LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w24 Marzu pp. 2-7
  • Lest Biex Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Lest Biex Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI JFISSER LI TIDDEDIKA ĦAJTEK LIL ĠEĦOVA?
  • GĦALA GĦANDEK TIDDEDIKA LILEK INNIFSEK LIL ĠEĦOVA?
  • INT LEST BIEX TIDDEDIKA LILEK INNIFSEK U TITGĦAMMED?
  • XI WĦUD GĦALA JŻOMMU LURA?
  • KOMPLI SIR ĦABIB TAʼ ĠEĦOVA
  • Ibqaʼ Miexi Wara Ġesù Wara li Titgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Għala Għandek Tiddedika Lilek Innifsek u Titgħammed?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
w24 Marzu pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 9

GĦANJA 75 ‘Hawn jien! Lest biex immur!’

Lest Biex Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?

“X’nistaʼ nagħti lil Ġeħova għal dak kollu li għamel miegħi?”—SALM 116:12.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Dan l-artiklu se jgħinek biex tant ikollok ħbiberija tajba maʼ Ġeħova li tkun trid tiddedika lilek innifsek lilu u titgħammed.

1-2. Persuna xi trid tagħmel qabel titgħammed?

FL-AĦĦAR ħames snin, iżjed minn miljun persuna tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. Ħafna minnhom tgħallmu l-verità ‘minn mindu kienu trabi,’ bħal Timotju. (2 Tim. 3:​14, 15) Oħrajn tgħallmu dwar Ġeħova meta kienu adulti jew kbar fl-età. Pereżempju, mara li studjat il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova tgħammdet meta kellha 97 sena!

2 Jekk qed tistudja l-Bibbja jew għandek il-ġenituri Xhieda taʼ Ġeħova, ġieli taħseb biex titgħammed? Jekk iva, din hi mira sabiħa ħafna! Imma qabel, trid tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova. Dan l-artiklu se jispjega xi tfisser id-dedikazzjoni. Se jgħinek ukoll tifhem għala m’għandekx tibżaʼ tiddedika lilek innifsek u titgħammed, jekk tkun lest.

XI JFISSER LI TIDDEDIKA ĦAJTEK LIL ĠEĦOVA?

3. Agħti eżempji taʼ nies li kienu ddedikati lil Ġeħova.

3 Fil-Bibbja, xi ħadd li kien iddedikat lil Ġeħova kien magħżul għal xi ħaġa speċjali. L-Iżraelin kienu nies iddedikati lil Ġeħova. Imma xi wħud minnhom kienu ddedikati lil Ġeħova b’mod speċjali. Pereżempju, Aron kellu strixxa tleqq tad-deheb fuq quddiem tat-turban. Din kienet “is-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni.” Din l-istrixxa kienet turi li Ġeħova għażlu biex jaqdih b’mod speċjali, bħala l-qassis il-kbir t’Iżrael. (Lev. 8:9) In-Nażiriti wkoll kienu ddedikati lil Ġeħova b’mod speċjali. Il-kelma “Nażirit” ġejja minn kelma bl-Ebrajk li tfisser “Xi Ħadd Magħżul,” jew “Dedikat għal Xogħol Speċjali.” Dawn kellhom jobdu regoli speċjali li kien hemm fil-Liġi taʼ Mosè.—Num. 6:​2-8.

4. (a) X’jiġri meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova? (b) Xi jfisser li ma tgħixx iktar għalik innifsek? (Ara l-istampa.)

4 Meta tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova, int tagħżel li ssir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu, u l-iżjed ħaġa importanti tkun li tagħmel dak li jrid Alla. Dan xi jfisser? Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu.” (Mt. 16:24) Bħala qaddej dedikat taʼ Ġeħova, mhux se tagħmel li trid inti imma dak li jogħġob lil Ġeħova. (2 Kor. 5:​14, 15) Dan ifisser li twarrab affarijiet ħżiena, bħall-immoralità sesswali. (Gal. 5:​19-21; 1 Kor. 6:18) Regoli bħal dawn se jġegħluk tħossok li ma tistaʼ tagħmel xejn? Jekk tħobb lil Ġeħova u ċert li l-liġijiet tiegħu huma għall-aħjar tiegħek, mhux se tħossok hekk. (Salm 119:97; Is. 48:​17, 18) Ħu jismu Nicholas jgħid, “Il-liġijiet taʼ Ġeħova tistaʼ tarahom b’żewġ modi, jew qisek qiegħed ġo ħabs, jew bħal ħadid li jipproteġik mill-iljuni.”

Ħu qiegħed jħares lejn l-iljuni ġo gaġġa.

Taħseb li l-liġijiet taʼ Ġeħova huma bħal ħabs jew bħal ħadid li jipproteġik mill-iljuni? (Ara paragrafu 4)


5. (a) Kif tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova? (b) X’inhi d-differenza bejn li tiddedika lilek innifsek u li titgħammed? (Ara lis-stampa.)

5 Kif tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova? Billi f’talba twiegħdu li se taqdi lilu biss u li l-iżjed ħaġa importanti għalik hi li tagħmel dak li jixtieq hu. B’hekk tkun qed twiegħed lil Ġeħova li se taqdih “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u b’saħħtek kollha.” (Mk. 12:30) Id-dedikazzjoni hi xi ħaġa bejnek u bejn Ġeħova. Imma bil-magħmudija tkun qed turi lill-oħrajn li ddedikajt ħajtek lil Ġeħova. Din hi wegħda importanti ħafna. Ġeħova jistenna li żżommha u int għandek tkun determinat li żżomm il-wegħda tiegħek.—Ekk. 5:​4, 5.

Irġiel u nisa jitolbu lil Ġeħova.

Meta tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova tkun qed twiegħdu li se taqdi lilu biss, u li l-iżjed ħaġa importanti tkun li tagħmel li jixtieq hu (Ara paragrafu 5)


GĦALA GĦANDEK TIDDEDIKA LILEK INNIFSEK LIL ĠEĦOVA?

6. Persuna għala tiddeċiedi li tiddedika lilha nfisha lil Ġeħova?

6 L-iżjed raġuni importanti għala tiddedika ħajtek lil Ġeħova hi għax tħobbu. Int sirt tħobb lil Ġeħova għax tgħallimt “għarfien eżatt” dwaru u dwar x’se jagħmel fil-futur. (Kol. 1:9) Dak li studjajt mill-Bibbja kkonvinċiek li (1) Ġeħova jeżisti, (2) il-Bibbja ġejja mingħandu, u (3) qed juża l-organizzazzjoni tiegħu biex jagħmel dak li jixtieq hu.

7. Xi rridu nagħmlu qabel niddedikaw ħajjitna lil Alla?

7 Dawk li jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova għandhom ikunu jafu t-tagħlim tal-Bibbja u jobduh. Huma jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jitkellmu m’oħrajn dwar dak li tgħallmu. (Mt. 28:​19, 20) Huma jsiru jħobbu iżjed lil Ġeħova u jkunu jixtiequ jaqdu lilu biss. Int tħossok hekk? Jekk iva, m’intix se tiddedika lilek innifsek u titgħammed biex tkun bħall-ħbieb jew biex togħġob lil min qed jagħmillek l-istudju jew lill-ġenituri.

8. L-apprezzament kif se jgħinek tiddeċiedi jekk tiddedikax ħajtek lil Ġeħova? (Salm 116:​12-14)

8 Meta taħseb dwar l-affarijiet kollha li Ġeħova għamel għalik se tapprezza u tkun trid tiddedika ħajtek lilu. (Aqra Salm 116:​12-14.) Il-Bibbja tgħid li Ġeħova jtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġak. 1:17) L-ikbar rigal li tana kien is-sagrifiċċju t’Ibnu Ġesù. Dan is-sagrifiċċju għamilha possibbli biex issir ħabib taʼ Ġeħova. Hu tak iċ-ċans li tgħix għal dejjem. (1 Ġw. 4:​9, 10, 19) Id-dedikazzjoni hi waħda mill-aħjar modi kif turi li tapprezza l-imħabba li wera Ġeħova miegħek u l-barkiet l-oħra li tak. (Dt. 16:17; 2 Kor. 5:15) Lezzjoni 46 punt 4, tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! turi modi taʼ kif nistgħu nuru l-apprezzament. Din fiha wkoll il-vidjow taʼ tliet minuti Ippreżenta l-għotjiet tiegħek lil Alla.

INT LEST BIEX TIDDEDIKA LILEK INNIFSEK U TITGĦAMMED?

9. Persuna għala m’għandhiex tħossha mġiegħla titgħammed?

9 Forsi tħoss li m’intix lest li tiddedika lilek innifsek u titgħammed. Forsi għad trid tagħmel iżjed bidliet biex tobdi lil Ġeħova, jew trid issaħħaħ iktar il-fidi tiegħek. (Kol. 2:​6, 7) L-istudenti ma jagħmlux l-istess progress, u ż-żgħażagħ mhux kollha jkunu lesti biex jiddedikaw ħajjithom u jitgħammdu tal-istess età. Ipprova ara x’bidliet għandek tagħmel u tqabbilx lilek innifsek m’oħrajn.—Gal. 6:​4, 5.

10. X’tistaʼ tagħmel jekk tħoss li m’intix lest biex tiddedika ħajtek u titgħammed? (Ara wkoll l-kaxxa “Dawk li Twieldu fil-Verità.”)

10 Jekk tara li m’intix lest biex tiddedika ħajtek lil Ġeħova, ibqaʼ aħdem sakemm tilħaq din il-mira. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tagħmel il-bidliet li hemm bżonn. (Flp. 2:13; 3:16) Tistaʼ tkun ċert li se jismaʼ t-talb tiegħek u jgħinek.—1 Ġw. 5:14.

Dawk li Twieldu fil-Verità

It-tliet artikli bl-isem “Young People Ask . . . Should I Get Baptized?” fuq jw.org jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ li twieldu fil-verità.

F’​It-Torri tal-Għassa taʼ Marzu 2016 se ssib żewġ artikli oħra li se jgħinuk. Dawn huma “Żgħażagħ u wħud iżgħar—Lesti biex titgħammdu?” u “Żgħażagħ u wħud iżgħar—Kif tistgħu tippreparaw għall-magħmudija?”

Ikun tajjeb jekk tieħu l-ħin biex tistudja u taħseb sew dwar dawn l-artikli.

XI WĦUD GĦALA JŻOMMU LURA?

11. Ġeħova kif jgħinna nibqgħu leali lejh?

11 Xi wħud li jkunu lesti biex jiddedikaw ħajjithom u jitgħammdu jibżgħu jagħmlu hekk. Huma jibżgħu li wara li jitgħammdu, jagħmlu dnub serju u jiġu maqtugħin mis-sħubija. Jekk tħossok hekk, kun ċert li Ġeħova se jtik kulma għandek bżonn biex ‘timxi kif jixraq lilu bl-iskop li togħġbu għalkollox.’ (Kol. 1:10) Hu se jgħinek ukoll biex tagħmel dak li hu tajjeb. Hu diġà għen lil ħafna oħrajn jagħmlu dak li hu tajjeb. (1 Kor. 10:13) Din hi waħda mir-raġunijiet għala vera ftit nies jiġu maqtugħin mis-sħubija. Ġeħova jgħin lin-nies tiegħu biex jibqgħu leali.

12. X’tistaʼ tagħmel biex ma tagħmilx dnub serju?

12 Kulħadd tiġih it-tentazzjoni biex jagħmel xi ħaġa ħażina. (Ġak. 1:14) Imma meta tiġik it-tentazzjoni, int trid tagħżel x’se tagħmel. Fl-aħħar mill-aħħar, int trid tiddeċiedi kif se tgħix ħajtek. Xi nies jaħsbu li ma tistax tikkontrolla kif tħossok u x’tagħmel. Imma dan mhux vera. Tistaʼ titgħallem tikkontrolla xewqat ħżiena. Mela anki jekk tiġik it-tentazzjoni tistaʼ tagħżel li ma tagħmilx xi ħaġa ħażina. Biex jgħinek tagħmel hekk, itlob lil Ġeħova kuljum. Studja l-Bibbja b’mod regolari. Mur il-laqgħat u tkellem m’oħrajn dwar dak li temmen. Jekk tagħmel hekk se tkun tistaʼ tibqaʼ leali lejn Ġeħova. U qatt tinsa li Ġeħova se jgħinek iżżomm din il-wegħda.—Gal. 5:16.

13. Ġużeppi għala hu taʼ eżempju tajjeb?

13 Jekk qabel tiġik it-tentazzjoni tara x’se tagħmel, se jkun iktar faċli biex tibqaʼ leali. Il-Bibbja titkellem dwar nies li għamlu hekk avolja kienu imperfetti. Pereżempju, il-mara taʼ Potifar provat tittanta lil Ġużeppi ħafna drabi. Imma hu kien diġà jaf x’se jagħmel. Il-Bibbja tgħid li hu rrifjuta u qal: “Kif nistaʼ jien nagħmel xi ħaġa daqshekk ħażina u nidneb kontra Alla?” (Ġen. 39:​8-10) Dan juri li Ġużeppi kien jaf x’se jagħmel qabel ma ttantatu. B’hekk, meta ġie ttantat kien iktar faċli għalih biex jagħmel dak li hu tajjeb.

14. Kif nistgħu nitgħallmu ma naqgħux għat-tentazzjoni?

14 Kif tistaʼ timita lil Ġużeppi meta tiġi ttantat? Tistaʼ tiddeċiedi minn issa x’se tagħmel. Tgħallem obgħod l-affarijiet li jobgħod Ġeħova u toqgħodx taħseb dwarhom. (Salm 97:10; 119:165) B’hekk mhux se ċċedi meta tiġi ttantat għax diġà tkun taf kif se twieġeb.

15. Persuna kif tistaʼ turi li qed ‘tfittex bil-ħeġġa’ lil Ġeħova? (Ebrej 11:6)

15 Forsi taf li sibt il-verità u li tixtieq taqdi lil Ġeħova b’qalbek kollha, imma xorta ma tħossokx lest biex tiddedika ħajtek u titgħammed. Tistaʼ tagħmel bħar-Re David u titlob lil Ġeħova: “Alla tiegħi, ara x’hemm f’qalbi u x’tip taʼ persuna jien. Jekk jogħġbok ara l-ħsibijiet li jinkwetawni. Ara jekk hemmx xi ħaġa ħażina fija u ggwidani fit-triq li se tibqaʼ għal dejjem.” (Salm 139:​23, 24) Ġeħova jbierek lil dawk li “jfittxuh bil-ħeġġa.” Meta taħdem biex tilħaq il-mira li tiddedika ħajtek u titgħammed, tkun qed turi li qed tfittxu.—Aqra Ebrej 11:6.

KOMPLI SIR ĦABIB TAʼ ĠEĦOVA

16-17. Ġeħova kif jiġbed lil dawk li twieldu fil-verità? (Ġwanni 6:44)

16 Ġesù qal li Ġeħova jiġbed lid-dixxipli tiegħu. (Aqra Ġwanni 6:44.) Aħseb dwar kemm hi xi ħaġa tal-għaġeb u xi tfisser għalik. Ġeħova jara xi ħaġa tajba f’kull persuna li jiġbed lejh. Kull persuna għalih hi “propjetà prezzjuża.” (Dt. 7:​6, ntt.) Lilek hekk jarak ukoll.

17 Imma forsi int żagħżugħ jew żagħżugħa li għandek il-ġenituri Xhieda taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun tħoss li qed taqdi lil Ġeħova minħabba l-ġenituri tiegħek, u mhux għax ġibdek lejh. Imma l-Bibbja tgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8; 1 Kron. 28:9) Jekk tipprova tersaq lejn Ġeħova inti l-ewwel, hu se jersaq qrib lejk. Ġeħova jinnota lil kull wieħed u waħda minna. Hu jiġbed lil kull persuna, inkluż dawk li jitwieldu fil-verità. Meta xi ħadd jagħmel l-ewwel pass biex jersaq qrib lejn Ġeħova, Ġeħova jagħmel dak li rajna f’​Ġakbu 4:8.—Ara l-prinċipju fit​-2 Tessalonikin 2:13.

18. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss? (Salm 40:8)

18 Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed, tkun qed timita lil Ġesù. Hu kien lest li jagħti lilu nnifsu lil Missieru biex jobdih f’kollox. (Aqra Salm 40:8; Ebr. 10:7) Fl-artiklu li jmiss se naraw x’se jgħinek tibqaʼ leali lejn Ġeħova wara li titgħammed.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi jfisser li tiddedika ħajtek lil Ġeħova?

  • L-apprezzament kif se jgħinek tiddedika ħajtek?

  • X’se jgħinek ma tagħmilx dnub serju?

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja