Sfidi li Tiffaċċja Omm Adoloxxenti
IT-TQALA fost l-adoloxxenti ġġib magħha t-tagħbija taʼ deċiżjonijiet li s-soltu jiffaċċjaw l-adulti. “Inħossni t’40 sena,” tgħid waħda omm adoloxxenti. “Jien ma gawdejtha xejn it-tfulija tiegħi.” Tabilħaqq, meta tfajla ssir taf li hi tqila forsi tħossha maħkuma mill-biżaʼ u l-ansjetà.
Jekk int adoloxxenti li ħriġt tqila, forsi tħossok l-istess. Madankollu, għalxejn tħalli lilek innifsek tiġi paralizzata minn emozzjonijiet negattivi. “Min jgħarrex għar-riħ ma jiżraʼ qatt,” tgħid il-Bibbja, “u min jagħti kas tas-sħab ma jaħsadx.” (Koħèlet 7:8; 11:4) Bidwi li jieqaf jaħdem minħabba li jinkwieta dwar it-temp jonqos milli jieħu l-azzjoni neċessarja. Oqgħod attent li int ma tiqafx. Eventwalment, int trid timxi ’l quddiem u terfaʼ r-responsabbiltajiet tiegħek.—Galatin 6:5.
X’għażliet għandek? Xi wħud forsi jgħidulek biex tikkunsidra l-abort. Imma din mhix għażla għal dawk li jixtiequ jogħġbu lil Alla, għax il-Bibbja tagħmilha ċara li l-abort huwa kontra l-liġi t’Alla. (Eżodu 20:13; 21:22, 23; Salm 139:14-16) F’għajnejn Alla l-ħajja t’embriju—inkluż wieħed imnissel barra miż-żwieġ—hija prezzjuża.
Xi ngħidu dwar li tiżżewweġ lil missier it-tarbija u trabbu t-tarbija flimkien? Forsi taħseb li għall-inqas iż-żwieġ inaqqas ftit mill-mistħija. Imma anki meta missier adoloxxenti jħossu responsabbli moralment biex jgħin fit-trobbija tat-tarbija, iż-żwieġ mhux dejjem ikun l-għażla għaqlija.a Il-fatt li ġuvni kapaċi jagħmel tarbija ma jfissirx li għandu l-abbiltajiet emozzjonali u mentali li hemm bżonn biex ikun raġel u missier tajjeb. U lanqas ma jfisser li jistaʼ jieħu ħsieb finanzjarjament tal-mara u tat-tarbija. Iżjed minn hekk, jekk iż-żagħżugħ m’għandux l-istess twemmin reliġjuż tiegħek u tiżżewġu, tkun qed tmur kontra l-parir tal-Bibbja biex tiżżewweġ “biss fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39) L-esperjenza turi li jekk tgħaġġel u tidħol għaż-żwieġ qabel il-waqt—u forsi jkun żwieġ li ma jdumx—dan jistaʼ jirriżulta biss f’iktar uġigħ u sofferenza.
Għandek tagħti t-tarbija għall-adozzjoni? Filwaqt li dan żgur aħjar mill-abort, tajjeb li tikkunsidra l-fatt li minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli, int għandek l-opportunità li tieħu ħsieb u trabbi t-tarbija tiegħek.
Tiffaċċja l-Isfidi
M’għandniex xi ngħidu, li trabbi tarbija mingħajr sieħeb huwa diffiċli. Madankollu, billi ssegwi kemm jistaʼ jkun il-prinċipji Bibliċi u tafda f’Alla għas-saħħa u l-gwida, int tistaʼ tiffaċċja ħafna sfidi b’suċċess. Hawnhekk hawn xi passi li tistaʼ tieħu biex jgħinuk tkampa.
● Irranġa r-relazzjoni tiegħek m’Alla. Irrikonoxxi l-fatt li s-sess qabel iż-żwieġ huwa dnub kontra Alla—offiża kontra l-livelli morali għoljin tiegħu. (Galatin 5:19-21; 1 Tessalonikin 4:3, 4) B’hekk, l-ewwel pass vitali hu li tindem u titlob lil Alla għall-maħfra. (Salm 32:5; 1 Ġwanni 2:1, 2) Veru, forsi int ma tħossx li jixraqlek l-għajnuna tiegħu. Però, Ġeħova jwiegħed li se jaħfer u jgħin lil dawk li jindmu mill-ħażen tagħhom. (Isaija 55:6, 7) F’Isaija 1:18, Ġeħova jgħid: “Imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt [serji], isiru bojod bħas-silġ [nodfa kompletament].” Il-Bibbja tinkuraġġixxi wkoll lil dawk li waqgħu fil-ħażen biex jieħdu vantaġġ mill-għajnuna spiritwali li joffru l-anzjani maħturin fil-kongregazzjoni.—Ġakbu 5:14, 15.
● Tkomplix tieħu sehem f’relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ. Dan ifisser li x’aktarx ikollok twaqqaf ir-relazzjoni tiegħek maʼ missier it-tarbija. Jekk tkompli f’dik ir-relazzjoni barra miż-żwieġ se tiġi taħt iktar pressjoni biex tkompli tieħu sehem f’kondotta li ma togħġobx lil Alla. Qatt tinsa li l-liġijiet t’Alla, għalkemm stretti, qegħdin hemm biex jipproteġuna. Nicole, li ssemmiet qabel f’din is-serje, tiftakar: “Sirt naf li Alla kien qed jgħid is-sewwa. Hu jrid jgħallimna għall-ġid tagħna.”—Isaija 48:17, 18.
● Għid lill-ġenituri tiegħek. Għandek mnejn tibżaʼ li l-ġenituri tiegħek se jirrabjaw miegħek. Huwa minnu li huma se jkunu dispjaċuti u inkwetati meta jsiru jafu li int tqila. Forsi anki jħossu li naqsu min-naħa tagħhom bħala ġenituri u jwaħħlu fihom infushom għall-kondotta tiegħek. Madankollu, jekk il-ġenituri tiegħek tassew għandhom il-biżaʼ t’Alla, eventwalment, l-uġigħ taʼ qalb se jgħaddi. Huma l-ġenituri tiegħek, u minkejja l-iżbalji tiegħek, huma jħobbuk. Meta jaraw l-attitudni taʼ ndiema tiegħek, bla dubju se jitqanqlu biex jimitaw lil missier l-iben il-ħali u jaħfrulek bi mħabba.—Luqa 15:11-32.
● Uri l-gratitudni. Il-ġenituri, il-qraba, u l-ħbieb spiss ikunu sors kbir t’għajnuna u appoġġ. Per eżempju, il-ġenituri tiegħek jistgħu jieħdu ħsieb tal-kura medika li jkollok bżonn. Wara li titwieled it-tarbija tiegħek, jistgħu jgħinuk titgħallem kif tieħu ħsieb it-tarbija; forsi jgħinuk ukoll billi kultant jieħdu ħsieb it-tarbija. Nicole tgħid hekk dwar ommha, “Jien kelli t-tarbija, imma hi għenitni ħafna.” Il-ħbieb tiegħek ukoll jistgħu jgħinuk, forsi billi bit-tattika jipprovdulek ħwejjeġ għat-tarbija u affarijiet oħra li jistgħu jkunu t’għajnuna. (Proverbji 17:17) Meta xi ħadd ikun qalbu tajba miegħek, segwi l-parir tal-Bibbja u ‘uri li int grata.’ (Kolossin 3:15) Espressjonijiet verbali t’apprezzament jistgħu jgħinu lil dawk li qed jgħinuk biex ma jħossux li l-għemejjel taʼ mħabba li qed jagħmlu miegħek qed jiġu injorati.
● Tgħallem kif tkun ġenitur tajjeb. M’għandniex xi ngħidu, int ma tridx tkun taʼ piż fuq il-familja u l-ħbieb tiegħek għal dejjem. Għalhekk, ibda żviluppa l-kwalitajiet li se jgħinuk tikseb ċertu ammont t’abbiltà f’li tieħu ħsieb it-tarbija u d-dar. Li titgħallem tieħu ħsieb it-tarbija, li għandha ħafna bżonnijiet, hu taʼ sfida. Hemm ħafna x’titgħallem dwar in-nutriment, is-saħħa, u aspetti oħra li għandhom x’jaqsmu maʼ kif tieħu ħsieb it-tarbija. Taʼ interess, il-Bibbja tinkuraġġixxi lin-nisa Kristjani li huma akbar fl-età biex iħeġġu lin-nisa iżgħar sabiex ikunu “ħaddiema fid-dar.” (Titu 2:5) Bla dubju ommok tistaʼ tagħtik xi taħriġ taʼ valur f’dan ir-rigward u forsi anki xi membri oħra fil-kongregazzjoni Kristjana li huma akbar fl-età jistgħu jagħmlu dan.
● Uża l-flus bil-għaqal. Il-Bibbja tgħid li “fihom kenn il-flus.” (Koħèlet 7:12) Il-wasla taʼ tarbija se ġġib magħha ħafna spejjeż.
L-ewwelnett, tagħmel tajjeb li tibbenefika minn għajnuna soċjali li tikkwalifika għaliha. Però, spiss, tfajla jkollha tiddependi mill-ġenituri tagħha finanzjarjament. Jekk dan hu l-każ tiegħek, tkun qed turi għaqal u qalb tajba jekk min-naħa tiegħek tnaqqas l-ispejjeż kemm jistaʼ jkun. Għalkemm int x’aktarx tippreferi li jkollok ħwejjeġ ġodda għat-tarbija, forsi tistaʼ tiffranka l-flus jekk tixtri l-affarijiet li jkollok bżonn minn ħwienet secondhand.
● Ipprova kompli l-iskola. “In-nies bil-għaqal jaħżnu l-għerf,” jgħid Proverbji 10:14. Filwaqt li dan huwa veru speċjalment fl-għarfien Bibliku, huwa minnu wkoll fl-edukazzjoni sekulari. Int trid tiżviluppa l-abbiltajiet neċessarji biex taqlaʼ l-għajxien.
Huwa minnu li huwa diffiċli li tmur l-iskola meta tkun qed tieħu ħsieb tarbija. Però, nuqqas t’edukazzjoni bażika jistaʼ jfisser ħajja taʼ faqar għalik u għat-tarbija tiegħek, dipendenza fuq għajnuna soċjali, dħul baxx, dar li ma tkunx taʼ kundizzjoni tajba, jew malnutrizzjoni. Għalhekk, jekk inhu possibbli, kompli l-iskola. Omm Nicole insistitilha li tkompli l-iskola, u bħala riżultat, Nicole iktar tard setgħet tieħu t-taħriġ xieraq biex tmantni lilha nfisha bħala assistenta t’avukat.
Għala ma tagħmilx xi riċerka biex tara x’opportunitajiet hemm disponibbli fejn tidħol ledukazzjoni? Jekk hu diffiċli li tattendi l-iskola, forsi tistaʼ tara jekk tistax tistudja d-dar. Per eżempju, korsijiet bil-korrispondenza jistgħu jkunu prattiċi għas-sitwazzjoni tiegħek.
Int Tistaʼ Tirnexxi
Li trabbi t-tfal barra miż-żwieġ huwa taʼ sfida għal tfajla żagħżugħa. Imma tistaʼ tirnexxi! Bil-paċenzja, id-determinazzjoni, u l-għajnuna t’Alla Ġeħova, int tistaʼ ssir ġenitur taʼ mħabba, kapaċi u effiċjenti. U tfal t’ommijiet mhux miżżewġin jistgħu jikbru biex isiru adulti stabbli emozzjonalment. Forsi tesperjenza wkoll il-ferħ li tara lil ibnek, jew bintek, iwieġeb għat-taħriġ tiegħek u jsir iħobb lil Alla.—Efesin 6:4.
Nicole tispjega b’dan il-mod: “Għalkemm deher impossibbli, bl-għajnuna t’Alla jien kelli s-sodisfazzjon li nara t-tifla ż-żgħira tiegħi ssir adoloxxenti qalbha tajba, rispettabbli, u responsabbli. Meta nħares lejha niftakar fl-iljieli bla rqad li għaddejt, imma fl-istess ħin nimtela bil-ferħ.”
Però, l-adulti kif għandhom jittrattaw l-ommijiet adoloxxenti u t-tfal tagħhom? Hemm xi mod kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ biex dawn jevitaw il-problema tat-tqala fost l-adoloxxenti?
[Nota taʼ taħt]
a Diskussjoni dwar ir-responsabbiltajiet u l-isfidi li missirijiet adoloxxenti mhux miżżewġin jiffaċċjaw tinsab fis-sezzjoni “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” fil-ħarġiet taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju u tat-8 taʼ Ġunju, 2000.
[Stampi f’paġna 8, 9]
Ommijiet adoloxxenti jiffaċċjaw ħafna sfidi biex irabbu lil uliedhom
[Stampa f’paġna 10]
Li tidħol fiż-żwieġ meta tkun għadek żgħira mhix is-soluzzjoni
[Stampa f’paġna 10]
Anzjani Kristjani jistgħu jgħinu lil żgħażagħ li dinbu biex jirranġaw ir-relazzjoni tagħhom m’Alla
[Stampa f’paġna 11]
Huwa għaqli li ommijiet bla raġel jispiċċaw l-edukazzjoni bażika