Determinati li Nagħtu Xiehda bir-Reqqa
“Ordnalna nippridkaw lin-nies u nagħtu xiehda bir-reqqa.”—ATTI 10:42.
1. Pietru lejn liema inkarigu ġibed l-attenzjoni meta tkellem quddiem Kornelju?
IL-FIZZJAL Taljan taʼ l-armata ġabar lil qrabatu u lil ħbiebu għal dik li saret bidla sinifikanti fil-mod kif Alla jittratta mal-bnedmin. Dan ir-raġel li kellu l-biżaʼ t’Alla kien Kornelju. L-appostlu Pietru qal lil dak il-grupp taʼ nies illi l-appostli ġew ordnati biex ‘jippridkaw lin-nies u jagħtu xiehda bir-reqqa’ dwar Ġesù. Ix-xiehda li ta Pietru ħalliet ħafna riżultati sbieħ. Nies mill-Ġentili li ma kinux ċirkonċiżi rċivew l-ispirtu t’Alla, tgħammdu, u kellhom il-prospett li jsiru slaten fis-sema maʼ Ġesù. X’riżultat sabiħ ħareġ mix-xiehda bir-reqqa taʼ Pietru!—Atti 10:22, 34-48.
2. Kif nafu li l-kmand biex tingħata xiehda ma kienx limitat biss għat-12-il appostlu?
2 Dan ġara fis-sena 36 E.K. Madwar sentejn qabel, opponent akkanit tal-Kristjanità għadda minn esperjenza li biddlitlu ħajtu. Sawl taʼ Tarsu kien fi triqtu lejn Damasku meta deherlu Ġesù u qallu: “Idħol il-belt, u jintqallek xi trid tagħmel.” Ġesù aċċerta lid-dixxiplu Ananija li Sawl kellu jagħti xiehda lill-“ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Israel.” (Aqra Atti 9:3-6, 13-20.) Meta kien maʼ Sawl, Ananija qal: “L-Alla taʼ missirijietna għażlek . . . għax int se tkun xhud tiegħu għall-bnedmin kollha.” (Atti 22:12-16) Sawl, li iktar tard kien magħruf bħala Pawlu, kemm ħadu bis-serjetà l-inkarigu biex jagħti xiehda?
Hu Żgur li Ta Xiehda bir-Reqqa!
3. (a) Fuq liema rakkont partikulari se niffokaw? (b) L-anzjani t’Efesu kif wieġbu għall-messaġġ taʼ Pawlu, u b’hekk liema eżempju tajjeb taw?
3 Ikun interessanti li tistudja sa l-inqas dettall kulma għamel Pawlu minn dakinhar ’il quddiem, imma għalissa ejja niffokaw fuq taħdita li ta Pawlu għal ħabta tas-sena 56 E.K., bħalma nsibu f’Atti kapitlu 20. Pawlu ta din it-taħdita lejn it-tmiem tat-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu. Hu kien żbarka f’Miletu, port fil-Baħar Eġew, u kien bagħat għall-anzjani tal-kongregazzjoni t’Efesu. Efesu kienet madwar 50 kilometru ’l bogħod, għalkemm il-vjaġġ kien itwal minħabba li t-toroq kienu mserrpin. Tistaʼ timmaġina kemm kienu eċċitati l-anzjani t’Efesu meta rċivew il-messaġġ taʼ Pawlu. (Qabbel Proverbji 10:28.) Xorta waħda, huma kellhom jagħmlu xi arranġamenti biex jivvjaġġaw sa Miletu. Kellhom xi wħud minnhom jieħdu l-leave jew jagħlqu l-ħwienet tagħhom? Ħafna Kristjani llum jagħmlu dan sabiex ikunu ċerti li ma jitilfu lanqas sessjoni waħda mill-konvenzjoni distrettwali tagħhom taʼ kull sena.
4. Pawlu x’għamel fil-ftit snin li dam Efesu?
4 X’taħseb li għamel Pawlu f’Miletu matul it-tlett jew erbat ijiem sakemm waslu l-anzjani? Kieku int x’kont tagħmel? (Qabbel Atti 17:16, 17.) Il-kliem taʼ Pawlu lill-anzjani t’Efesu jipprovdilna t-tweġiba. Hu ddeskriva dak li kien imdorri jagħmel matul is-snin, inkluż iż-żmien taʼ meta kien f’Efesu xi żmien qabel. (Aqra Atti 20:18-21.) Billi kien jaf li ħadd ma setaʼ jmerih, hu qal: “Intom tafu tajjeb kif sa mill-ewwel jum li rfist fid-distrett taʼ l-Asja . . . jien tajt xiehda bir-reqqa.” Iva, hu kien determinat li jwettaq l-inkarigu li tah Ġesù. Dan kif wettqu f’Efesu? Mod wieħed kien billi ta xiehda lil-Lhud, billi kien imur fejn kien ikun hemm ħafna nies. Luqa jirrapporta li meta Pawlu kien Efesu madwar il-perijodu taʼ bejn is-sena 52 u s-sena 55 E.K., hu kien “jagħti taħditiet u jipprova jipperswadihom” fis-sinagoga. Meta l-Lhud “webbsu rashom u m’emmnux,” Pawlu dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn oħrajn, u mar joqgħod fil-belt imma xorta baqaʼ jippriedka. B’hekk, hu ta xiehda lil-Lhud u lill-Griegi f’din il-belt kbira.—Atti 19:1, 8, 9.
5, 6. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-ippridkar taʼ Pawlu minn dar għal dar kien jinvolvi lil dawk li ma kinux jemmnu?
5 Xi wħud li saru Kristjani maż-żmien ikkwalifikaw biex isiru anzjani, dawk li lilhom Pawlu kellem f’Miletu. Pawlu fakkarhom dwar il-metodu li kien uża: “Ma żammejtx lura milli ngħidilkom kulma kien taʼ benefiċċju u milli ngħallimkom pubblikament u minn dar għal dar.” Fi żmienna, xi wħud sostnew li Pawlu hawnhekk kien qed jirreferi sempliċement għaż-żjajjar pastorali li għamel lil dawk li saru jemmnu. Imma, mhux hekk kien. Id-deskrizzjoni ‘ngħallem pubblikament u minn dar għal dar’ kienet tapplika prinċipalment għall-evanġelizzar fost dawk li ma kinux jemmnu. Dan jidher ċar mill-kliem li qal wara. Pawlu qal li hu kien qed jagħti xiehda “kemm lil-Lhud kif ukoll lill-Griegi dwar l-indiema lejn Alla u l-fidi fil-Mulej tagħna Ġesù.” Jidher ċar li Pawlu kien qed jagħti xiehda lil dawk li kienu għadhom m’emmnux, u li kellhom bżonn jindmu u jpoġġu l-fidi f’Ġesù.—Atti 20:20, 21.
6 Wieħed studjuż li għamel analisi estensiva taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana qal hekk dwar Atti 20:20: “Pawlu kien qattaʼ tliet snin f’Efesu. Hu żar kull dar, jew minn taʼ l-inqas ippriedka lin-nies kollha (vers 26). Din hi l-bażi Skritturali għall-evanġeliżmu minn dar għal dar kif ukoll fil-laqgħat pubbliċi.” Ma nafux jekk Pawlu żarx kull dar, bħalma jsostni dan l-istudjuż, imma hu ma riedx li l-anzjani t’Efesu jinsew ix-xiehda li kien ta u liema riżultat ħalliet. Luqa rrapporta: “Dawk kollha li kienu joqogħdu fid-distrett taʼ l-Asja, Lhud u Griegi, semgħu l-kelma tal-Mulej.” (Atti 19:10) Imma kif jistaʼ jkun li dawk “kollha” fl-Asja semgħu, u dan x’jistaʼ jindika dwar ix-xiehda li nagħtu aħna?
7. L-ippridkar taʼ Pawlu kif x’aktarx li kellu effett fuq oħrajn li ma tahomx xiehda direttament?
7 Minħabba li Pawlu ppriedka f’postijiet pubbliċi u minn dar għal dar, ħafna nies semgħu l-messaġġ tiegħu. Taħseb li hu possibbli li kulmin semaʼ l-messaġġ baqaʼ f’Efesu, u li ħadd minnhom ma mar xi mkien ieħor fuq negozju, jew biex iżur lil qrabatu, jew biex jaħrab l-istorbju li ġġib magħha l-ħajja f’belt kbira? Dażgur li le. Ħafna llum marru joqogħdu xi mkien ieħor minħabba raġunijiet bħal dawn; forsi int stess għamilt dan. Barra minn hekk, dak iż-żmien, nies minn partijiet oħrajn kienu jżuru Efesu għal raġunijiet soċjali jew kummerċjali. Waqt li kienu hemmhekk, huma x’aktarx li ltaqgħu maʼ Pawlu jew semgħuh jagħti xiehda. X’kien jiġri meta kienu jerġgħu lura lejn darhom? Dawk li kienu jaċċettaw il-verità kienu jagħtu xiehda. Oħrajn forsi ma kinux isiru Kristjani, imma x’aktarx li kienu jitkellmu dwar dak li semgħu waqt li kienu Efesu. Għaldaqstant, il-qraba, il-ġirien, jew il-klijenti semgħu bil-verità, u xi wħud minnhom forsi aċċettawha. (Qabbel Marku 5:14.) Dan x’jindika dwar l-effett li jistaʼ jkollha x-xiehda bir-reqqa li tagħti int?
8. In-nies mad-distrett kollu taʼ l-Asja kif x’aktarx li semgħu bil-verità?
8 Dwar il-ministeru tiegħu taʼ qabel f’Efesu, Pawlu kiteb li ‘nfetaħlu bieb kbir għax-xogħol.’ (1 Kor. 16:8, 9) X’bieb kien dan, u kif infetaħlu? Il-ministeru li Pawlu kompla f’Efesu rriżulta fit-tixrid taʼ l-aħbar tajba. Ikkunsidra l-bliet taʼ Kolossi, Laodiċija, u Ġerapoli, tlett ibliet li kienu ’l bogħod mill-baħar iktar minn Efesu. Pawlu qatt ma mar hemmhekk, imma l-aħbar tajba laħqithom. Epafra kien minn dawk l-inħawi. (Kol. 2:1; 4:12, 13) Sar Epafra Kristjan għax kien semaʼ lil Pawlu jagħti xiehda f’Efesu? Il-Bibbja ma tgħidx hekk speċifikament. Imma meta xandar il-verità fl-inħawi fejn kien joqgħod, Epafra setaʼ kien qed jagħmel dan bħala rappreżentant taʼ Pawlu. (Kol. 1:7) Il-messaġġ Kristjan setaʼ wkoll wasal sa bliet bħal Filadelfja, Sardi, u Tjatira matul is-snin li Pawlu kien qed jagħti xiehda f’Efesu.
9. (a) Pawlu liema xewqa kbira kellu f’qalbu? (b) X’se tkun l-iskrittura għas-sena 2009?
9 Għaldaqstant, l-anzjani t’Efesu kellhom ħafna raġunijiet biex jaċċettaw il-kumment taʼ Pawlu: “Ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija, dment li ntemm il-korsa tiegħi u l-ministeru li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù biex nagħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” F’dan il-vers insibu l-iskrittura għas-sena 2009 li hi pożittiva u li tqanqlek: ‘Agħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba.’—Atti 20:24.
Nagħtu Xiehda bir-Reqqa Llum
10. Kif nafu li għandna nagħtu xiehda bir-reqqa?
10 L-ordni biex “nippridkaw lin-nies u nagħtu xiehda bir-reqqa” bdiet tinkludi lil oħrajn minbarra l-appostli. Meta Ġesù rxoxtat kellem lid-dixxipli li kienu miġburin fil-Galilija, li x’aktarx kienu 500, hu tahom dan il-kmand: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis, u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” Dan il-kmand japplika għall-Kristjani veri kollha llum, bħalma jindika kliem Ġesù: “Ara, jien magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema.”—Mt. 28:19, 20.
11. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma magħrufin li jagħmlu liema xogħol importanti?
11 Kristjani żelużi jkomplu jobdu dan il-kmand, billi jagħmlu ħilithom ‘biex jagħtu xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba.’ Metodu prinċipali kif jagħmlu dan hu permezz taʼ dak li Pawlu tkellem dwaru maʼ l-anzjani Efesin—l-ippridkar minn dar għal dar. Fi ktieb li ħareġ fl-2007 dwar ix-xogħol missjunarju effettiv, David G. Stewart, Jr., qal: ‘Il-metodu prattiku li jużaw ix-Xhieda taʼ Ġeħova biex jgħallmu lil individwi kif jaqsmu t-twemmin tagħhom m’oħrajn kien bil-wisq iktar effettiv mis-sempliċi tħambiq minn fuq il-pulptu. Ħafna mix-Xhieda taʼ Ġeħova hija l-għaxqa tagħhom li jaqsmu t-twemmin tagħhom m’oħrajn.’ B’liema riżultat? ‘Fl-1999, skond stħarriġ li sar f’żewġt ibliet kapitali taʼ l-Ewropa tal-Lvant, minn 2 sa 4 fil-mija biss min-nies ġew avviċinati mill-missjunarji tal-Latter-day Saints jew tal-“Mormoni.” Iktar minn 70 fil-mija qalu li ġew avviċinati personalment mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u taʼ spiss ħafna drabi.’
12. (a) Għala mmorru “ħafna drabi” nħabbtu l-bibien fit-territorju tagħna? (b) Għandek xi esperjenza x’tirrakkonta dwar xi ħadd li biddel l-attitudni tiegħu lejn il-messaġġ tagħna?
12 L-istess jistaʼ jingħad dwar in-nies fl-inħawi fejn toqgħod int. X’aktarx li int stess kellek sehem f’dan ix-xogħol. Hekk kif “personalment avviċinajt” lin-nies fil-ministeru tiegħek minn dar għal dar, int tkellimt maʼ rġiel, nisa, u żgħażagħ fi djarhom. Xi wħud forsi ma semgħux avolja ġew avviċinati “ħafna drabi.” Oħrajn forsi semgħu xi ftit hekk kif qsamt magħhom xi vers Bibliku jew ħsieb Skritturali. Madankollu, lil oħrajn int stajt tagħtihom xiehda mill-aħjar, u dawn aċċettaw il-messaġġ. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha huma possibbli hekk kif ‘nagħtu xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba.’ Bħalma x’aktarx taf, hemm viżibilju t’eżempji taʼ dawk li wrew ftit li xejn interess meta ġew avviċinati “ħafna drabi,” imma mbagħad kien hemm bidla. Forsi tkun ġrat xi ħaġa lilhom, jew lil xi ħadd mill-maħbubin tagħhom, li fetħitilhom moħħhom u qalbhom għall-verità. Issa huma ħutna. Għaldaqstant, taqtax qalbek, avolja dan l-aħħar ma sibtx ħafna li aċċettaw il-messaġġ. Aħna ma nistennewx li kulħadd se jiġi fil-verità. Imma dak li Alla jistenna minna hu li biż-żelu u b’mod diliġenti nkomplu nagħtu xiehda bir-reqqa.
Riżultati li Forsi Ma Nkunux Nafu Bihom
13. Il-fatt li nagħtu xiehda kif jistaʼ jkollu riżultati li forsi ma nafux bihom?
13 L-effett tal-ministeru taʼ Pawlu ma kienx limitat biss għal dawk li hu għen direttament biex isiru Kristjani; lanqas m’hu l-effett tal-ministeru tagħna limitat biss għan-nies li nippridkawlhom direttament. Aħna nagħmluha l-mira tagħna li jkollna sehem regulari fil-ministeru minn dar għal dar, billi nagħtu xiehda lil kemm jistaʼ jkun nies. Aħna ngħidu l-aħbar tajba lill-ġirien, lil dawk li jaħdmu magħna, lil sħabna taʼ l-iskola, u lil qrabatna. Nafuhom kollha r-riżultati tax-xiehda li tingħata? Maʼ ċerti wħud, ir-riżultati tajbin għandhom mnejn ikunu immedjati. F’każi oħrajn, iż-żrieragħ tal-verità għandhom mnejn jibqgħu bla effett għal xi żmien, imma mbagħad jagħmlu l-għeruq fil-ħamrija taʼ qalb xi ħadd u jikbru. Imma anki jekk dan ma jseħħx, in-nies li nkunu kellimna jistgħu jitkellmu m’oħrajn dwar dak li nkunu għednielhom, dwar dak li nemmnu, u dwar kif naġixxu. Iva, jistaʼ jkun li bla ma jridu, dawn iġiegħlu lil dawk iż-żrieragħ isibu ħamrija tajba xi mkien ieħor.
14, 15. Ix-xiehda li ta wieħed ħu x’riżultati kellha?
14 Bħala eżempju wieħed, ikkunsidra lil Ryan u lil martu, Mandi, li jgħixu Florida, l-Istati Uniti. Fuq il-post tax-xogħol tiegħu, Ryan ta xiehda informali lil wieħed li jaħdem miegħu. Dan ir-raġel, li trabba bħala Indu, kien impressjonat bil-mod kif Ryan kien jilbes u jitkellem. Fil-konversazzjonijiet tagħhom, Ryan qajjem suġġetti bħalma huma l-irxoxt u l-kundizzjoni tal-mejtin. Lejla waħda f’Jannar, dan ir-raġel staqsa lil martu, Jodi, x’kienet taf dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi kienet Kattolika, u qaltlu li l-unika ħaġa li tiġiha f’moħħha meta tismaʼ bihom kienet l-“ippridkar minn dar għal dar.” Għalhekk, Jodi bdiet tfittex fuq l-Internet taħt “Xhieda taʼ Ġeħova,” u dan taha l-Web site tagħna www.watchtower.org. Għal xhur sħaħ Jodi qrat materjal fuq dan is-sit, inkluż il-Bibbja u artikli taʼ interess.
15 Għadda ż-żmien u Jodi ltaqgħet maʼ Mandi, peress li t-tnejn li huma kienu infermieri. Mandi ħadet gost twieġeb il-mistoqsijiet taʼ Jodi. Wara xi żmien, kellhom diskussjoni li Jodi sejħitilha “minn Adam s’Armageddon.” Jodi aċċettat l-offerta taʼ studju tal-Bibbja fid-dar. Ma damitx ma bdiet tmur is-Sala tas-Saltna. F’Ottubru, Jodi saret pubblikatriċi mhix mgħammda, u fi Frar tgħammdet. Hi tikteb: “Issa li naf il-verità, għandi ħajja ferħana ħafna u nħossni sodisfatta.”
16. L-esperjenza tal-ħu fi Florida x’tindika dwar l-isforzi tagħna biex nagħtu xiehda bir-reqqa?
16 Ryan ma kellu ebda idea li x-xiehda li ta lil wieħed raġel kienet se tirriżulta biex xi ħadd ieħor jaċċetta l-verità. Veru, fil-każ tiegħu, hu sar jaf bl-effett li kellha d-determinazzjoni tiegħu biex ‘jagħti xiehda bir-reqqa.’ Iżda, forsi int tagħti xiehda f’bieb, fuq ix-xogħol, fl-iskola, jew b’mod informali, u bla ma tkun taf, din tkun il-mezz li bih oħrajn jisimgħu bil-verità. Saħansitra bħalma Pawlu ma kienx jaf il-frott kollu li ħareġ mix-xiehda tiegħu “fid-distrett taʼ l-Asja,” int għandu mnejn ma ssirx taf ir-riżultati tajbin kollha tax-xiehda bir-reqqa li tkun tajt. (Aqra Atti 23:11; 28:23.) Imma kemm hu vitali li tibqaʼ tagħmel dan!
17. X’int determinat li tagħmel matul l-2009?
17 Matul l-2009, jalla lkoll kemm aħna nieħdu bis-serjetà l-inkarigu tagħna biex nagħtu xiehda minn dar għal dar u b’modi oħrajn. B’hekk, aħna se nkunu f’qagħda li nesprimu l-istess sentimenti li kellu Pawlu: “Ma nqisx lil ruħi bħala xi ħaġa għażiża għalija, dment li ntemm il-korsa tiegħi u l-ministeru li rċivejt mingħand il-Mulej Ġesù biex nagħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.”
Int Kif Twieġeb?
• L-appostli Pietru u Pawlu u oħrajn fl-ewwel seklu kif taw xiehda bir-reqqa?
• L-effett tax-xiehda li nagħtu għala jistaʼ jkun bil-wisq akbar milli nkunu nafu aħna?
• X’inhi l-iskrittura għas-sena 2009, u għala tħoss li hi xierqa?
[Kumment f’paġna 19]
L-iskrittura għas-sena 2009 se tkun: ‘Agħti xiehda bir-reqqa dwar l-aħbar tajba.’—Atti 20:24.
[Stampa f’paġna 17]
L-anzjani Efesin kienu jafu bid-drawwa taʼ Pawlu li jagħti xiehda minn dar għal dar
[Stampa f’paġna 18]
Kemm se jkun kbir l-effett tax-xiehda bir-reqqa li tagħti int?