LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 3/8 pp. 26-27
  • Għala Hu Tajjeb li Timxi?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Hu Tajjeb li Timxi?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mixi Huwa Duwa Tajba
  • Gawdi Mixja Tajba
  • Int Se Timxi M’alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Nimxu m’Alla—Il-Passi tal-Bidu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Il-Mixi fil-Mogħdijiet taʼ Jehovah Iġib Premjijiet Kbar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ibqaʼ Miexi fit-Triq taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 3/8 pp. 26-27

Għala Hu Tajjeb li Timxi?

MILLI jidher, miljuni taʼ nies jaħsbu li jekk ma jistgħux jingħaqdu maʼ xi ċentru tas-​saħħa u jqattgħu ħafna ħin jagħmlu l-​eżerċizzju, m’hemm ebda mod ieħor kif jistgħu jibbenefikaw mill-​eżerċizzju. Madankollu, dan m’huwiex minnu. Dr. Russell Pate mill-​Università taʼ South Carolina jgħid: “Naħseb li ġeneralment kulħadd jitgħaxxaq b’mixja sabiħa u rilassanti madwar il-​binja wara l-​ikel.”

Imma huwa minnu li mixja se tagħmillek daqshekk ġid? Huwa l-​mixi tabilħaqq taʼ benefiċċju kbir għas-​saħħa?

Il-​Mixi Huwa Duwa Tajba

It-​tabib Grieg Ippokrate kien iqis il-​mixi bħala “l-​aħjar duwa għall-​bniedem.” Fil-​fatt, hemm qawl li jgħid, “Għandi żewġ tobba, sieqi x-​xellugija u sieqi l-​leminija.” Huwa l-​mixi tassew daqshekk tajjeb għas-​saħħa?

Xi studji jissuġġerixxu li min jimxi b’mod regulari għandu mnejn jiżviluppa inqas mard minn min iqattaʼ ħafna ħin bil-​qiegħda. L-​istudji juru li l-​mixi jnaqqas ir-​riskju li l-​individwu jaqbdu l-​mard tal-​qalb u li tagħtih puplesija. Jistaʼ jipprevieni d-​dijabete billi jgħin lill-​ġisem juża l-​insulina. Iżomm l-​għadam b’saħħtu waqt li jipprevieni l-​osteoporożi. Il-​mixi jtejjeb is-​saħħa, il-​flessibilità, u l-​enerġija. Jgħin biex dak li jkun inaqqas il-​piż u jżomm piż tajjeb. Barra min hekk, il-​mixi jtejjeb il-​kwalità taʼ l-​irqad, jgħin lill-​moħħ jaħdem aħjar, u jistaʼ saħansitra jgħin biex inaqqas id-​dipressjoni.

Xi ftit tas-​snin ilu, riċerkaturi fl-​Università tan-​Nofsinhar taʼ Kalifornja rrapportaw li mixja taʼ 15-il minuta hija iktar effettiva minn kalmant ħafif biex isserraħ l-​ansjetà u t-​tensjoni! Bħal attivitajiet fiżiċi oħra, il-​mixi jqanqal lill-​moħħ biex jitfaʼ l-​endorfini, kimiċi fil-​moħħ li jtaffu l-​uġigħ u jserrħu lil dak li jkun, waqt li jġagħlu lill-​individwu jħossu kalm u f’saħħtu.

Skond The Medical Post tal-​Kanada, anki passiġġata għall-​gost hija taʼ benefiċċju għas-​saħħa. Studju pubblikat f’The New England Journal of Medicine wera li anki jekk individwu jimxi mqar 800 metru kuljum dan se jgħinu biex jgħix iktar. Studji li saru dan l-​aħħar jissuġġerixxu li jekk tagħmel l-​eżerċizzju tliet darbiet kuljum, għal 10 minuti kull darba, se jiswa taʼ ġid daqslikieku tkun għamilt l-​eżerċizzju għal 30 minuta bla waqfien. Allura, forsi tistaʼ tibda tipparkja ftit iktar ’il bogħod mid-​destinazzjoni tiegħek u timxi l-​kumplament tat-​triq. Jew tistaʼ tmur għal mixja qasira f’xi ħin matul il-​jum.

Meta timxi tgħaġġel tistaʼ tikseb benefiċċji saħansitra akbar. It-​tabib Carl Caspersen taċ-​Ċentri għall-​Kontroll u l-​Prevenzjoni tal-​Mard fl-​Istati Uniti, f’Atlanta, Georgia, qal: “Jekk tkun imdorri toqgħod bil-​qiegħda għal ħin twil u tibda timxi tgħaġġel għal nofs siegħa diversi drabi fil-​ġimgħa, tistaʼ tnaqqas bil-​kbir l-​ammont taʼ drabi [li timrad].” U dak li hu verament tajjeb dwar il-​mixi hu li n-​nies taʼ kull età u prattikament taʼ kull livell taʼ saħħa jistgħu jagħmluh. Iktar minn hekk, ma jeħtiġx xi taħriġ speċjali jew xi sengħa atletika—kulma għandek bżonn hu żarbun tajjeb.

Gawdi Mixja Tajba

Ilbes ħwejjeġ komdi u wesgħin. Biex iżżomm ruħek sħun ilbes saffi taʼ ħwejjeġ li tistaʼ tneħħihom faċilment. Uża żarbun flessibbli u ħafif bl-​għarqub li jkollu kuxin u jkun wiesaʼ fil-​parti tas-​swaba. Għandu jkun ftit akbar miż-​żarbun pulit li tilbes is-​soltu. Jekk qed tippjana li timxi għal iktar minn nofs siegħa u se tgħaddi minn post fejn mhux se ssib ilma li tistaʼ tixorbu, għandek mnejn tkun trid tieħu flixkun ħafif miegħek mimli bl-​ilma. Ibda billi tagħmel ħames minuti timxi bil-​mod. Żomm dahrek dritt, il-​minkbejn u l-​irkopptejn daqsxejn mgħawġin u idejk rilassati, mhux f’forma taʼ ponn.

Wara li tkun għamilt dan, ibqaʼ għaddej u żid ir-​ritmu tiegħek waqt li tħalli l-​għarqub imiss l-​ewwel maʼ l-​art, segwit mis-​swabaʼ taʼ saqajk. Għalhekk, għandek bżonn żarbun flessibbli. Taħseb li dan hu diffiċli wisq biex tiftakru kollu? Serraħ moħħok—ħafna nies jimxu hekk b’mod naturali. Il-​pass tiegħek għandu jippermettilek tibqaʼ għaddej titkellem bla problema, mingħajr ma taqtaʼ nifsek. Jekk għadek kif bdejt timxi b’dan il-​mod, maż-​żmien żid il-​ħin, id-​distanza, u l-​pass bil-​mod il-​mod. Naqqas il-​pass meta tkun wasalt fl-​aħħar tal-​mixja tiegħek.a

Jekk qalbek tibda tħabbat iktar, tibda tieħu nifsijiet iktar spissi, u tibda tegħreq xi ftit, ikun ifisser li qed titħabat. Għall-​ewwel ftit jiem għandek mnejn tibda tħoss xi ftit uġigħ fil-​muskoli. Oqgħod attent għas-​sintomi taʼ ġismek. Jekk tħoss li qed titħabat wisq, naqqas il-​pass jew ħu waqfa qasira. Madankollu, jekk ikollok sintomi bħal li tibda tħoss uġigħ fil-​qafas taʼ sidrek, qalbek tibda tħabbat iżżejjed, taqtaʼ ħafna nifsek, sturdament, jew dardir, ieqaf mill-​mixi u fittex l-​għajnuna mill-​ewwel.b

Peress li ma tridx tagħmel ħafna sforz biex timxi, dan jistaʼ jkun taʼ benefiċċju akbar minn attivitajiet oħra bħall-​ġiri u l-​erobika. Bħala riżultat, hemm inqas ċans li tagħmel il-​ħsara lill-​ġogi jew il-​muskoli. Tabilħaqq, il-​mixi hu l-​aħjar attività rikkmandata mill-​esperti tas-​saħħa. Għalhekk, għall-​ġid tiegħek stess, mur imxi!

[Noti taʼ taħt]

a Għal min ikun irid jaħraq il-​kaloriji, jekk jagħmel kilometru f’9 minuti minflok fi 12 se jkun jistaʼ jaħraq 30 fil-​mija iktar kaloriji kull minuta. Jekk iżid il-​pass u jagħmel kilometru f’7 minuti minflok f’9 se jaħraq 50 fil-​mija iktar kaloriji kull minuta. Ħafna minn dawk li jimxu biex jibqgħu f’saħħithom jagħmlu kilometru f’7 jew 9 minuti.

b Għandu mnejn ikun aħjar li tkellem tabib qabel ma tibda rutina taʼ eżerċizzji, speċjalment jekk tbati mill-​mard tal-​qalb, pressjoni għolja, jew xi kundizzjoni medika oħra.

[Kaxxa f’paġna 27]

X’TAGĦMEL U X’MA TAGĦMILX META TIMXI

● Imxi dritt, b’geddumek ’il fuq (parallel maʼ l-​art), ħares xi 6 metri ’l quddiem

● Żomm pass moderat. Tħossokx li għandek timxi tgħaġġel u mbagħad tant taqtaʼ nifsek li ma jkunx jistaʼ jkollok konversazzjoni normali

● Tipprovax ittawwal jew tkabbar il-​passi tiegħek. Biex tgħaġġel iktar agħmel passi iżgħar b’iktar ħeffa

● Ċaqlaq idejk lura u ’l quddiem, u żomm il-​minkbejn qrib taʼ ġismek. Evita li xxengel idejk minn naħa għal oħra

● Tħallix saqajk tiġi ċatta maʼ l-​art. Imxi kull pass kif suppost u imbotta bis-​swabaʼ taʼ saqajk

● Tħossx li bilfors trid iġġorr xi piżijiet. Dan ma jħallikx timxi kif suppost u minħabba f’hekk tistaʼ tiġbed xi ligament jew għerq

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja