LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 7/1 pp. 18-22
  • Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-Bibbja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-Bibbja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minn Estrem għall-​Ieħor
  • Huma t-​Traduzzjonijiet Kelma b’Kelma l-​Aqwa li Tistaʼ Tagħżel?
  • Xi Ngħidu Għal Traduzzjonijiet Liberi?
  • Għala Għandna Noqogħdu Attenti?
  • Insibu l-​Aqwa Traduzzjoni
  • Ġrajja Sinjifikanti Għal Dawk Li Jħobbu l-Kelma t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Hija t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida eżatta?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • In-New World Translation Apprezzata minn Miljuni fid-Dinja Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Traduzzjoni tal-Bibbja li hi faċli biex tinftiehem u li hi taʼ benefiċċju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 7/1 pp. 18-22

Kif Tistaʼ Tagħżel Traduzzjoni Tajba tal-​Bibbja?

IL-​BIBBJA nkitbet oriġinalment bl-​Ebrajk, bl-​Aramajk, u bil-​Grieg tal-​qedem. Għalhekk, il-​biċċa l-​kbira min-​nies li jixtiequ jaqrawha jridu jiddependu minn traduzzjoni.

Illum, il-​Bibbja hi l-​iktar ktieb li qatt ġie tradott fid-​dinja—partijiet minnha huma disponibbli b’iktar minn 2,400 lingwa. Xi lingwi mhux talli għandhom traduzzjoni waħda imma talli għandhom ħafna. Jekk għandek l-​għażla bil-​lingwa tiegħek, żgur li trid li jkollok l-​aqwa traduzzjoni li tistaʼ ssib.

Biex tagħżel b’mod għaqli għandek bżonn tkun taf it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li ġejjin: Liema tipi differenti taʼ traduzzjonijiet huma disponibbli? X’inhuma l-​vantaġġi u l-​iżvantaġġi taʼ kull tip taʼ traduzzjoni? U għala għandek toqgħod attent meta taqra xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja?

Minn Estrem għall-​Ieħor

It-​traduzzjonijiet tal-​Bibbja għandhom ħafna stili differenti, imma jaqgħu fi tliet kategoriji bażiċi. F’estrem wieħed hemm it-​traduzzjonijiet interlineari. Dawn it-​traduzzjonijiet fihom it-​test bil-​lingwa oriġinali flimkien maʼ traduzzjoni kelma b’kelma bil-​vernakolu, jiġifieri, il-​lingwa mitkellma tal-​pajjiż.

Fl-estrem l-​ieħor hemm it-​traduzzjonijiet bil-​parafrażi, jew bi kliem sempliċi. It-​tradutturi taʼ dawn il-​verżjonijiet jittraduċu fi kliemhom u bil-​libertà l-​messaġġ tal-​Bibbja skond kif jifhmuh huma b’tali mod li jħossu li se jogħġob lill-​udjenza tagħhom.

It-tielet kategorija tikkonsisti fi traduzzjonijiet li jistinkaw biex iżommu bilanċ bejn dawn iż-​żewġ estremi. Dawn il-​verżjonijiet tal-​Bibbja jipprovaw jittraduċu t-​tifsira u l-​ħsieb taʼ l-​espressjonijiet tal-​lingwa oriġinali waqt li wkoll jagħmlu t-​test faċli biex jinqara.

Huma t-​Traduzzjonijiet Kelma b’Kelma l-​Aqwa li Tistaʼ Tagħżel?

Spiss, traduzzjoni strettament kelma b’kelma m’hijiex l-​aqwa mod kif tesprimi t-​tifsira taʼ kull vers Bibliku. Għala le? Hemm għadd taʼ raġunijiet. Ħalli nsemmu tnejn:

1. Ebda żewġ lingwi m’huma eżatt l-​istess fil-​grammatika, fil-​vokabolarju, u fil-​binja tas-​sentenza. S. R. Driver, professur taʼ l-​Ebrajk, jgħid li l-​lingwi “ma jvarjawx biss fil-​grammatika u fl-​għeruq, imma wkoll . . . fil-​mod kif l-​ideat jibnu sentenza.” Nies li jitkellmu lingwi differenti jaħsbu b’modi differenti. “Għaldaqstant, il-​forom li jieħdu s-​sentenzi b’lingwi differenti m’humiex l-​istess,” ikompli l-​Professur Driver.

Ladarba ebda lingwa ma tirrifletti eżatt il-​vokabolarju u l-​grammatika taʼ l-​Ebrajk u l-​Grieg tal-​Bibbja, traduzzjoni tal-​Bibbja kelma b’kelma ma tkunx ċara u tistaʼ saħansitra tagħti t-​tifsira żbaljata. Ikkunsidra l-​eżempji li ġejjin.

Fl-ittra tiegħu lill-​Efesin, l-​appostlu Pawlu uża espressjoni li tiġi tradotta letteralment “fid-​dadi tal-​bnedmin.” (Efesin 4:14, The Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures)a Din l-​espressjoni tirreferi għall-​prattika taʼ li tqarraq b’oħrajn meta tuża d-​dadi. Madankollu, f’ħafna lingwi traduzzjoni letterali taʼ din l-​allużjoni ma tantx tagħmel sens. Mod iktar ċar kif tiġi tradotta t-​tifsira taʼ din l-​espressjoni hu “l-​ingann tan-​nies.”

Meta kiteb lir-​Rumani, Pawlu uża espressjoni Griega li tfisser letteralment “lill-​ispirtu jbaqbaq.” (Rumani 12;11, Kingdom Interlinear) Jagħmel sens dan il-​kliem bil-​lingwa tiegħek? Din l-​espressjoni fil-​fatt tfisser li nkunu “mħeġġin bl-​ispirtu.”

Matul wieħed mill-​iktar diskorsi famużi tiegħu, Ġesù uża espressjoni li spiss tiġi tradotta: “Imberkin il-​foqra fl-​ispirtu.” (Mattew 5:3) Imma traduzzjoni letterali taʼ din l-​espressjoni ma tinftihemx b’mod ċar b’ħafna lingwi. Kultant, traduzzjoni strettament letterali saħansitra timplika li “l-​foqra fl-​ispirtu” huma żbilanċjati mentalment jew neqsin mill-​vitalità u d-​determinazzjoni. Madankollu, hawnhekk Ġesù kien qed jgħallem lin-​nies li l-​hena tagħhom ma kienx jiddependi milli jissodisfaw il-​bżonnijiet fiżiċi tagħhom imma milli jirrikonoxxu li għandhom bżonn il-​gwida t’Alla. (Luqa 6:20) Għalhekk, traduzzjonijiet bħal “dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom” jew “dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla” jittraduċu iktar bir-​reqqa t-​tifsira taʼ din l-​espressjoni.—Mattew 5:3; The New Testament in Modern English.

2. It-​tifsira taʼ kelma jew t’espressjoni tistaʼ titbiddel skond il-​kuntest li tintuża fih. Per eżempju, l-​espressjoni Ebrajka li normalment tirreferi għall-​id umana jistaʼ jkollha varjetà kbira taʼ tifsiriet. Per eżempju, skond il-​kuntest, din il-​kelma tistaʼ tiġi tradotta “kontroll,” “id miftuħa,” jew “setgħa.” (2 Samwel 8:3, NW; 1 Slaten 10:13, NW; Proverbji 18:21) Fil-​fatt, din il-​kelma partikulari ġiet tradotta f’iktar minn 40 mod differenti fl-​edizzjoni bl-​Ingliż tan-​New World Translation of the Holy Scriptures.

Minħabba li l-​kuntest jistaʼ jeffettwa l-​mod kif tiġi tradotta kelma, in-​New World Translation tuża kważi 16,000 espressjoni bl-​Ingliż biex tittraduċi xi 5,500 terminu Bibliku Grieg, u tuża iktar minn 27,000 espressjoni bl-​Ingliż biex tittraduċi xi 8,500 terminu Ebrajk.b Għala hemm din il-​varjetà fil-​mod kif jiġi tradott il-​kliem? Il-​kumitat tat-​traduzzjoni ħass li kien iktar importanti li jittraduċi l-​aħjar sens taʼ dan il-​kliem skond il-​kuntest milli jipproduċi traduzzjoni strettament letterali. Xorta waħda, in-​New World Translation hi konsistenti kemm jistaʼ jkun meta tittraduċi kliem Ebrajk u Grieg bil-​vernakolu.

Jidher ċar li biex tittraduċi l-​Bibbja trid iktar minn sempliċi traduzzjoni konsistenti tal-​kelma tal-​lingwa oriġinali kulmeta tidher. It-​tradutturi jridu jużaw l-​għaqal sabiex jagħżlu kliem li jippreżenta l-​ideat tat-​test tal-​lingwa oriġinali bir-​reqqa u b’mod li jinftiehem. Iżjed minn hekk, il-​mod kif jifformaw il-​kliem u s-​sentenzi fit-​traduzzjoni tagħhom irid ikun fi qbil mar-​regoli tal-​grammatika tal-​vernakolu.

Xi Ngħidu Għal Traduzzjonijiet Liberi?

Tradutturi li jipproduċu dawk li spiss jissejħu Bibbji bil-​parafrażi, jew traduzzjonijiet liberi, ipoġġu l-​kliem tal-​lingwi oriġinali kif jogħġobhom. Kif? Huma jew idaħħlu l-​opinjoni tagħhom dwar dak li jistaʼ jfisser it-​test oriġinali jew inkella jħallu barra xi informazzjoni li jkun hemm fit-​test oriġinali. It-​traduzzjonijiet bil-​parafrażi għandhom mnejn jintgħoġbu minħabba li huma faċli biex jinqraw. Madankollu, minkejja l-​isforz li jkun sar għal dan l-​għan, kultant it-​tifsira tat-​test oriġinali ma tibqax tinftiehem jew titbiddel.

Ikkunsidra mod kif Bibbja waħda bil-​parafrażi tittraduċi t-​talba mudell magħrufa taʼ Ġesù: “Missierna fis-​smewwiet, uri min int.” (Mattew 6:9, The Message: The Bible in Contemporary Language) Traduzzjoni iktar eżatta tal-​kliem taʼ Ġesù tpoġġi din is-​silta b’dan il-​mod: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” Ukoll, innota l-​mod kif Ġwanni 17:26 jiġi tradott f’xi Bibbji. Skond traduzzjoni libera waħda, fil-​lejl taʼ l-​arrest tiegħu, Ġesù talab lil Missieru: “Għarrafthom min int.” (Today’s English Version) Madankollu, traduzzjoni iktar leali tat-​talba taʼ Ġesù tgħid: “Għarrafthom ismek.” Tistaʼ tinnota int kif xi tradutturi fil-​fatt jaħbu l-​fatt li Alla għandu isem li jrid jintuża u jiġi onorat?

Għala Għandna Noqogħdu Attenti?

Xi traduzzjonijiet liberi ma jispjegawx b’mod ċar il-​livelli morali li hemm fit-​test oriġinali. Per eżempju, The Message: The Bible in Contemporary Language tgħid fl-​1 Korintin 6:9, 10: “Ma tirrealizzax li m’għandekx tgħix b’dan il-​mod? Nies inġusti li ma jimpurtahomx minn Alla mhux se jingħaqdu mas-​saltna tiegħu. Dawk li jużaw [lil xulxin] u jabbużaw minn xulxin, jużaw is-​sess u jabbużaw minnu, jużaw l-​art u kulma fiha u jabbużaw minnhom, ma jikkwalifikawx bħala ċittadini fis-​saltna t’Alla.”

Qabbel din il-​verżjoni mat-​traduzzjoni iktar eżatta misjuba fin-​New World Translation: “X’inhu! Ma tafux li l-​inġusti ma jirtux is-​saltna t’Alla? Titqarrqux. La ż-​żienja, la l-​idolatri, la l-​adulteri, la l-​irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-​irġiel li jimteddu maʼ l-​irġiel, la l-​ħallelin, la r-​rgħiba, la s-​sakranazzi, la ż-​żeblieħa, lanqas l-​imbroljuni ma jirtu s-​saltna t’Alla.” Innota li d-​dettalji eżatti msemmijin mill-​appostlu Pawlu dwar liema tip taʼ kondotta għandna nevitaw lanqas biss huma msemmijin fit-​traduzzjoni libera.

Il-mod kif traduttur jifhem duttrina Biblika jistaʼ wkoll jeffettwalu xogħlu. Per eżempju, it-​Today’s English Version, li ġeneralment tissejjaħ il-​Good News Bible, tgħid li Ġesù jgħid lis-​segwaċi tiegħu: “Idħlu mill-​bieb id-​dejjaq, għaliex il-​bieb għall-​infern hu wiesaʼ u t-​triq li twassal għalih hija faċli, u hemm ħafna li jivvjaġġaw minnha.” (Mattew 7:13) It-​tradutturi daħħlu t-​terminu “infern” avolja r-​rakkont taʼ Mattew jgħid biċ-​ċar “qerda.” Għala għamlu hekk? X’aktarx li għax iridu jappoġġaw l-​idea li l-​ħżiena se jiġu turmentati għal dejjem, mhux meqrudin.c

Insibu l-​Aqwa Traduzzjoni

Min kiteb il-​Bibbja uża lingwi taʼ kuljum tan-​nies komuni, bħalma huma l-​bdiewa, ir-​rgħajja, u s-​sajjieda. (Neħemija 8:8, 12; Atti 4:13) Għalhekk, traduzzjoni tajba tal-​Bibbja tagħmel il-​messaġġ li fiha disponibbli għal min hu sinċier, huma x’inhuma l-​kultura u t-​trobbija tiegħu. Traduzzjoni tajba tagħmel dan li ġej ukoll:

◗ Tittraduċi b’eżattezza l-​messaġġ oriġinali li ġie mnebbaħ minn Alla.—2 Timotju 3:16.

◗ Tittraduċi letteralment it-​tifsira tal-​kliem meta l-​mod kif jitpoġġa l-​kliem u l-​istruttura tat-​test oriġinali jippermettu li ssir traduzzjoni bħal din bil-​vernakolu.

◗ Tagħti s-​sens korrett taʼ kelma jew frażi meta t-​traduzzjoni letterali taʼ l-​espressjoni tal-​lingwa oriġinali tgħawweġ it-​tifsira jew tinftiehem ħażin.

◗ Tuża lingwa naturali li tinftiehem faċilment biex tinkuraġġixxi lil dak li jkun ħalli jaqraha.

Hi disponibbli traduzzjoni bħal din? Miljuni taʼ qarrejja taʼ din ir-​rivista jippreferu jużaw in-​New World Translation. Għala? Għaliex jaqblu mal-​metodu li uża l-​kumitat tat-​traduzzjoni tagħha, kif hemm imniżżel fid-​daħla taʼ l-​ewwel edizzjoni bl-​Ingliż: “M’użajna ebda parafrażi taʼ l-​Iskrittura. Aħna stinkajna dejjem biex nagħmlu traduzzjoni letterali kemm jistaʼ jkun, fejn l-​idjomi taʼ l-​Ingliż modern kienu jippermettu u fejn traduzzjoni letterali ma kinitx taħbi t-​tifsir jew tinstemaʼ stramba.”

In-New World Translation ġiet stampata sħiħa jew parti minnha b’iktar minn 60 lingwa, u bħala total ġew stampati iktar minn 145,000,000 kopja! Jekk hi disponibbli bil-​lingwa tiegħek, għala ma tistaqsix lix-​Xhieda taʼ Ġeħova għal kopja u tara għalik innifsek il-​benefiċċji taʼ din it-​traduzzjoni eżatta?

