Il-Wiċċ li Dejjem Jinbidel tal-“Kristjanità”—Jogħġbu Dan lil Alla?
IMMAĠINA ftit kieku kellek tqabbad pittur biex jagħmel pittura tiegħek. Meta jlestiha, tkun ferħan ħafna x’ħin tara li hi xbieha perfetta tiegħek. Iġġib quddiem għajnejk lil uliedek, ulied uliedek, u wlied uliedhom u tarahom iħarsu lejn il-pittura kollhom kburin.
Madankollu, snin wara, wieħed mid-dixxendenti tiegħek jaħseb li tkun tidher ferm aħjar kieku kellek iktar xagħar fuq quddiem, u għalhekk iqabbad lil xi ħadd biex iżidlek ftit iktar. Dixxendent ieħor ma togħġbux il-forma taʼ mnieħrek, u għalhekk iqabbad lil xi ħadd biex jirranġahulek. Minn ġenerazzjoni għal oħra, jibqaʼ jsir iktar “titjib” bħal dan, sakemm maż-żmien il-pittura ftit li xejn tibqaʼ tixbhek. Kieku kont taf x’se jiġri, kif kont tħossok? Bla dubju taʼ xejn kont tirrabja.
Sfortunatament, l-istorja taʼ din il-pittura fil-fatt hija l-istorja taʼ l-hekk imsejħa knisja Kristjana. L-istorja turi li ftit wara li mietu l-appostli taʼ Kristu, il-wiċċ uffiċjali tal-“Kristjanità” beda jinbidel, preċiż bħalma bassret il-Bibbja.—Mattew 13:24-30; 37-43; Atti 20:30.a
M’għandniex xi ngħidu, m’hemm xejn ħażin f’li tapplika l-prinċipji tal-Bibbja għal diversi kulturi u żminijiet. Iżda li tibdel it-tagħlim tal-Bibbja biex jiġi jaqbel maʼ opinjonijiet popolari hija xi ħaġa kompletament differenti. U fil-fatt, ġara preċiż hekk. Ikkunsidra, per eżempju, il-bidliet li saru f’diversi aspetti importanti.
Il-Knisja Tingħaqad maʼ l-Istat
Ġesù għallem li l-ħakma, jew is-Saltna, tiegħu hija waħda mis-sema, u li maż-żmien din kellha teqred kull saltna tal-bniedem u taħkem fuq l-art kollha. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) Ma kellhiex taħkem permezz taʼ sistemi politiċi umani. “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja,” qal Ġesù. (Ġwann 17:16; 18:36) B’hekk, id-dixxipli taʼ Ġesù, għalkemm kienu jobdu l-liġi, ma kellhom ebda sehem fil-politika.
Madankollu, sa żmien l-Imperatur Ruman Kostantinu fir-rabaʼ seklu, ħafna minn dawk li kienu jgħidu li huma Kristjani kienu xebgħu jistennew biex Kristu jerġaʼ lura u tiġi stabbilita s-Saltna t’Alla. Bil-mod il-mod, l-attitudni tagħhom lejn il-politika nbidlet. “Qabel Kostantinu,” jgħid il-ktieb Europe—A History, “il-Kristjani qatt ma fittxew li jiksbu l-poter [politiku] bħala mezz biex javanzaw it-twemmin u l-iskopijiet tagħhom. Wara Kostantinu, il-Kristjanità u l-karigi politiċi għoljin imxew id f’id.” Il-Kristjanità bil-libsa l-ġdida tagħha saret ir-reliġjon uffiċjali “universali,” jew “kattolika” taʼ l-Imperu Ruman.
L-enċiklopedija Great Ages of Man tgħid li minħabba din ir-rabta bejn il-Knisja u l-Istat, “sas-sena 385 A.D., 80 sena biss wara l-aħħar mewġa kbira taʼ persekuzzjoni fuq il-Kristjani, il-Knisja stess kienet bdiet tagħti l-mewt lill-eretiċi, u l-membri tal-kleru kellhom poter kważi daqs l-imperaturi.” B’hekk bdiet era fejn ix-xabla ħadet post il-persważjoni bħala l-mezz biex jiġu konvertiti n-nies, u minflok il-predikaturi umlin taʼ l-ewwel seklu issa kien hemm il-kleru għatxan għall-poter, li kien kiseb titli taʼ nobbiltà. (Mattew 23:9, 10; 28:19, 20) Il-kittieb taʼ l-istorja H. G. Wells kiteb dwar “id-differenzi kbar taʼ bejn” il-Kristjanità fir-rabaʼ seklu “u t-tagħlim taʼ Ġesù taʼ Nazaret.” Dawn id-“differenzi kbar” effettwaw saħansitra t-tagħlim fundamentali dwar Alla u Kristu.
Forma Ġdida għal Alla
Kristu u d-dixxipli tiegħu għallmu li hemm biss ‘Alla wieħed, il-Missier,’ li hu distint minn oħrajn permezz taʼ l-isem persunali tiegħu, Jehovah, li jidher xi 7,000 darba fl-iktar manuskritti antiki tal-Bibbja. (1 Korintin 8:6; Salm 83:19 [83:18, NW]) Ġesù ġie maħluq minn Alla; hu l-“kbir fost il-ħlejjaq kollha.” (Kolossin 1:15) B’hekk, bħala esseri li ġie maħluq, Ġesù setaʼ jgħid bl-onestà kollha: “Il-Missier hu akbar minni.”—Ġwann 14:28.
Iżda sat-tielet seklu, ċerti membri tal-kleru, li kellhom influwenza kbira fuq in-nies u li kien jogħġobhom ħafna t-tagħlim trinitarjan taʼ Platun, filosfu Grieg pagan, bdew jagħtu forma ġdida lil Alla sabiex jiġi jaqbel mal-forma Trinitarjana. Fis-sekli taʼ wara, din id-duttrina, kuntrarju għal dak li tgħid l-Iskrittura, għolliet lil Ġesù għal pożizzjoni ugwali għal dik taʼ Jehovah u lill-ispirtu qaddis, jew il-forza attiva, t’Alla għamlitu persuna.
Rigward il-fatt li l-knisja adottat l-idea pagana tat-Trinità, in-New Catholic Encyclopedia tgħid: “Il-forma komposta ‘Alla wieħed fi tliet Persuni’ ma kinitx rabbiet għeruq sodi, u hija ħaġa ċerta li din ma kinitx saret parti mill-ħajja tal-Kristjani u l-fidi li dawn kienu jħaddnu, qabel it-tmiem tar-rabaʼ seklu. Imma hija preċiż din il-forma komposta li serviet bħala l-bażi għat-titlu id-domma Trinitarjana. Fost il-Missirijiet Appostoliċi, ma kien hemm lanqas l-iċken ħjiel taʼ mentalità jew fehma bħal din.”
B’mod simili, The Encyclopedia Americana tgħid: “It-Trinitarjaniżmu tar-rabaʼ seklu ma kienx jirrifletti b’mod eżatt it-tagħlim tal-Kristjani tal-bidu dwar in-natura t’Alla; għall-kuntrarju, kien żvija sew minn dan it-tagħlim.” The Oxford Companion to the Bible lit-Trinità jsejħilha waħda minn għadd taʼ “ideat taʼ twemmin li ġew ivvintati iktar tard.” Madankollu, it-Trinità ma kinitx l-unika idea pagana li saret parti mit-tagħlim tal-knisja.
Libsa Ġdida għar-Ruħ
Illum, ħafna nies jemmnu li l-bniedem għandu ruħ immortali li tibqaʼ ħajja wara li jmut il-ġisem. Imma kont taf li dan it-tagħlim tal-knisja wkoll kien ġie miżjud iktar tard? Ġesù kkonferma l-verità Biblika li l-mejtin “ma jafu xejn,” li huma bħallikieku reqdin. (Koħèlet 9:5; Ġwann 11:11-13) Il-ħajja kellha terġaʼ tingħata lura permezz taʼ l-irxoxt, jiġifieri ‘li wieħed jerġaʼ jqum bil-wieqfa’ mir-raqda tal-mewt. (Ġwann 5:28, 29) Kieku r-ruħ immortali teżisti tassew, ma jkun meħtieġ ebda rxoxt, għax jekk hi immortali ma tistax tmut.
Ġesù ta prova tat-tagħlim Bibliku taʼ l-irxoxt saħansitra billi qajjem lin-nies mill-mewt. Ejja nieħdu l-eżempju taʼ Lazzru, li kien ilu mejjet erbat ijiem. Meta Ġesù rxoxtah, Lazzru ħareġ mill-qabar bħala bniedem ħaj li jieħu n-nifs. Ma niżlitx xi ruħ immortali mis-sema fejn kienet qed tgawdi u daħlet f’ġisem Lazzru meta qam mill-mewt. Kieku ġara hekk, żgur li Ġesù m’għamillux xi pjaċir lil Lazzru billi rxoxtah!—Ġwann 11:39, 43, 44.
Allura minn fejn ġiet it-teorija tar-ruħ immortali? The Westminster Dictionary of Christian Theology jgħid li dan it-twemmin “ġej iktar mill-filosofija Griega milli minn dak li tgħid il-Bibbja.” The Jewish Encyclopedia tispjega: “It-twemmin li r-ruħ tkompli teżisti wara li jintemm il-ġisem ġej minn spekulazzjoni bbażata fuq il-filosofija jew it-teoloġija u mhux mill-fidi waħedha, u fil-fatt fl-Iskrittura Mqaddsa dan ma hu mgħallem imkien b’mod definit.”
Taʼ spiss jiġri li gidba waħda twassal għal oħra, u hekk ġara fil-każ tat-tagħlim tar-ruħ immortali. Dan fetaħ it-triq għall-idea pagana tat-turment etern f’infern bin-nar.b Madankollu, il-Bibbja tistqarr ċar u tond li “l-ħlas tad-dnub hu l-mewt”—mhux it-turment etern. (Rumani 6:23) B’hekk, meta tiddeskrivi l-irxoxt, il-King James Version tgħid: “Il-baħar radd il-mejtin li kien hemm fih; u l-mewt u l-infern raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom.” B’mod simili, il-Bibbja Douay tgħid li “l-baħar . . . u l-mewt u l-infern raddew il-mejtin tagħhom.” Iva, fi kliem sempliċi, dawk li qegħdin fl-infern huma mejtin, ‘reqdin,’ bħalma qal Ġesù.—Apokalissi 20:13.
Temmen int sinċerament li t-tagħlim taʼ kundanna eterna fl-infern jiġbed lin-nies lejn Alla? Ma tantx hu probabbli. Għal nies ġusti u li jħobbu, dan il-ħsieb jimbottahom! Mill-banda l-oħra, il-Bibbja tgħallem li “Alla hu mħabba” u li l-kattiverija, saħansitra fuq l-annimali, hija xi ħaġa li jobgħodha.—1 Ġwann 4:8; Proverbji 12:10; Ġeremija 7:31; Ġona 4:11.
Ħsara lill-“Pittura” fi Żmienna
Il-ħsara lil Alla u lill-Kristjanità għadha ssir sal-lum. Dan l-aħħar, professur tar-reliġjon iddeskriva l-konflitt fil-knisja Protestanta, li hu membru tagħha, bħala konflitt “bejn l-awtorità taʼ l-Iskrittura u t-twemmin reliġjuż fuq naħa, u l-awtorità taʼ twemmin oppost li jirrifletti l-idea li l-bniedem m’għandux bżonn ir-reliġjon biex ikollu suċċess fuq in-naħa l-oħra. Il-knisja tinsab ukoll f’konflitt jekk iżżommx il-lealtà tagħha lejn Kristu bħala l-Mulej jew jekk taddattax u tibdilx il-Kristjanità biex tiġi taqbel maʼ l-ideat taż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Il-kwistjoni li hemm fin-nofs hi din: Min għandu jkun li jiddeċiedi liema twemmin għandha tħaddan il-knisja . . . l-Iskrittura Mqaddsa jew it-twemmin reliġjuż li jinfluwenza lin-nies l-iktar fiż-żminijiet li jkunu qed jgħixu fihom?”
Sfortunatament, “it-twemmin reliġjuż li jinfluwenza lin-nies l-iktar fiż-żminijiet li jkunu qed jgħixu fihom” xorta waħda għadu qed jirbaħ. Per eżempju, kulħadd jaf li ħafna knejjes biddlu l-ħarsa tagħhom dwar diversi kwistjonijiet ħalli b’hekk jidhru progressivi u moħħhom miftuħ. Bħalma ntqal fl-artiklu tal-bidu, il-knejjes naqqsu ħafna mil-limiti taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, speċjalment fejn tidħol il-moralità. Madankollu, dak li tgħid il-Bibbja ma jħalli l-ebda dubju li l-fornikazzjoni, l-adulterju, u l-omosesswalità huma dnubiet gravi f’għajnejn Alla u li dawk li jipprattikaw dnubiet bħal dawn ‘ma jirtux is-saltna t’Alla.’—1 Korintin 6:9, 10; Mattew 5:27-32; Rumani 1:26, 27.
Meta l-appostlu Pawlu kiteb il-kliem li hu kwotat hawn fuq, fid-dinja Griega-Rumana taʼ madwaru kien hemm abbundanza kbira taʼ kull xorta taʼ ħażen. Pawlu setaʼ rraġuna: ‘Veru, Alla lil Sodoma u Gomorra ġabhom irmied minħabba d-dnubiet sesswali gravi li kienu jsiru fihom, imma dak ġara 2,000 sena ilu! Żgur li dan m’għadux jgħodd illum meta kulħadd tgħallem u sar iktar moħħu miftuħ.’ Madankollu, hu ma qagħadx jipprova jiġġustifika s-sitwazzjoni, iżda rrifjuta li jgħawweġ il-verità tal-Bibbja.—Galatin 5:19-23.
Ħares lejn il-“Pittura” Oriġinali
Hu u jkellem lill-mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu, Ġesù qal li l-qima tagħhom kienet ‘fiergħa, għax huma kienu jgħallmu duttrina li ma kinitx għajr preċetti tal-bniedem.’ (Mattew 15:9) Lil-Liġi li Jehovah ta permezz taʼ Mosè, dawk il-membri tal-kleru għamlulha l-istess ħaġa li għamel u għadu jagħmel illum il-kleru tal-Kristjaneżmu lit-tagħlim taʼ Kristu—huma waddbu ż-“żebgħa” tat-tradizzjoni fuq il-verità t’Alla. Imma Ġesù neħħa l-gideb kollu għall-benefiċċju taʼ nies taʼ qalb onesta. (Mark 7:7-13) Ġesù tkellem il-verità, sew jekk kienet iddoqq għal widnejn in-nies u sew jekk le. L-awtorità tiegħu dejjem kienet il-Kelma t’Alla.—Ġwann 17:17.
X’kuntrast qawwi hemm bejn Ġesù u l-biċċa l-kbira taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani! Huwa preċiż bħalma bassret il-Bibbja: “In-nies se jkunu għatxana għal kull ħaġa ġdida u jiġbru . . . għalliema skond il-gosti tagħhom; u mbagħad, minflok ma jagħtu widen għall-verità, iduru għall-ħrejjef.” (2 Timotju 4:3, 4, The Jerusalem Bible) Dawn il-“ħrejjef,” li għadna kif ikkunsidrajna ftit minnhom, jistgħu jikkaġunaw qerda spiritwali, filwaqt li l-verità tal-Kelma t’Alla tibni, u twassal għall-ħajja taʼ dejjem. Din hija l-verità li x-Xhieda taʼ Jehovah jinkuraġġuk li tistudja bir-reqqa.—Ġwann 4:24; 8:32; 17:3.
[Noti taʼ taħt]
a Bħalma wera Ġesù fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana kif ukoll fit-tixbieha tiegħu tat-triq il-wiesgħa u t-triq id-dejqa (Mattew 7:13, 14), il-Kristjanità vera kellha tibqaʼ tiġi prattikata minn xi wħud matul iż-żminijiet. Madankollu, dawn kellhom ikunu ftit ferm ħdejn il-maġġuranza tan-nies, li huma mqabblin mas-sikrana, u li kellhom isostnu li huma u t-tagħlim tagħhom kienu jirrappreżentaw il-wiċċ veru tal-Kristjanità. Dan hu l-wiċċ li jirreferi għalih l-artiklu.
b Il-kelma “infern” hija traduzzjoni tal-kelma Ebrajka Xeol u l-kelma Griega Ħades, li t-tnejn li huma jfissru sempliċement “il-qabar.” Fit-traduzzjoni bil-Malti taʼ P. P. Saydon, insibu li l-kelma Ħades ġiet tradotta erbaʼ darbiet bħala “infern,” darbtejn bħala “mwiet” u erbaʼ darbiet bħala “post il-mejtin” jew “post l-imwiet.” B’hekk, dan juri li dawn it-termini bażikament ifissru l-istess ħaġa. Jekk jogħġbok ara wkoll in-nota taħt “infern” fil-glossarju tat-Testment il-Ġdid, tradott mill-Għaqda Biblika Maltija fl-1977.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
L-Oriġni tal-Isem Kristjan
Għal minn taʼ l-inqas għaxar snin wara l-mewt taʼ Ġesù, is-segwaċi tiegħu kienu magħrufin maʼ dawk taʼ madwarhom bħala nies li kienu mexjin fit-“Triq tal-Mulej.“ (Atti 9:2; 19:19, 23:22:4) Għala? Għaliex il-ħajja tagħhom kienet ibbażata fuq il-fidi fʼĠesù Kristu, li hu “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.” (Ġwann 14:6) Imbagħad, xi żmien wara s-sena 44 E.K., fʼAntjoka tas-Sirja, id-dixxipli ta’ Ġesù bdew jissejħu Kristjani, skond id-direzzjoni li kienu ngħataw mingħand Alla. (Atti 11:26) Dan l-isem malajr ġie aċċettat u beda jintuża, saħansitra minn uffiċjali governattivi. (Atti 26:28, NW) L-isem il-ġdid ma biddilx il-mod kif kienu jgħixu l-Kristjani, li komplew iżommu lil Kristu bħala l-eżempju li għandhom jimitaw.—1 Pietru 2:21.
[Stampi f’paġna 7]
Permezz tal-ministeru pubbliku tagħhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah jidderieġu lin-nies lejn il-Kelma t’Alla, il-Bibbja
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 4]
It-tielet mix-xellug: Ġnus Magħquda/Ritratt minn Saw Lwin