Suġġerimenti dwar Kif Nippreżentaw il-Fuljetti
Erbaʼ Passi Faċli: Ħafna aħwa ħallew dawn il-fuljetti man-nies billi użaw preżentazzjoni sempliċi. (1) Uri ftit fuljetti differenti lill-individwu u staqsih liema wieħed l-iktar li jinteressah. (2) Wara li jagħżel wieħed minnhom, staqsih mistoqsija li tkun ippreparajt sew biex tenfasizza xi punt prinċipali fil-fuljett. (3) Wieġeb il-mistoqsija billi taqra paragrafu jew skrittura adattata mill-fuljett. (4) Jekk l-individwu juri interess, kompli iddiskuti dak li hemm miktub fil-fuljett jew irreferi għal waħda mil-lezzjonijiet fil-browxer X’Jirrikjedi jew għal kapitlu fil-ktieb Għarfien li jkompli jiddiskuti l-istess punt. Dan jistaʼ jwassal biex jinbeda studju tal-Bibbja. Is-suġġerimenti li ġejjin se jgħinuk tipprepara x’għandek tgħid meta tuża xi wħud minn dawn il-fuljetti.
Tixtieq Tkun Taf Iżjed dwar il-Bibbja?
“Ħafna nies jixtiequ jkunu jafu iktar dwar il-Bibbja imma ma tantx għandhom ħin. Dan il-fuljett jispjega kif jistaʼ jinkiseb studju mingħajr ħlas li jistaʼ jgħinek issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħek dwar il-Bibbja.” Imbagħad urih paġni 4 u 5 taʼ dan il-fuljett.
Se Tibqaʼ Teżisti Din id-Dinja?
“Meta nitkellmu man-nies innotajna li ħafna minnhom huma inkwetati dwar . . . [agħżel xi ġrajja kurrenti mill-aħbarijiet]. Jidher li l-kundizzjonijiet tad-dinja sejrin mill-ħażin għall-agħar. Xi wħud jiddubitaw jekk din id-dinja tistax tibqaʼ teżisti. Int x’taħseb dwar dan? [Agħti ċans lill-inkwilin biex iwieġeb. Ħafna nies huma ottimisti.] Qrajt xi ħaġa inkuraġġanti li nixtieq naqsamha miegħek. [Agħti l-fuljett Se Tibqaʼ Teżisti Din id-Dinja? lill-inkwilin u żomm wieħed bħalu f’idek.] Innota kif Ġesù pprofetizza li . . . “ Aqra wieħed mill-paragrafi minn paġna 4 jew 5 li jaqbel mal-ġrajja taʼ l-aħbarijiet li tkun semmejt fl-introduzzjoni tiegħek.
Il-Ħajja f’Dinja Ġdida taʼ Paċi:
“Taħseb li hu possibbli li n-nies xi darba se jgħixu fil-paċi kif jidher hawn fl-istampa taʼ barra taʼ dan il-fuljett? [Agħti ċans lill-inkwilin biex iwieġeb.] Jekk jogħġbok ħares lejn l-aħħar sentenza fl-ewwel paragrafu f’paġna 2. Din tistaqsi: ‘Iżda hija din sempliċi ħolma, jew fantasija, li temmen li dawn il-kundizzjonijiet xi darba se jeżistu fuq l-art?’ [Imbagħad aqra l-paragrafu li jmiss fil-fuljett.] Din il-kwotazzjoni dwar smewwiet ġodda u art ġdida hi mill-Bibbja.”—Salm 104:5.
“Min Tassew Jaħkem lid-Dinja?”
Staqsi lill-inkwilin: “Min taħseb li tassew qed jaħkem lid-dinja?” Jekk l-individwu jgħidlek: “Alla” jew “Ma nafx,” aqralu l-ewwel żewġ sentenzi f’paġna 2 u l-ewwel paragrafu f’paġna 3. Enfasizza l-1 Ġwanni 5:19 u Rivelazzjoni 12:9. L-individwu jistaʼ jew jgħidlek li ma jemminx li Satana x-Xitan veru jeżisti jew inkella jistaʼ jaqbel li x-Xitan għandu influwenza kbira fuq id-dinja. Tkun xi tkun it-tweġiba tiegħu, int tistaʼ tkompli l-konversazzjoni billi tirreferi għall-irraġunar li jinsab taħt is-sottitlu “Ħjiel mill-Kundizzjonijiet tad-Dinja.”
X’Tama Hemm għall-Maħbubin Mejtin?
“Taħseb li għad nerġgħu narawhom lill-maħbubin tagħna li mietu?” Wara t-tweġiba taʼ l-individwu, urih it-tieni paragrafu f’paġna 4 tal-fuljett u aqra Ġwanni 5:28, 29. Imbagħad spjega li jkun t’għajnuna jekk hu jifhem aħjar l-informazzjoni li hemm taħt l-ewwel sottitlu fil-fuljett.
Gawdi l-Ħajja tal-Familja
“Int wisq probabbli taqbel li llum il-familja tinsab mhedda. X’taħseb li jistaʼ jsir biex jissaħħu r-rabtiet tal-familja?” Wara li jwieġeb, iġbed l-attenzjoni taʼ l-inkwilin lejn il-punti fl-aħħar paragrafu f’paġna 5. Agħżel waħda mill-iskritturi kwotati f’paġni 4 u 5 tal-fuljett u spjega xi tfisser.