L-Ewwel Bibbja bil-Portugiż—Storja taʼ Perseveranza
“MIN jippersevera jirnexxi.” Dan il-motto jidher fil-paġna tat-titlu taʼ fuljett reliġjuż tas-seklu 17 miktub minn João Ferreira de Almeida. M’hemmx deskrizzjoni aħjar għal dan ir-raġel li ddedika ħajtu għat-traduzzjoni u l-ippubblikar tal-Bibbja bil-Portugiż.
Almeida twieled fl-1628 f’Torre de Tavares, raħal fit-tramuntana tal-Portugall. Minħabba li kien għadu tifel meta sar orfni, hu trabba f’Lisbona, il-belt kapitali tal-Portugall, minn ziju li kien membru t’ordni reliġjuż. Skond it-tradizzjoni, bi tħejjija għall-kariga taʼ qassis, Almeida rċieva edukazzjoni mill-aqwa, li għenitu biex minn età żgħira jiżviluppa abbiltà eċċezzjonali fejn jidħlu l-lingwi.
Madankollu, li kieku Almeida baqaʼ l-Portugall x’aktarx li ma kienx se juża t-talenti tiegħu fil-lingwa biex jittraduċi l-Bibbja. Waqt li r-Riforma għenet biex jitqassmu l-Bibbji bil-lingwi tal-pajjiżi taʼ l-Ewropa ċentrali u tat-tramuntana taʼ l-Ewropa, il-Portugall baqaʼ maqbud sew taħt l-influwenza taʼ l-Inkwiżizzjoni Kattolika. Il-fatt li individwu jkollu Bibbja bil-lingwa komuni kien ikun biżżejjed biex dan jittellaʼ quddiem il-qorti taʼ l-Inkwiżizzjoni.a
Jistaʼ jkun li minħabba x-xewqa tiegħu biex jaħrab minn din l-atmosfera oppressiva, Almeida mar jgħix l-Olanda kmieni fl-adoloxxenza tiegħu. Ftit wara dan, meta kellu biss 14-il sena, hu telaq fuq vjaġġ lejn l-Asja, billi għadda minn Batavia (issa Jakarta), l-Indoneżja, li dak iż-żmien kienet ċentru amministrattiv tal-Kumpanija Olandiża taʼ l-Indja tal-Lvant fl-Asja tax-Xlokk.
Traduttur Adoloxxenti
Fl-aħħar parti tal-vjaġġ tiegħu lejn l-Asja, Almeida ffaċċja bidla f’ħajtu. Waqt li kien qed jivvjaġġa bejn Batavia u Malacca (issa Melaka), fil-punent tal-Malasja, hu sab fuljett Protestant bl-Ispanjol li kellu t-titlu Diferencias de la Cristiandad (Id-Differenzi fil-Kristjaneżmu). Minbarra li kien jattakka duttrini reliġjużi foloz, il-fuljett kien fih stqarrija li impressjonat lil Almeida b’mod partikulari: “Fil-knisja, l-użu taʼ lingwa mhux magħrufa, anki għall-glorja t’Alla, m’hi t’ebda benefiċċju għal semmiegħ li ma jkunx qed jifhimha.”—1 Korintin 14:9.
Il-konklużjoni kienet ovvja għal Almeida: Biex jinkixfu l-iżbalji fir-reliġjon kien fundamentali li l-Bibbja ssir tinftiehem minn kulħadd. Malli wasal Malacca, hu kkonverta għar-reliġjon Riformata taʼ l-Olanda u mill-ewwel beda jittraduċi siltiet taʼ l-Evanġelji mill-Ispanjol għall-Portugiż, u qassamhom lil “dawk li wrew xewqa sinċiera li jkunu jafu l-verità.”b
Sentejn wara, Almeida kien lest biex jidħol għal biċċa xogħol iktar ambizzjuża—it-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kollha kemm hi mill-Vulgata Latina. Hu lestieha f’inqas minn sena, biċċa xogħol taʼ min jammiraha għal xi ħadd taʼ 16-il sena! Bil-kuraġġ, hu bagħat kopja taʼ din it-traduzzjoni lill-gvernatur ġenerali Olandiż f’Batavia biex jippubblikaha. Milli jidher, il-Knisja Riformata taʼ Batavia bagħtet il-manuskritt tiegħu Amsterdam, imma l-ministru xwejjaħ li ġiet fdata f’idejh miet, u x-xogħol t’Almeida sparixxa.
Meta ġie mitlub jagħmel kopja tat-traduzzjoni tiegħu għall-kongregazzjoni Riformata f’Ceylon (issa Sri Lanka) fl-1651, Almeida skopra li l-oriġinal kien sparixxa mill-arkivji tal-knisja. Mingħajr ma qataʼ qalbu, b’xi mod jew ieħor hu rnexxielu jsib kopja—forsi traduzzjoni tal-bidu—u s-sena taʼ wara spiċċa l-verżjoni riveduta taʼ l-Evanġelji u l-ktieb taʼ l-Atti. Il-konċistorjuc f’Batavia ppremjah bi 30 gilder. Din kienet “somma żgħira għall-biċċa xogħol kbira li kien għamel,” kiteb wieħed mill-kollegi t’Almeida.
Minkejja dan in-nuqqas t’apprezzament, Almeida baqaʼ għaddej b’xogħlu, u ppreżenta r-reviżjoni tiegħu tat-Testment il-Ġdid komplut fl-1654. Għal darb’oħra, ġiet kunsidrata l-possibbiltà taʼ traduzzjoni, imma ma sar xejn speċifiku ħlief it-tħejjija taʼ ftit kopji miktubin bl-idejn biex jintużaw minn ftit knejjes.
Kundannat mill-Inkwiżizzjoni
Għall-għaxar snin taʼ wara, Almeida kellu ħafna x’jagħmel fix-xogħol pastorali u fix-xogħol taʼ missjunarju għall-Knisja Riformata. Hu ġie ordnat bħala ministru reliġjuż fl-1656 u l-ewwel qeda f’Ceylon, fejn żgiċċa milli jintrifes minn iljunfant, u iktar tard fl-Indja, bħala wieħed mill-ewwel missjunarji Protestanti li żaru l-pajjiż.
Almeida kien Protestant konvertit li kien qed jaqdi f’pajjiż barrani. Għalhekk, ħafna wħud fil-komunitajiet li kien żar u li jitkellmu l-Portugiż ħarsu lejh bħala apostata u traditur. Hu kellu bosta ġlied mal-missjunarji Kattoliċi minħabba li b’mod dirett ikkundanna l-korruzzjoni morali fost il-kleru u d-duttrina Kattolika. Dan il-ġlied laħaq il-quċċata tiegħu fl-1661 meta l-qorti taʼ l-Inkwiżizzjoni taʼ Goa, l-Indja, qatgħet is-sentenza biex Almeida jinqatel minħabba ereżija. Meta ma kienx preżenti, ġiet maħruqa xbieha tiegħu. Il-gvernatur ġenerali Olandiż sejjaħlu lura lejn il-Batavia ftit wara dan, forsi minħabba li beżaʼ mill-karattru t’Almeida li kien iħobb jargumenta.
Almeida kien missjunarju żeluż, imma qatt ma nesa l-bżonn li jkun hemm Bibbja bil-Portugiż. Minflok, ir-riżultat tan-nuqqas taʼ familjarità mal-Bibbja—evidenti sew kemm fost il-kleru u kemm fost il-lajċi—serva biss biex saħħaħ id-determinazzjoni tiegħu. Fid-daħla taʼ fuljett reliġjuż li ħareġ fl-1668, Almeida ħabbar lill-qarrejja tiegħu: “Nispera . . . li dalwaqt nonorakom b’Bibbja kompluta bil-lingwa tagħkom, l-akbar rigal u l-iktar teżor prezzjuż li għad taqilgħu.”
Almeida Kontra l-Kumitat tar-Reviżjoni
Fl-1676, Almeida ppreżenta kopja lesta tat-Testment il-Ġdid tiegħu lill-konċistorju tal-knisja f’Batavia biex jirrivediha. Mill-bidunett, ir-relazzjoni kienet ostili bejn it-traduttur u dawk li rrivedew xogħlu. Il-bijografu J. L. Swellengrebel jispjega li l-kollegi t’Almeida li kienu jitkellmu bl-Olandiż jistaʼ jkun li kellhom xi diffikultajiet biex jifhmu l-ħsibijiet fit-tifsir u l-istil. Kien hemm ukoll kontroversja dwar l-għażla tal-kliem. Kellu fil-Bibbja jintuża l-Portugiż mitkellem lokalment jew il-Portugiż iktar irfinut li ħafna kienu se jsibuha diffiċli biex jifhmuh? U fl-aħħar, iż-żelu t’Almeida biex jara x-xogħol mitmum kien sors taʼ nuqqas taʼ qbil kontinwu.
Ix-xogħol mexa tassew bil-mod, x’aktarx li minħabba n-nuqqas taʼ qbil jew in-nuqqas taʼ interess min-naħa taʼ dawk li rrivedew xogħlu. Erbaʼ snin wara, dawk li rrivedew xogħlu kienu għadhom qed jikkustinjaw dwar l-ewwel ftit kapitli taʼ Luqa. Frustrat minħabba dan id-dewmien, Almeida bagħat kopja tal-manuskritt tiegħu l-Olanda biex tiġi pubblikata mingħajr ma kienu jafu dawk li rrivedew xogħlu.
Minkejja li l-konċistorju pprova ma jippermettix l-ippubblikar, it-Testment il-Ġdid tiegħu ġie stampat f’Amsterdam fl-1681, u l-ewwel kopji waslu Batavia s-sena taʼ wara. Immaġina kemm kien diżappuntat Almeida meta skopra li t-traduzzjoni tiegħu ġarrbet xi bidliet f’idejn dawk li rrivedewha fl-Olanda! Minħabba li dawn ma kinux familjari mal-Portugiż, Almeida osserva li huma introduċew “traduzzjonijiet mhux naturali u kontradittorji li ċajpru t-tifsir taʼ l-Ispirtu Qaddis.”
Il-gvern Olandiż ukoll ma kienx sodisfatt, u ordna li l-edizzjoni kollha tiġi meqruda. Xorta waħda, Almeida kkonvinċa lill-awtoritajiet biex jerfgħu ftit kopji bil-kundizzjoni li l-iktar żbalji serji jiġu koreġuti bl-idejn. Dawn il-kopji kienu se jintużaw sakemm tiġi mħejjija kopja riveduta.
Dawk f’Batavia li kienu qed jirrivedu x-xogħol komplew jaħdmu fuq l-Iskrittura Griega Kristjana u bdew jippreparaw il-kotba taʼ l-Iskrittura Ebrajka hekk kif Almeida kien qed ilestihom. Minħabba li l-konċistorju beżaʼ li t-traduttur kien se jitlef il-paċenzja tiegħu, dan iddeċieda li jżomm il-paġni ffirmati tal-kopja finali fil-kaxxaforti tal-knisja. M’għandniex xi ngħidu, Almeida ġġieled kontra d-deċiżjoni tagħhom.
Sa dak iż-żmien, għaxriet taʼ snin taʼ xogħol iebes u l-ħajja diffiċli fi klima tropikali ħallew l-effett tagħhom fuq Almeida. Fl-1689, minħabba li saħħtu kienet sejra lura, Almeida rtira mill-attivitajiet tal-knisja biex jiddedika ruħu għat-traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka. B’sogħba, hu miet fl-1691 meta kien qed jaħdem fuq l-aħħar kapitlu t’Eżekjel.
It-tieni edizzjoni tat-Testment il-Ġdid, li lesta ftit qabel mewtu, ġiet stampata fl-1693. Madankollu, għal darb’oħra, xogħlu milli jidher ġarrab il-ħsara meta għadda mill-idejn inkompetenti taʼ dawk li rrivedewh. Fil-ktieb tiegħu A Biblia em Portugal (Il-Bibbja fil-Portugall), G. L. Santos Ferreira jgħid: “Dawk li rrivedew xogħlu . . . għamlu bidliet sinifikanti fix-xogħol eċċellenti t’Almeida, billi sfiguraw u kkorrompew il-ġmiel taʼ l-oriġinal li ma ġiex mibdul minn dawk li rrivedew l-ewwel edizzjoni.”
Titlesta l-Bibbja bil-Portugiż
Meta miet Almeida, il-qawwa li kienet wara r-reviżjoni u l-ippubblikar tal-Bibbja bil-Portugiż fil-Batavia sparixxiet. Kienet is-Soċjetà biex Tippromwovi l-Għarfien Kristjan ibbażata f’Londra li pprovdiet il-finanzi biex issir it-tielet edizzjoni tat-Testment il-Ġdid t’Almeida fl-1711, minħabba rikjesta għal dan mill-missjunarji Daniżi li kienu qed jaħdmu f’Tranquebar, fin-nofsinhar taʼ l-Indja.
Din is-soċjetà ddeċidiet li tibni post taʼ l-istampar f’Tranquebar. Madankollu, hu u sejjer l-Indja, il-bastiment li kien qed iġorr il-materjal għall-istampar u l-konsenja taʼ Bibbji bil-Portugiż inħataf mill-pirati Franċiżi u maż-żmien ġie abbandunat fil-port taʼ Rio De Janeiro, il-Brażil. Santos Ferreira kiteb: “Għal xi raġuni li ma nistgħux nispjegaw u f’ċirkustanzi li għal ħafna dehru mirakolużi, il-kaxxi li kien fihom il-materjal għall-istampar instabu bla mittiefsa fil-kumpartiment tal-bagalji u komplew il-vjaġġ tagħhom fl-istess bastiment lejn Tranquebar.” Il-missjunarji Daniżi rrivedew bir-reqqa u ppubblikaw il-verżjoni t’Almeida tal-kotba Bibliċi li kien għad fadal. L-aħħar volum tal-Bibbja bil-Portugiż ħareġ fl-1751, kważi 110 snin wara li Almeida beda l-karriera tiegħu bħala traduttur tal-Bibbja.
Xogħol li Baqaʼ Jintuża
Minn meta kien għadu żgħir, Almeida fehem il-bżonn li ssir Bibbja bil-Portugiż ħalli n-nies komuni jkunu jistgħu jagħrfu l-verità bil-lingwa tagħhom stess. Hu ħadem b’ħeġġa kbira biex jilħaq din il-mira tul ħajtu kollha, minkejja l-oppożizzjoni tal-Knisja Kattolika, l-indifferenza taʼ sħabu, problemi li donnhom ma spiċċaw qatt fir-reviżjoni, u s-saħħa tiegħu li kienet dejjem sejra għall-agħar. Il-perseveranza tiegħu ġiet premjata.
Ħafna mill-komunitajiet taʼ nies li jitkellmu bil-Portugiż fejn ippriedka Almeida ċkienu u sparixxew, imma l-Bibbja tiegħu għadha teżisti. Matul is-seklu 19, is-Soċjetà Biblika Britannika u Barranija u s-Soċjetà Biblika Amerikana qassmu eluf taʼ kopji tal-verżjoni t’Almeida fil-Portugall u fil-bliet taʼ mal-kosta tal-Brażil. Minħabba f’hekk, il-Bibbja meħuda mill-verżjoni oriġinali tiegħu għadha sa llum waħda mill-iktar popolari u mill-iktar imqassmin fid-dinja fejn huwa mitkellem il-Portugiż.
Mingħajr ebda dubju, ħafna għandu jkollhom gratitudni kbira lejn l-ewwel uħud li ttraduċew il-Bibbja bħal Almeida. Imma aħna għandna nkunu saħansitra iktar grati lejn Ġeħova, l-Alla li jikkomunika magħna, li “jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Timotju 2:3, 4) Fl-aħħar mill-aħħar, hu l-Wieħed li ppreserva l-Kelma tiegħu u għamilha disponibbli għall-benefiċċju tagħna. Jalla dejjem ngħożżu u nistudjaw bil-ħeġġa dan “l-iktar teżor prezzjuż” mingħand Missierna tas-sema.
[Noti taʼ taħt]
a Fit-tieni nofs tas-seklu 16, minħabba li l-Knisja Kattolika ħarġet l-Index of Forbidden Books (Indiċi taʼ Kotba Projbiti) imponiet diversi restrizzjonijiet fuq l-użu taʼ Bibbji bil-lingwa tal-pajjiż. Dan il-provvediment, skond The New Encyclopædia Britannica, kien “effettiv f’li ma jippermettix li jsir iktar xogħol taʼ traduzzjoni [għall-knisja] Kattolika għall-200 sena taʼ wara.”
b Edizzjonijiet iktar qodma tal-Bibbja t’Almeida jirreferu għalih bħala Padre (Patri) Almeida, u għalhekk xi wħud ħasbu li kien qeda bħala qassis Kattoliku. Madankollu, l-edituri Olandiżi tal-Bibbja t’Almeida użaw dan it-terminu b’mod żbaljat, għaliex immaġinaw li kien titlu użat minn saċerdot jew membru tal-kleru Protestant.
c Il-ġemgħa li tieħu ħsieb l-affarijiet fil-Knisja Riformata.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 21]
L-ISEM DIVIN
L-integrità t’Almeida bħala traduttur hi taʼ min jinnotaha, per eżempju, minħabba li uża l-isem divin biex jittraduċi t-Tetragramma Ebrajka.
[Sors]
Cortesia da Biblioteca da Igreja de Santa Catarina (Igreja dos Paulistas)
[Mappa f’paġna 18]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
OĊEAN ATLANTIKU
PORTUGALL
Lisbona
Torre de Tavares
[Stampa f’paġna 18]
Il-Batavia matul is-seklu 17
[Sors]
Minn Oud en Nieuw Oost-Indiën, Franciscus Valentijn, 1724
[Stampa f’paġna 18, 19]
Il-paġna tat-titlu taʼ l-ewwel Testment il-Ġdid bil-Portugiż, pubblikat fl-1681
[Sors]
Courtesy Biblioteca Nacional, Portugal