Ġeftaħ Iżomm il-Wegħda Tiegħu lil Ġeħova
GWERRIER vittorjuż jerġaʼ lura d-dar wara li jkun ħeles lill-poplu tiegħu mill-oppressjoni. Bintu toħroġ tiġri biex tilqgħu, qed tiżfen bil-ferħ u ddoqq it-tanbur. X’ħin jaraha, minflok ma jifraħ, hu jċarrat ħwejġu. Għala? Ma jħossux ferħan bħalma tħossha hi li rritorna qawwi u sħiħ? Liema battalja rebaħ? Min hu?
Ir-raġel huwa Ġeftaħ, wieħed mill-imħallfin taʼ Iżrael tal-qedem. Imma sabiex inwieġbu l-mistoqsijiet l-oħrajn u biex naraw x’tifsir għandu r-rakkont għalina, għandna bżonn nikkunsidraw dak li seħħ qabel din ir-riunjoni mhux tas-soltu.
Kriżi f’Iżrael
Ġeftaħ jgħix fi żmien taʼ kriżi. Sħabu l-Iżraelin abbandunaw il-qima pura u qed jaqdu l-allat taʼ Sidon, Mowab, Għammon, u Filistja. Għalhekk, Ġeħova jabbanduna l-poplu tiegħu f’idejn l-Għammonin u l-Filistin, li jaħqruhom għal 18-il sena. Ir-residenti taʼ Gilgħad, fin-naħa tal-lvant tax-Xmara Ġordan, b’mod partikulari qed jesperjenzaw tbatijiet.a Finalment, l-Iżraelin jiġu f’sensihom, jindmu u jfittxu l-għajnuna taʼ Ġeħova, jibdew jaqduh, u jneħħu l-allat barranin minn ġo nofshom.—Mħallfin 10:6-16.
L-Għammonin jarmaw it-tined tagħhom f’Gilgħad, u l-Iżraelin jinġabru biex jiġġildulhom. Imma l-Iżraelin m’għandhomx kmandant. (Mħallfin 10:17, 18) Sadanittant, Ġeftaħ qed jesperjenza problemi persunali. Ħutu mill-missier li huma rgħiba ġagħluh jitlaq sabiex jisirqu l-wirt tiegħu. Għalhekk, Ġeftaħ imur jgħix f’Tob, reġjun fil-lvant taʼ Gilgħad li faċli jintlaħaq mill-għedewwa taʼ Iżrael. “Irġiel taʼ xejn,” x’aktarx dawk li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-oppressuri jew li rribellaw kontra dawk li kienu jaqdu, imorru għand Ġeftaħ. Huma “joħorġu miegħu,” forsi billi jakkumpanjaw lil Ġeftaħ hekk kif jattakka nies ostili li jgħixu fil-viċinanzi. X’aktarx li minħabba l-qlubija taʼ Ġeftaħ bħala gwerrier, l-Iskrittura ssejjaħlu “bniedem qalbieni u b’saħħtu.” (Mħallfin 11:1-3) Allura, min se jmexxi lill-Iżrael kontra l-Għammonin?
“Ejja, u Kun il-Kap Tagħna”
Ix-xjuħ taʼ Gilgħad iħeġġu lil Ġeftaħ: “Ejja, u kun il-kap tagħna.” Jekk qed jistennew li se jirritorna lejn pajjiżu minnufih, qed iqarrqu bihom infushom. “M’hux intom bgħadtuni u keċċejtuni minn dar missieri?” iwieġeb hu. “Għala ġejtu għalija issa li sibtu ruħkom magħfusa?” Kemm ma kinitx ħaġa sewwa li l-ewwel jiċħdu lil Ġeftaħ u mbagħad imorru għandu għall-għajnuna!—Mħallfin 11:4-7.
B’kundizzjoni waħda biss Ġeftaħ se jieħu t-tmexxija f’Gilgħad. Hu jiddikjara: ‘Jekk il-Mulej jerħihom f’idejja, inkun jien il-kap tagħkom.’ Rebħa kienet se turi li kellu l-appoġġ t’Alla, imma Ġeftaħ jixtieq ukoll li jagħmel żgur li n-nies ma jiċħdux lil Ġeħova malli tgħaddi l-kriżi.—Mħallfin 11:8-11.
Konfront m’Għammon
Ġeftaħ jipprova jinnegozja maʼ l-Għammonin. Hu jibgħat messaġġiera lis-sultan tagħhom sabiex isir jaf għala l-Għammonin iridu jattakkawhom. It-tweġiba fiha akkuża: Meta l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu, huma għammru f’territorju taʼ l-Għammonin, u kellu jingħata lura.—Mħallfin 11:12, 13.
Minħabba li għandu għarfien tajjeb taʼ l-istorja taʼ Iżrael, Ġeftaħ b’ħila jirrifjuta l-akkuża taʼ l-Għammonin. Hu jgħidilhom li l-Iżraelin m’attakkawx lil Għammon, Mowab, jew Edom meta telqu mill-Eġittu; u Għammon ma kellux pussess taʼ l-art involuta fi żmien l-Eżodu taʼ Iżrael. L-Amurrin kellhom l-art, imma Alla ta lil Siħon, is-sultan tagħhom, f’idejn Iżrael. Iktar minn hekk, l-Iżraelin kienu ilhom jgħixu f’dak il-post għal iktar minn 300 sena. L-Għammonin għala jriduh lura issa?—Mħallfin 11:14-22, 26.
Ġeftaħ jiffoka wkoll fuq kwistjoni li hi l-qofol taʼ l-inkwiet taʼ Iżrael: Min hu l-Alla l-veru? Ġeħova jew l-allat taʼ l-art li Iżrael kien għammar fiha? Jekk Kemos kellu xi qawwa, ma kienx sejjer jużaha biex iżomm l-art taʼ niesu? Din hija ġlieda bejn ir-reliġjon falza, appoġġata mill-Għammonin, u l-qima vera. Għalhekk, Ġeftaħ b’mod loġiku jikkonkludi: “Ħa jagħmel ħaqq illum bejn ulied Iżrael u bejn ulied Għammon, l-imħallef li hu l-Mulej!”—Mħallfin 11:23-27.
Is-sultan t’Għammon ma jismax mill-messaġġ deċiż taʼ Ġeftaħ. “L-ispirtu tal-Mulej [jiġi] fuq Ġeftaħ, li [jgħaddi] minn Gilgħad u Manassi,” x’aktarx li biex isejjaħ irġiel b’saħħithom biex jiġġieldu.—Mħallfin 11:28, 29.
Il-Wegħda taʼ Ġeftaħ
Minħabba li jixtieq id-direzzjoni t’Alla, Ġeftaħ iwiegħed lil Alla: “Jekk inti terħi f’idejja lil ulied Għammon, min joħroġ jilqagħni l-ewwel minn bieb dari, meta nerġaʼ lura bis-sliem minn quddiem l-Għammonin, ikun tal-Mulej u noffrihulu b’sagrifiċċju tal-ħruq.” Bi tweġiba, Alla jbierek lil Ġeftaħ billi jgħinu jħarbat 20 belt taʼ l-Għammonin “f’taqtigħa kbira,” u b’hekk irażżan l-għedewwa taʼ Iżrael.—Mħallfin 11:30-33.
Meta Ġeftaħ jirritorna mill-battalja, il-persuna li toħroġ tilqgħu hija l-maħbuba bintu, l-unika wild tiegħu! Ir-rakkont jgħid: “Malli raha ċarrat ħwejġu, u beda jgħajjat u jgħid: ‘Jaħasra binti? Int ħawwadtni sewwa, int l-inkwiet tiegħi. Tajt kelma lill-Mulej, u ma nistax nerġaʼ lura minnha!’”—Mħallfin 11:34, 35.
Ġeftaħ verament se joffri lil bintu bħala sagrifiċċju? Le. Żgur li din ma kinitx l-intenzjoni tiegħu. Ġeħova jobgħod sagrifiċċji letterali tal-bnedmin, waħda mill-prattiki ħżiena tal-Kangħanin. (Levitiku 18:21; Dewteronomju 12:31) Mhux talli l-ispirtu t’Alla kien qed jaħdem fuq Ġeftaħ meta għamel il-wegħda imma wkoll Ġeħova bierek l-isforzi tiegħu. L-Iskrittura tfaħħar lil Ġeftaħ għall-fidi tiegħu u għall-irwol li kellu b’konnessjoni maʼ l-iskop t’Alla. (1 Samwel 12:11; Ebrej 11:32-34) Għalhekk, sagrifiċċju uman—qtil—lanqas biss kien jgħaddilu minn moħħu. Allura, Ġeftaħ x’kellu f’moħħu meta wiegħed li joffri lil xi ħadd lil Ġeħova?
Milli jidher Ġeftaħ ried ifisser li kien se jiddedika lil dik il-persuna li ltaqgħet miegħu għas-servizz esklużiv t’Alla. Il-Liġi Mosajka għamlitha possibbli li individwi jiġu mwegħdin lil Ġeħova. Per eżempju, xi nisa kienu jaqdu fis-santwarju, forsi billi jtellgħu l-ilma. (Eżodu 38:8; 1 Samwel 2:22) Ftit nafu dwar servizz bħal dan jew saħansitra jekk kienx permanenti. Milli jidher Ġeftaħ kellu devozzjoni speċjali bħal din f’moħħu meta għamel il-wegħda tiegħu, u jidher li l-wegħda tiegħu inkludiet servizz permanenti.
Kemm it-tifla taʼ Ġeftaħ u iktar tard kemm it-tifel Samwel ikkooperaw sabiex iwettqu l-wegħdi tal-ġenituri tagħhom li kellhom il-biżaʼ t’Alla. (1 Samwel 1:11) Bħala aduratriċi leali taʼ Ġeħova, it-tifla taʼ Ġeftaħ infisha kienet konvinta daqs missierha li l-wegħda tiegħu kellha titwettaq. Is-sagrifiċċju kien kbir, għax kien ifisser li qatt ma kienet se tiżżewweġ. Hi bkiet minħabba l-verġinità tagħha għaliex kull Iżraelija xtaqet li jkollha t-tfal sabiex tippreserva l-isem tal-familja u l-wirt. Għal Ġeftaħ, it-twettiq tal-wegħda kien ifisser li se jitlef il-kumpanija tat-tifla maħbuba tiegħu.—Mħallfin 11:36-39.
Il-ħajja taʼ din ix-xebba leali ma kinitx moħlija. Servizz full-time fid-dar taʼ Ġeħova kien mod eċċellenti, sodisfaċenti, u taʼ min ifaħħru kif hi tonora lil Alla. B’hekk, “minn sena għal sena l-bniet taʼ Iżrael kienu jmorru jfaħħru lil bint Ġefta l-Gilgħadi.” (Mħallfin 11:40, NW) U żgur li hu feraħ bis-servizz tagħha lil Ġeħova.
Ħafna fost il-poplu t’Alla llum jagħżlu ħajja taʼ servizz full-time bħala pijunieri, missjunarji, ministri li jivvjaġġaw, jew membri tal-familji Betel. Dan forsi jfisser li dak li jkun ma jarax lill-membri taʼ familtu spiss daqskemm jixtieq. Però, dawk kollha involuti jistgħu jifirħu b’servizz sagru bħal dan mogħti lil Ġeħova.—Salm 110:3, Saydon; Ebrej 13:15, 16.
Ribelljoni Kontra l-Gwida Divina
Meta nħarsu lura lejn żmien Ġeftaħ, nistgħu naraw li ħafna Iżraelin ċaħdu d-direzzjoni taʼ Ġeħova. Minkejja evidenza taʼ barka divina fuq Ġeftaħ, l-Efrajmin jiġġieldu kontrih. Huma jridu jkunu jafu għala ma sejħilhomx għall-battalja. Saħansitra jippjanaw li jaħarqu d-dar taʼ Ġeftaħ ‘fuqu’!—Mħallfin 12:1.
Ġeftaħ jgħid li hu sejħilhom lill-Efrajmin, imma huma ma wiġbuhx. Kien x’kien il-każ, Alla rebaħ il-battalja. Iħossuhom issa rrabjati għax il-Gilgħadin ma kkonsultawhomx meta għażlu lil Ġeftaħ bħala kap? Fil-fatt, l-oġġezzjoni taʼ l-Efrajmin turi li qed jirribellaw kontra Ġeħova, u m’hemmx għażla oħra ħlief li jiġġildulhom. Fil-battalja li nqalgħet ftit wara, l-Efrajmin jiġu megħlubin. Minħabba li ma jistgħux jgħidu b’mod korrett il-kelma bħala prova “Xibbolet,” l-irġiel t’Efrajm li qed jaħarbu malajr jiġu identifikati. B’kollox, 42,000 Efrajmi jmutu fil-battalja.—Mħallfin 12:2-6.
Xi żmien taʼ niket fl-istorja taʼ Iżrael! Battalji mirbuħin mill-Imħallfin Għotnijel, Eħud, Barak, u Gidgħon ġabu l-paċi. Din id-darba l-paċi ma tissemmiex. Ir-rakkont sempliċement jispiċċa: “U dam jaħkem Ġeftaħ lil Iżrael sitt snin. U meta miet Ġeftaħ il-Gilgħadi, difnuh fil-belt tiegħu taʼ Gilgħad.”—Mħallfin 3:11, 30; 5:31; 8:28; 12:7.
X’nistgħu nitgħallmu minn dan kollu? Li għalkemm il-ħajja taʼ Ġeftaħ kienet kollha tbatijiet, hu kien leali lejn Alla. Dan ir-raġel qalbieni semma lil Ġeħova meta kellem lix-xjuħ taʼ Gilgħad, lill-Għammonin, lil bintu, u lill-Efrajmin u, m’għandniex xi ngħidu, meta għamel il-wegħda tiegħu. (Mħallfin 11:9, 23, 27, 30, 31, 35; 12:3) Alla bierek lil Ġeftaħ għad-devozzjoni tiegħu, billi uża lilu u lil bintu biex jippromwovi l-qima pura. Fi żmien meta oħrajn abbandunaw il-livelli t’Alla, Ġeftaħ qabad qabda soda magħhom. Bħal Ġeftaħ, int dejjem se tobdih lil Ġeħova?
[Nota taʼ taħt]
a L-Għammonin ma kinux iżommu lura milli jagħmlu affarijiet mill-agħar. Lanqas 60 sena ma kienu għaddew meta huma heddew li kienu se jaqilgħu l-għajn il-leminija taʼ kull wieħed mill-abitanti taʼ belt f’Gilgħad li tterrorizzaw. Il-profeta Għamos tkellem dwar żmien meta ċarrtu ħdan in-nisa tqal f’Gilgħad.—1 Samwel 11:2; Għamos 1:13.