Studenti sinċieri tal-​Bibbja jridu jifhmu sew il-​messaġġ imnebbaħ minn Alla u jaġixxu fuqu. Jekk int wieħed minn dawn l-​uħud għandek bżonn traduzzjoni eżatta tal-​Bibbja. Tabilħaqq, hekk jistħoqqlok.

[Noti taʼ taħt]

a Traduzzjoni interlineari tippermetti lill-​qarrej biex jara traduzzjoni letterali taʼ kull kelma flimkien mat-​test tal-​lingwa oriġinali.

b Taʼ min jinnota li xi traduzzjonijiet bl-​Ingliż tal-​Bibbja jużaw varjetà akbar t’ekwivalenti min-​New World Translation, u b’hekk huma inqas konsistenti.

c Il-Bibbja tgħallem li fil-​mewt nerġgħu lura lejn it-​trab, li r-​ruħ tmut, u li ma jibqax ikollna ħsibijiet jew sentimenti. (Ġenesi 3:19; Koħèlet 9:5, 6; Eżekjel 18:4, Karm Żammit) Imkien ma tgħallem li l-​erwieħ tal-​ħżiena jbatu turment etern f’infern tan-​nar.

[Kumment f’paġna 21]

It-​traduzzjonijiet bil-​parafrażi għandhom mnejn jintgħoġbu minħabba li huma faċli biex jinqraw. Madankollu, minkejja l-​isforz li jkun sar għal dan l-​għan, kultant it-​tifsira tat-​test oriġinali ma tibqax tinftiehem jew titbiddel

[Kumment f’paġna 22]

In-​New World Translation of the Holy Scriptures ġiet stampata sħiħa jew parti minnha b’iktar minn 60 lingwa, u bħala total ġew stampati iktar minn 145,000,000 kopja!

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 20]

PARAFRAŻI TAL-​QEDEM

Il-​parafrażijiet, jew it-​traduzzjonijiet liberi, tal-​Bibbja m’humiex xi ħaġa ġdida. Fil-​qedem, il-​Lhud ġabru dawk li llum insejħulhom it-​Targumi Aramajċi, jew parafrażijiet mhux illegati taʼ l-​Iskrittura. Għalkemm m’humiex traduzzjonijiet eżatti, dawn jirrivelaw kif il-​poplu Lhudi fehem xi testi u jgħinu lit-​tradutturi biex jiddeterminaw it-​tifsira taʼ xi siltiet diffiċli. Per eżempju, f’Ġob 38:7, il-​kliem “ulied Alla” hu spjegat li jfisser “gruppi t’anġli.” F’Ġenesi 10:9, it-​Targumi jindikaw li l-​prepożizzjoni Ebrajka użata biex tiddeskrivi lil Nimrod iġġorr it-​tifsira ostili “kontra” jew “f’oppożizzjoni għal” minflok ma tfisser sempliċement “quddiem” b’sens newtrali. Dawn il-​parafrażijiet jintużaw flimkien mat-​test Bibliku imma qatt ma kienu maħsubin biex jieħdu post il-​Bibbja nfisha.

[Stampa]

SEZZJONI TAL-​“BIBLIA POLYGLOTTA” TAʼ WALTON, LI TLESTIET FL-​1657 ĠOB 38:1-15

Test Ebrajk tal-​Bibbja (bit-Traduzzjoni Interlineari bil-​Latin)

Test li jikkorrispondi miegħu tat-​Targum Aramajk

[Stampa f’paġna 19]

SEZZJONI MINN “THE KINGDOM INTERLINEAR TRANSLATION OF THE GREEK SCRIPTURES,” EFESIN 4:14

Il-​kolonna tax-​xellug turi traduzzjoni kelma b’kelma. Il-​kolonna tal-​lemin turi traduzzjoni tat-​tifsira

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 18]

Sfond: Shrine of the Book, Israel Museum, Jerusalem

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja