġajir

8. Ġefta

9. Ibsan

10. Elon

11. Għabdon

12. Sansun

DAN

MANASSE

NAFTALI

ASER

ŻEBULUN

ISSAKAR

MANASSE

GAD

EFRAJM

DAN

BENJAMIN

RUBEN

ĠUDA

[Stampa f’paġna 26]

X’tgħallimt mill-​insistenza taʼ Barak biex Debora tmur miegħu fil-​post tal-​battalja?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja