ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 11
GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu
Ibqaʼ Aqdi lil Ġeħova Minkejja d-Diżappunti
“Issaportejt minħabba ismi.”—RIV. 2:3.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif nistgħu nibqgħu naqdu lil Ġeħova avolja jkollna xi diżappunti.
1. Liema affarijiet sbieħ ingawdu peress li aħna parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
KEMM hi xi ħaġa sabiħa li f’dawn l-aħħar żminijiet diffiċli qegħdin fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Id-dinja qed tmur għall-agħar, imma Ġeħova tana l-aħwa biex jgħinuna. (Salm 133:1) Hu jgħinna biex ikollna familja ferħana. (Efes. 5:33; 6:1) U jtina l-għerf li għandna bżonn biex inkampaw mal-istress u nibqgħu ferħanin.
2. Xi rridu nagħmlu, u għala?
2 Aħna rridu nagħmlu sforz biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova. Għala? Għax kultant l-aħwa jistgħu jweġġgħuna b’dak li jgħidu jew jagħmlu. Jew forsi nħossuna skuraġġiti minħabba l-iżbalji tagħna stess, speċjalment jekk nagħmluhom iżjed minn darba. Irridu nibqgħu naqdu lil Ġeħova (1) meta ħu jew oħt tweġġagħna, (2) meta r-raġel jew il-mara tagħna tiddiżappuntana, u (3) meta nħossuna skuraġġiti minħabba l-iżbalji li nagħmlu. F’dan l-artiklu se nitgħallmu minn tliet eżempji mill-Bibbja taʼ nies li għaddew minn sitwazzjonijiet bħal dawn.
IBQAʼ AQDI LIL ĠEĦOVA META ĦU JEW OĦT TWEĠĠGĦEK
3. Xi sfida għandhom in-nies taʼ Ġeħova?
3 L-isfida. Xi aħwa forsi għandhom xi affarijiet fil-karattru tagħhom li jdejquna. Oħrajn jistgħu jagħmlu xi ħaġa li tiddiżappuntana jew jittrattawna ħażin. Anki l-anzjani jistgħu jiżbaljaw. Dawn l-affarijiet jistgħu jġiegħlu lil xi aħwa jiddubitaw jekk aħniex fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. U minflok ma jibqgħu jaqdu lil Ġeħova “spalla maʼ spalla” ma’ ħuthom, huma jieqfu jkellmuhom jew jieqfu jmorru l-laqgħat. (Sof. 3:9) Imma tajjeb jagħmlu hekk? Ara x’tistaʼ titgħallem minn eżempju fil-Bibbja taʼ xi ħadd li kellu problema simili.
4. L-appostlu Pawlu liema sfidi kellu?
4 L-eżempju mill-Bibbja. L-appostlu Pawlu kien jaf li l-aħwa kienu imperfetti. Pereżempju, xi wħud fil-kongregazzjoni f’Ġerusalemm beżgħu minnu għax m’emmnux li kien sar dixxiplu. (Atti 9:26) Iktar tard, xi aħwa tkellmu ħażin dwaru biex oħrajn ma jibqgħux jafdawh. (2 Kor. 10:10) Pawlu ra anzjan jieħu deċiżjoni ħażina li setgħet fixklet lill-aħwa. (Gal. 2:11, 12) U wieħed mill-ħbieb taʼ Pawlu, Marku, iddiżappuntah ħafna. (Atti 15:37, 38) Pawlu setaʼ uża dawn is-sitwazzjonijiet bħala skuża biex ma jqattax ħin mal-aħwa li weġġgħuh. Imma hu baqaʼ japprezza lill-aħwa u jaqdi lil Ġeħova b’mod leali. X’għenu jissaporti?
5. L-imħabba kif għenet lil Pawlu? (Kolossin 3:13, 14) (Ara l-istampa.)
5 Pawlu kien iħobb lill-aħwa. Dan għenu biex ma jiffokax fuq l-imperfezzjonijiet tagħhom imma fuq il-kwalitajiet tajbin li kellhom. L-imħabba għenitu wkoll jaħfer lil oħrajn, bħalma qalilna nagħmlu f’Kolossin 3:13, 14. (Aqra.) Hu hekk għamel ma’ Marku. Pawlu ma baqax irrabjat, avolja fl-ewwel vjaġġ missjunarju Marku telqu. Iktar tard, meta Pawlu kiteb ittra lill-kongregazzjoni f’Kolossi, hu faħħar lil Marku u qal li hu kien ‘għajnuna li ssaħħu.’ (Kol 4:10, 11) U meta kien fil-ħabs f’Ruma, Pawlu ried li Marku jmur jgħinu. (2 Tim. 4:11) Dan jurina li Pawlu kien jaħfer lill-aħwa u baqaʼ jħobbhom. X’nistgħu nitgħallmu minn Pawlu?
Meta Pawlu ma qabilx ma’ Barnaba u Marku, hu ma baqax irrabjat. Iżjed tard, hu kien lest li jaħdem ma’ Marku (Ara paragrafu 5)
6-7. X’se jgħinna nibqgħu nħobbu lill-aħwa minkejja li huma imperfetti? (1 Ġwanni 4:7)
6 X’nistgħu nitgħallmu. Ġeħova jridna nkomplu nħobbu lill-aħwa. (Aqra l-1 Ġwanni 4:7.) Meta l-aħwa jweġġgħuna, m’għandniex naħsbu li għamlu hekk apposta. Aħna nafu li huma qed jipprovaw jobdu lil Ġeħova. (Prov. 12:18) Ġeħova jħobb lill-qaddejja leali tiegħu, minkejja l-iżbalji li jagħmlu. Hu ma jibqax irrabjat magħna meta niżbaljaw. (Salm 103:9) Kemm hu importanti li nimitaw lil Missierna tas-sema li jaħfer!—Efes. 4:32; 5:1.
7 Tinsiex li iktar ma nersqu viċin it-tmiem iktar ħa jkollna bżonn nibqgħu qrib tal-aħwa. Aħna nistgħu nistennew li ħa tiżdied il-persekuzzjoni. Jistgħu jitfgħuna l-ħabs minħabba l-fidi tagħna. Jekk jiġri hekk, se jkollna bżonn l-aħwa iktar minn qatt qabel. (Prov. 17:17) Ara x’ġara lil anzjan minn Spanja jismu Joseph.a Hu u xi aħwa oħra kienu flimkien fil-ħabs minħabba li riedu jibqgħu newtrali. Hu jgħid: “Fil-ħabs konna ngħixu kollha flimkien, allura kien faċli li ndejqu lil xulxin. Kellna nissaportu lil xulxin u naħfru mill-qalb. Dan għenna biex nibqgħu magħqudin u nieħdu ħsieb lil xulxin. Aħna konna ma’ ħabsin li ma kinux jaqdu lil Ġeħova. Darba weġġajt idi u kienet fil-ġibs, allura ma stajt nagħmel xejn. Imma wieħed mill-aħwa ħasilli l-ħwejjeġ u ħa ħsiebi b’modi oħra. Jien rajt l-imħabba meta vera kelli bżonnha.” Kemm hu tajjeb li nsolvu l-problemi li għandna mal-aħwa minn issa!
IBQAʼ AQDI LIL ĠEĦOVA META R-RAĠEL JEW IL-MARA TIDDIŻAPPUNTAK
8. Il-miżżewġin xi sfida għandhom?
8 L-isfida. Iż-żwiġijiet kollha jkollhom il-problemi. Il-Bibbja tgħid li l-miżżewġin ikollhom “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Kor. 7:28) Għala? Għax ir-raġel u l-mara huma t-tnejn imperfetti, u għandhom kwalitajiet u gosti differenti. Il-miżżewġin jistgħu jkunu ġejjin minn kulturi u backgrounds differenti. U maż-żmien, forsi jibdew juru kwalitajiet li qabel ma żżewġu ma kinux juruhom. Dawn l-affarijiet jistgħu jġibu l-problemi. Minflok ma jammettu li t-tnejn li huma jiżbaljaw u jaħdmu flimkien biex isolvu l-problema, huma jistgħu jwaħħlu f’xulxin. Forsi anki jibdew jaħsbu li jekk jisseparaw jew jiddivorzjaw se jkunu aħjar. Imma dan se jsolvi l-problema?b Ejja naraw eżempju mill-Bibbja taʼ mara li baqgħet leali lejn Ġeħova avolja kellha żwieġ diffiċli ħafna.
9. Xi sfida kellha Abigajl?
9 L-eżempju mill-Bibbja. Abigajl kienet miżżewġa lil Nabal, li l-Bibbja tgħid li kien aħrax u jaġixxi ħażin. (1 Sam. 25:3) Żgur li kien diffiċli għal Abigajl li tgħix ma’ raġel bħal dan. Kellha opportunità biex teħles minn Nabal? Iva. Dan ġara meta David, li kien se jkun ir-re taʼ Iżrael, mar biex joqtol lir-raġel tagħha talli m’għenx lilu u s-suldati tiegħu. (1 Sam. 25:9-13) Abigajl setgħet ħarbet u ħalliet lil David joqtol lil Nabal. Imma hi m’għamlitx hekk. Minflok, ikkonvinċiet lil David biex ma joqtolx lil Nabal. (1 Sam. 25:23-27) Għala għamlet hekk?
10. Abigajl għala ssaportiet fi żwieġ diffiċli?
10 Abigajl kienet tħobb lil Ġeħova u tirrispetta l-liġijiet li għamel dwar iż-żwieġ. Probabbli kienet taf x’qal Alla meta lil Adam tah mara. (Ġen. 2:24) Abigajl kienet taf li ż-żwieġ hu qaddis għal Ġeħova. Hi riedet togħġob lil Alla, u b’hekk għamlet li setgħet biex issalva lin-nies li kienu jgħixu magħha, inkluż ir-raġel tagħha. Hi mill-ewwel għamlet xi ħaġa biex twaqqaf lil David milli joqtol lil Nabal. Kienet lesta wkoll li tiskuża ruħha għal xi ħaġa li m’għamlitx. Żgur li Ġeħova kien iħobb lil din il-mara kuraġġuża. L-irġiel u n-nisa miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju t’Abigajl?
11. (a) Ġeħova x’jixtieq li jagħmlu l-miżżewġin? (Efesin 5:33) (b) X’tgħallimt mill-mod kif Carmen ipprovat issalva ż-żwieġ tagħha? (Ara l-istampa.)
11 X’nistgħu nitgħallmu. Ġeħova jrid li raġel u mara miżżewġin jibqgħu flimkien anki jekk ikun diffiċli. Ġeħova jkun ferħan meta jara lill-koppji miżżewġin jaħdmu flimkien biex isolvu l-problemi u juru mħabba u rispett. (Aqra Efesin 5:33.) Ara l-eżempju taʼ Carmen. Xi sitt snin wara li żżewġet, Carmen bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u tgħammdet. Carmen tgħid: “Ir-raġel tiegħi ma ħax pjaċir. Hu beda jirrabja għax bdejt inqattaʼ inqas ħin miegħu biex immur il-laqgħat. Hu kien jgħajjarni u jgħid li ħa jitlaqni.” Imma Carmen baqgħet tissaporti. Għal 50 sena, hi ħadmet iebes biex tħobb u tirrispetta lir-raġel tagħha. Hi tgħid: “Maż-żmien, bdejt nifhem aħjar kif iħossu r-raġel u nkellmu bil-ħlewwa. Peress li ż-żwieġ hu qaddis għal Ġeħova, għamilt li stajt biex ikollna żwieġ tajjeb. Jien qatt ma qtajt qalbi għax inħobb lil Ġeħova.”c Jekk ikollok il-problemi fiż-żwieġ, tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tissaporti.
X’tistaʼ titgħallem minn kemm ħadmet Abigajl biex issalva n-nies li kienu jgħixu magħha? (Ara paragrafu 11)
IBQAʼ AQDI LIL ĠEĦOVA JEKK GĦAMILT ŻBALL SERJU
12. Jekk nagħmlu żball serju, xi sfida jistaʼ jkollna?
12 L-isfida. Jekk nagħmlu dnub serju, nistgħu nħossuna skuraġġiti. Il-Bibbja turina li l-iżbalji li nagħmlu jistgħu jġegħluna nħossuna mkissrin. (Salm 51:17) Ħu jismu Robert dam snin sħaħ jaħdem biex isir qaddej ministerjali. Wara li sar qaddej ministerjali għamel dnub serju u nduna li weġġaʼ lil Ġeħova. Hu jgħid: “Meta ndunajt x’għamilt, il-kuxjenza niggżitni ħafna. Ħassejtni ħażin ħafna, u bkejt u tlabt lil Ġeħova. Niftakarni ngħid li Alla qatt mhu se jerġaʼ jismaʼ t-talb tiegħi għax kont weġġajtu.” Jekk nagħmlu dnub serju, nistgħu tant inħossuna mdejqin li nibdew naħsbu li Ġeħova telaqna u nibdew naqtgħu qalbna. (Salm 38:4) Jekk ġieli ħassejtek hekk, ara eżempju mill-Bibbja taʼ xi ħadd li baqaʼ jaqdi lil Ġeħova avolja għamel dnub serju.
13. Pietru liema dnub serju għamel, u x’wassal biex jagħmel dak id-dnub?
13 L-eżempju mill-Bibbja. Fil-lejl qabel ma miet Ġesù, Pietru għamel xi żbalji li minħabba fihom iżjed tard hu għamel dnub serju. L-ewwel, Pietru kien kunfidenti żżejjed u ftaħar li hu kien se jibqaʼ leali anki jekk l-appostli l-oħra jitilqu lil Ġesù. (Mk. 14:27-29) Imbagħad, meta kienu fil-ġnien tal-Ġetsemani, Pietru ma baqax għassa għal iżjed minn darba. (Mk. 14:32, 37-41) Iktar tard, meta folla ġiet biex tarresta lil Ġesù, Pietru abbandunah. (Mk. 14:50) Fl-aħħar, Pietru qal li ma jafx lil Ġesù tliet darbiet u anki ħalef. (Mk. 14:66-71) Pietru x’għamel meta nduna li għamel dnub serju? Hu nfaqaʼ jibki għax ħassu ħażin ħafna. (Mk. 14:72) Immaġina kemm ħassu ddispjaċut Pietru meta ftit sigħat wara qatlu lill-ħabib tiegħu Ġesù. Żgur li Pietru ħassu mhu tajjeb għalxejn!
14. X’għen lil Pietru biex jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova? (Ara l-istampa taʼ quddiem tar-rivista.)
14 Kien hemm ħafna raġunijiet għala Pietru baqaʼ jaqdi lil Ġeħova. Hu ma nqatax għalih waħdu imma mar għand l-aħwa biex jgħinuh. (Lq. 24:33) U meta Ġesù ġie rxoxtat, hu deher lil Pietru biex jinkuraġġih. (Lq. 24:34; 1 Kor. 15:5) Iktar tard, Ġesù kompla jassigurah li jħobbu billi tah iżjed responsabbiltajiet. (Ġw. 21:15-17) Pietru kien jaf li għamel dnub serju imma baqaʼ jipprova jagħmel dak li hu tajjeb. Għala? Għax hu kien ċert li Ġesù kien għadu jħobbu u l-aħwa komplew jinkuraġġuh. X’nistgħu nitgħallmu minn Pietru?
Ġwanni 21:15-17 juri li Ġesù baqaʼ jħobb lil Pietru, u dan għen lil Pietru jibqaʼ jaqdi lil Ġeħova (Ara paragrafu 14)
15. Ġeħova minn xiex iridna nkunu ċerti? (Salm 86:5; Rumani 8:38, 39) (Ara l-istampa.)
15 X’nistgħu nitgħallmu. Ġeħova jridna nkunu ċerti li hu jħobbna u lest li jaħfrilna. (Aqra Salm 86:5; Rumani 8:38, 39.) Meta nagħmlu dnub, hu normali li nħossuna mdejqin. Imma ma rridux naħsbu li Ġeħova m’għadux iħobbna jew li ma jistax jaħfrilna. Minflok, għandna nfittxu l-għajnuna. Robert, li semmejna qabel, jgħid: “Jien għamilt id-dnub għax ħsibt li nistaʼ nirreżisti t-tentazzjoni waħdi.” Wara nduna li kellu jkellem lill-anzjani. Hu kompla jgħid: “Meta kellimt lill-anzjani, huma għenuni nara kemm iħobbni Ġeħova. L-anzjani wkoll kienu jħobbuni. Huma għenuni nara li Ġeħova ma kienx telaqni.” Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobbna u jaħfrilna jekk vera jiddispjaċina minn dak li għamilna, infittxu l-għajnuna, u nipprovaw kemm nistgħu ma nerġgħux nagħmlu l-istess żball. (1 Ġw. 1:8, 9) Jekk nagħmlu hekk, mhux se nieqfu naqdu lil Ġeħova, anki wara li nagħmlu xi dnub.
Kif tħossok meta tara l-anzjani jaħdmu iebes biex jgħinuk? (Ara paragrafu 15)
16. Int għala determinat li tibqaʼ taqdi lil Ġeħova?
16 Ġeħova japprezza ħafna l-isforzi li nagħmlu biex nibqgħu naqduh f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nibqgħu naqduh avolja jkollna d-diżappunti. Aħna nistgħu nibqgħu nħobbu lill-aħwa u naħfrulhom anki meta jweġġgħuna. Aħna nistgħu nuru kemm inħobbu lil Alla u nirrispettaw iż-żwieġ billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insolvu l-problemi li jkollna. U meta nagħmlu dnub, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna, nemmnu li hu jħobbna u jaħfrilna, u nibqgħu naqduh. Nistgħu nkunu ċerti li jekk “ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb,” Ġeħova se jberikna ħafna.—Gal. 6:9.
KIF TISTAʼ TIBQAʼ TAQDI LIL ĠEĦOVA META . . .
iweġġgħek ħu jew oħt?
jiddiżappuntak ir-raġel jew il-mara tiegħek?
tagħmel xi dnub?
GĦANJA 139 Immaġinak meta kollox ikun ġdid
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Il-Bibbja turi li Alla ma jiħux pjaċir bis-separazzjoni u jekk koppja jagħmlu hekk, ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu. Imma xi Kristjani kkunsidraw li jisseparaw minħabba xi sitwazzjonijiet serji. Ara n-Nota fl-Aħħar 4 “Separazzjoni taż-Żwieġ” fil-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!
c Għal eżempju ieħor, ara l-vidjow Titqarraqx bil-Paċi li Toffri d-Dinja!—Darrel u Deborah Freisinger fuq jw.org.