“Min Hu Għaref u Kapaċi Jifhem Fostkom?”
“Min hu għaref u kapaċi jifhem fostkom? Ħa juri bil-kondotta tajba tiegħu l-għemejjel tiegħu bil-ħlewwa li ġejja mill-għerf.”—ĠAK. 3:13.
1, 2. X’nistgħu ngħidu dwar ħafna li huma meqjusin bħala għorrief?
MIN taħseb li hu verament għaref? Forsi l-ġenituri tiegħek, xi bniedem imdaħħal fiż-żmien, jew forsi xi professur taʼ l-università? Il-ħarsa tiegħek dwar min hu għaref tistaʼ tkun influwenzata mill-ambjent li tkun ġej minnu u miċ-ċirkustanzi tiegħek. Iżda, il-qaddejja t’Alla huma interessati primarjament dwar il-ħarsa tiegħu.
2 F’għajnejn Alla, mhux kulmin hu meqjus għaref mid-dinja hu verament għaref. Per eżempju, Ġob kellem lil xi rġiel li kienu jaħsbu li qed jitkellmu kliem t’għerf, iżda hu kkonkluda: “Ma nsibx fostkom wieħed għaref.” (Ġob 17:10) Dwar xi wħud li kienu rrifjutaw l-għarfien t’Alla, l-appostlu Pawlu kiteb: “Għalkemm insistew li kienu għorrief, saru boloh.” (Rum. 1:22) U permezz tal-profeta Isaija, Ġeħova nnifsu enfasizza u qal: “Gwaj għal dawk li huma għorrief f’għajnejhom.”—Is. 5:21.
3, 4. X’inhu meħtieġ biex wieħed ikun verament għaref?
3 Jidher ċar li hemm bżonn niddeterminaw x’inhu li jagħmilna verament għorrief biex b’hekk jistaʼ jkollna l-approvazzjoni t’Alla. Proverbji 9:10 jagħtina dan l-għarfien: “Il-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf, u li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen.” L-għaref irid ikollu biżaʼ xieraq t’Alla u jrid jirrispetta l-liġijiet u l-prinċipji tiegħu. Iżda mhux biżżejjed li wieħed sempliċement jirrikonoxxi li Alla jeżisti u li għandu ċerti liġijiet. Id-dixxiplu Ġakbu jinkuraġġina biex naħsbu dwar dan. (Aqra Ġakbu 3:13.) Innota l-espressjoni: “Ħa juri bil-kondotta tajba tiegħu l-għemejjel tiegħu.” L-għerf veru għandu jidher f’dak li tgħid u tagħmel kuljum.
4 L-għerf veru jirrikjedi li naġixxu b’moħħ f’loku u napplikaw b’suċċess l-għarfien u l-abbiltà li nifhmu. Liema għemejjel juru li għandna dan it-tip t’għerf? Ġakbu jsemmi għadd t’affarijiet li jkunu evidenti fl-għemejjel taʼ dawk li huma għorrief.a X’qal li jistaʼ jgħinna biex ikollna relazzjonijiet tajbin maʼ sħabna fit-twemmin, kif ukoll maʼ nies li m’humiex parti mill-kongregazzjoni?
L-Għemejjel Jidentifikaw lil Min Hu Verament Għaref
5. Wieħed li hu verament għaref kif iġib ruħu?
5 Bix-xieraq nirripetu li Ġakbu rabat l-għerf mal-kondotta tajba. Peress li l-biżaʼ taʼ Ġeħova hu l-bidu taʼ l-għerf, bniedem għaref jistinka biex iġib ruħu fi qbil mat-triqat u l-liġijiet t’Alla. L-għerf divin m’huwiex xi ħaġa li nirtuha. Iżda nistgħu niksbuh bl-istudju regulari tal-Bibbja u l-meditazzjoni dwarha. Dawn jgħinuna nagħmlu dak li jħeġġiġna Efesin 5:1: “Imitaw lil Alla.” Iktar ma nġibu ruħna fi qbil mal-personalità taʼ Ġeħova, iktar se nuru għerf fl-għemejjel tagħna. It-triqat taʼ Ġeħova huma ferm iktar superjuri minn dawk tal-bnedmin. (Is. 55:8, 9) Għalhekk, meta nimitaw lil Ġeħova fil-mod kif jaġixxi, nies li m’humiex parti mill-kongregazzjoni se jaraw li aħna differenti.
6. Meta nuru l-ħlewwa kif inkunu qed nuru li qed nimitaw lil Alla, u x’tinvolvi din il-kwalità?
6 Ġakbu juri li mod wieħed kif inkunu bħal Ġeħova hu billi jkollna l-“ħlewwa li ġejja mill-għerf.” Għalkemm il-ħlewwa titlob li tkun ġentili, fl-istess ħin Kristjan jistaʼ jkollu karattru sod li jgħinu jaġixxi b’mod bilanċjat. Għalkemm għandu qawwa bla limitu, Alla mimli ħlewwa u aħna ma nibżgħux nersqu qrib lejh. L-Iben t’Alla, bħal Missieru, tant wera ħlewwa li setaʼ jgħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.”—Mt. 11:28, 29; Flp. 2:5-8.
7. Għala nistgħu nqisu lil Mosè bħala eżempju tajjeb t’umiltà?
7 Il-Bibbja ssemmi nies oħrajn li kienu juru ħafna ħlewwa, jew umiltà. Mosè kien wieħed minn dawn. Hu kellu ħafna responsabbiltà, u madankollu hu deskritt bħala “l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.” (Num. 11:29; 12:3) U ftakar fil-kuraġġ li Ġeħova ta lil Mosè biex iwettaq ir-rieda Tiegħu. Ġeħova għoġbu juża individwi umli u ġwejdin biex iwettaq l-iskop tiegħu.
8. Nies imperfetti kif jistgħu juru l-“ħlewwa li ġejja mill-għerf”?
8 Jidher ċar li bnedmin imperfetti jistgħu juru l-“ħlewwa li ġejja mill-għerf.” Xi ngħidu għalina? Kif nistgħu nitjiebu f’li nuru din il-kwalità? Il-ħlewwa hi parti mill-frott taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Gal. 5:22, 23) Nistgħu nitolbu għall-ispirtu tiegħu u nagħmlu sforz qawwi biex nipproduċu l-frott tiegħu, waqt li nafdaw f’Alla biex jgħinna nitjiebu f’li nuru l-ħlewwa. Aħna nsibu ħafna inkuraġġiment biex nagħmlu dan fil-kliem rassiguranti tas-salmista: “Lill-ġwejdin [Alla] jgħallimhom it-triqat tiegħu.”—Salm 25:9, Karm Żammit.
9, 10. Liema sforz hu meħtieġ biex nuru l-ħlewwa li togħġob lil Alla u għala?
9 Minkejja dan, biex nitjiebu f’dan l-aspett għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu sforz qawwi. Minħabba l-ambjent li nkunu ġejjin minnu, xi wħud minna forsi m’għandhomx it-tendenza li juru l-ħlewwa. Iktar minn hekk, in-nies taʼ madwarna jistgħu jinkuraġġuna biex ikollna ħarsa opposta, billi jgħidulna li trid tkun aggressiv maʼ nies aggressivi. Iżda huwa dan verament għaqli? Jekk ikun hemm nar f’darek, kif tipprova titfih? Biż-żejt jew bl-ilma kiesaħ? Jekk in-nar titfagħlu ż-żejt, ir-riżultat se jkun agħar, iżda jekk titfagħlu l-ilma x’aktarx li jirnexxilek titfih. Bl-istess mod, il-Bibbja tagħtina dan il-parir: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-korla, kelma iebsa tqajjem l-għadab.” (Prov. 15:1, 18) Meta jerġgħu jinqalgħu xi problemi, kemm fil-kongregazzjoni u kemm man-nies taʼ barra, nistgħu aħna nuru li għandna l-għerf veru billi nirreaġixxu bil-ħlewwa?—2 Tim. 2:24.
10 Kif semmejna qabel, ħafna li huma influwenzati mill-ispirtu tad-dinja ma jurux ġentilezza u ma jagħmlux l-affarijiet bil-paċi u l-kalma. Għall-kuntrarju, hawn ħafna nies ħorox u arroganti. Ġakbu kien konxju taʼ dan u ta twissijiet sabiex individwi fil-kongregazzjoni jevitaw li jitniġġsu bi spirtu bħal dan. X’nistgħu nitgħallmu iktar mill-pariri li tana?
Karatteristiki taʼ Nies li M’Humiex Għorrief
11. Liema karatteristiki huma l-oppost taʼ l-għerf divin?
11 Ġakbu kiteb ċar u tond dwar il-karatteristiki li huma l-oppost taʼ l-għerf divin. (Aqra Ġakbu 3:14.) L-għira u spirtu ġellied m’humiex karatteristiki spiritwali imma tal-laħam. Innota x’jiġri meta jiddominaw il-ħsibijiet tal-laħam. Sitt gruppi li jgħidu li huma Kristjani għandhom taħt idejhom partijiet mill-Knisja tas-Sepulkru Mqaddes li tinsab Ġerusalemm u li, skond ma jaħsbu, inbniet fejn inqatel u ndifen Ġesù. Ir-relazzjoni taʼ bejniethom m’hijiex tajba għax huma jiġġieldu kontinwament. Fl-2006, ir-rivista Time semmiet sitwazzjoni li kienet ġrat qabel, meta l-patrijiet t’hemmhekk “iġġieldu għal sigħat sħaħ, . . . u bdew jagħtu lil xulxin b’gandlieri enormi.” Huma tant ma jafdawx lil xulxin li ċ-ċavetta tal-knisja qed iżommha wieħed Musulman.
12. X’jistaʼ jiġri fejn ma jkunx hemm l-għerf?
12 Każijiet estremi taʼ ġlied taʼ din ix-xorta żgur li m’għandhomx jiġru fil-kongregazzjoni Kristjana vera. Minkejja dan, l-imperfezzjonijiet xi drabi ġiegħlu lil xi wħud ikunu rashom iebsa fejn jidħlu l-opinjonijiet tagħhom. Dan jistaʼ jwassal għal xi argumenti u ġlied. L-appostlu Pawlu nnota dan fil-kongregazzjoni taʼ Korintu, u għalhekk kiteb: “Ladarba hemm l-għira u l-ġlied fostkom, m’intomx turu li intom tal-laħam u mexjin bħalma jimxu l-bnedmin?” (1 Kor. 3:3) Din is-sitwazzjoni tal-biki damet għaddejja għal xi żmien f’din il-kongregazzjoni fl-ewwel seklu. Għalhekk, irridu noqogħdu attenti li spirtu bħal dan ma jidħolx f’xi kongregazzjoni llum.
13, 14. Agħti eżempji taʼ kif jistaʼ jintwera spirtu tal-laħam.
13 Kif jistaʼ jidħol baxx baxx spirtu tal-laħam bħal dan? Jistaʼ jibda b’affarijiet żgħar. Per eżempju, meta tkun qed tinbena xi Sala tas-Saltna, jistgħu jqumu differenzi t’opinjoni rigward kif għandhom isiru l-affarijiet. Forsi wieħed mill-aħwa jibda jargumenta jekk is-suġġeriment tiegħu ma jiġix aċċettat, u jibda jitkellem m’oħrajn u jikkritika d-deċiżjonijiet li jittieħdu. Forsi saħansitra ma jkunx irid jibqaʼ jaħdem fuq il-proġett! Wieħed li jaġixxi b’dan il-mod ikun qed jinsa li biex jitwettaq ix-xogħol li jinvolvi l-kongregazzjoni, normalment l-iktar importanti hu li jkun hemm spirtu taʼ paċi u mhux il-metodu speċifiku li jintuża. Ġeħova jbierek spirtu taʼ ħlewwa, mhux spirtu ġelliedi.—1 Tim. 6:4, 5.
14 Eżempju ieħor jistaʼ jkun jekk l-anzjani f’xi kongregazzjoni josservaw li xi anzjan, għalkemm ilu jaqdi għal xi żmien, issa jidher ċar li m’għadux jilħaq il-kwalifiki Skritturali. Wara li jkun ċert li l-ħu ngħata pariri speċifiċi fil-passat imma naqas li jirranġa, l-indokratur tas-circuit li jkun qed iżur il-kongregazzjoni japprova u jingħaqad fir-rakkomandazzjoni li dan il-ħu jitneħħa minn anzjan. Kif se jħares lejn din id-deċiżjoni? Se jaċċetta hu d-deċiżjoni unanima taʼ l-anzjani u l-pariri Skritturali bi spirtu t’umiltà u ħlewwa u jkun determinat li jilħaq il-kwalifiki Skritturali sabiex ikun jistaʼ jerġaʼ jaqdi bħala anzjan? Jew se jgħir u jibqaʼ jżomm f’qalbu minħabba li m’għadx għandu l-privileġġ li kellu qabel? Għala għandu jaġixxi bħallikieku jikkwalifika bħala anzjan meta fir-realtà ma jikkwalifikax? Kemm ikun iktar għaqli jekk juri l-umiltà u jipprova jifhem!
15. Għala tħoss li l-pariri ispirati taʼ Ġakbu 3:15, 16 huma daqstant importanti?
15 M’għandniex xi ngħidu, hemm modi oħrajn kif tistaʼ tintwera attitudni simili. Iżda tkun xi tkun is-sitwazzjoni li tqum, aħna rridu nistinkaw biex nevitaw karatteristiki bħal dawn. (Aqra Ġakbu 3:15, 16.) Dawn l-attitudnijiet, id-dixxiplu Ġakbu sejħilhom “taʼ l-art” għaliex huma tal-laħam, neqsin minn kull spiritwalità. Huma “taʼ l-annimali” għaliex jiġu minn inklinazzjonijiet tal-laħam, l-istess bħall-karatteristiki taʼ ħlejjaq bla raġuni. Dawn l-attitudnijiet huma “tad-demonji,” għax jirriflettu l-karattru taʼ l-għedewwa spirti t’Alla. Kemm ma jkunx xieraq li Kristjan ikollu minn dawn il-karatteristiki!
16. Liema bidliet forsi jkollna bżonn nagħmlu, u kif nistgħu nirnexxu f’dan?
16 Kull membru tal-kongregazzjoni jagħmel tajjeb li jeżamina lilu nnifsu u jaħdem biex ineħħi dawn il-karatteristiki. Bħala għalliema fil-kongregazzjoni, l-indokraturi jridu jistinkaw biex ineħħu minn ġo fihom l-attitudnijiet tal-laħam u tad-demonji. Mhux faċli li nirnexxu f’dan minħabba l-imperfezzjoni tagħna u din id-dinja li tinfluwenzana. Dan nistgħu nxebbhuh maʼ wieħed li jipprova jitlaʼ m’għolja tiżloq bit-tajn. Jekk ma jkollux maʼ xiex iżomm, jistaʼ jiżżerżaq lura. Iżda, aħna nistgħu nimxu ’l quddiem jekk inżommu qabda soda mal-pariri li nsibu fil-Bibbja, kif ukoll bl-għajnuna li toffrilna l-kongregazzjoni t’Alla li tinsab maʼ l-art kollha.—Salm 73:23, 24.
Kwalitajiet li Jipprovaw Juru l-Għorrief
17. Normalment, l-għorrief kif jirreaġixxu meta jiġi l-ħażen quddiemhom?
17 Aqra Ġakbu 3:17. Aħna nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw xi ftit mill-kwalitajiet li jipproduċi fina “l-għerf li ġej minn fuq.” Li nkunu safjin jinvolvi li nkunu puri u bla tinġis fl-azzjonijiet u l-motivi tagħna. Irridu nwarrbu affarijiet ħżiena bla telf taʼ żmien. Dan għandna nagħmluh awtomatikament. Forsi ġieli t-tabib tiegħek tak daqqa żgħira bil-martell tiegħu fuq l-għerq taʼ sieqek, preċiż taħt il-galletta. Spontanjament sieqek taqbeż u tiddritta. Hija reazzjoni awtomatika; ma tridx toqgħod taħseb biex tagħmilha. Għandu jkun l-istess meta niġu ttantati biex nagħmlu l-ħażen. Is-safa u l-kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-Bibbja għandhom iqanqluna biex spontanjament inwarrbu minn dak li hu ħażin. (Rum. 12:9) Il-Bibbja tipprovdilna eżempji taʼ wħud li rreaġixxew b’dan il-mod, bħal Ġużeppi u Ġesù.—Ġen. 39:7-9; Mt. 4:8-10.
18. Xi jfisser (a) li tkun paċifiku? (b) li tkun wieħed li jġib il-paċi?
18 L-għerf divin jirrikjedi li aħna nkunu wkoll paċifiċi. Dan jinvolvi li ma nkunux aggressivi, ma nurux spirtu ġelliedi, u ma naġixxux b’tali mod li niksru l-paċi. Ġakbu jagħti iktar dettalji dwar dan il-punt meta jgħid: “Il-frott tal-ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-paċi.” (Ġak. 3:18) Innota l-espressjoni “jġibu l-paċi.” Fil-kongregazzjoni kif aħna magħrufin, bħala wħud li jġibu l-paċi jew bħala wħud li jiksru l-paċi? Ikollna aħna spiss differenzi jew nuqqas taʼ qbil m’oħrajn, billi nieħdu għalina malajr jew inweġġgħu lil oħrajn? Ninsistu aħna biex oħrajn jaċċettawna kif aħna, jew nistinkaw bl-umiltà biex inneħħu karatteristiki fil-personalità tagħna li ġustament idejqu lil oħrajn? Magħrufin aħna bħala wħud li noħorġu barra minn triqitna biex dejjem inżommu l-paċi m’oħrajn, billi nkunu lesti li naħfru u ninsew l-iżbalji t’oħrajn? Eżami onest tagħna nfusna jistaʼ jgħinna biex naraw jekk għandniex bżonn nitjiebu f’li nuru l-għerf divin f’dan ir-rigward.
19. Wieħed kif isir magħruf bħala li hu raġunevoli?
19 Fid-deskrizzjoni taʼ x’jirrifletti “l-għerf li ġej minn fuq,” Ġakbu inkluda li wieħed ikun raġunevoli. Magħrufin aħna bħala wħud li lesti li nċedu meta ma jkun involut ebda prinċipju Skritturali, u li ma ninsistux biex dejjem tgħaddi tagħna? Għandna r-reputazzjoni li aħna ġentili u li oħrajn iħossuhom komdi jitkellmu magħna? Dawn huma affarijiet li juru li aħna tgħallimna nkunu raġunevoli.
20. X’se jkun ir-riżultat jekk nuru l-kwalitajiet divini li għadna kif iddiskutejna?
20 X’kundizzjonijiet pjaċevoli jistgħu jeżistu f’kongregazzjoni hekk kif l-aħwa kollha jirsistu dejjem iżjed biex juru l-kwalitajiet divini li kiteb dwarhom Ġakbu! (Salm 133:1-3) Żgur li se jkollna relazzjonijiet aħjar jekk nuru l-ħlewwa u nkunu paċifiċi u raġunevoli bejnietna. Barra minn hekk, ikun evidenti li aħna għandna “l-għerf li ġej minn fuq.” Issa se naraw kif niġu megħjunin nuru dawn il-kwalitajiet jekk nitgħallmu nħarsu lejn l-oħrajn kif iħares lejhom Ġeħova.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kuntest jindika li Ġakbu l-ewwel kellu f’moħħu lill-anzjani, jew l-“għalliema,” tal-kongregazzjoni. (Ġak. 3:1) Dawn l-irġiel għandhom ċertament ikunu t’eżempju f’li juru l-għerf divin. Madankollu, ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu mill-pariri tiegħu.
Tistaʼ Tispjega?
• X’inhu li jagħmel lill-Kristjan verament għaref?
• Kif nistgħu nitjiebu f’li nuru l-għerf divin?
• Liema karatteristiki nistgħu naraw f’dawk li ma jurux “l-għerf li ġej minn fuq”?
• Liema kwalitajiet determinat int li tikkultiva dejjem iktar?
[Stampa f’paġna 23]
Il-ġlied kif jistaʼ jidħol baxx baxx illum?
[Stampa f’paġna 24]
Tirreaġixxi int b’mod spontanju biex taħrab mill-ħażen?