Ġeħova Hu r-Ragħaj Tagħna
“Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.” —SALM 23:1.
1-3. Għala m’aħniex sorpriżi li David qabbel lil Ġeħova maʼ ragħaj?
KIEKU xi ħadd kellu jistaqsik tispjega l-mod kif Ġeħova jieħu ħsieb lill-poplu tiegħu, kif kont twieġeb? Liema tixbiha kont tuża li tesprimi l-imħabba tenera li juri lejn il-qaddejja leali tiegħu? Iktar minn 3,000 sena ilu, is-salmista rjali David niżżel bil-miktub deskrizzjoni mill-isbaħ dwar Ġeħova billi uża tixbiha li ħadha mix-xogħol li kien jagħmel hu stess iktar kmieni f’ħajtu.
2 Meta kien żagħżugħ David kien ragħaj, allura kien jaf kif jieħu ħsieb in-nagħaġ. Hu kien jaf sew li n-nagħaġ, jekk ma jiħux ħsiebhom, jintilfu faċilment u jsiru priża faċli għall-ħallelin jew il-bhejjem salvaġġi. (1 Samwel 17:34-36) Mingħajr ragħaj li jieħu ħsiebhom, huma jistgħu ma jsibux il-mergħa u l-ikel tagħhom. Iktar tard f’ħajtu, David żgur li kien jgħożż il-memorji tal-ħafna sigħat li qattaʼ jmexxi, jipproteġi, u jitmaʼ lin-nagħaġ.
3 Mhux taʼ b’xejn li David ħaseb fix-xogħol taʼ ragħaj meta ġie ispirat biex jiddeskrivi kif Ġeħova jieħu ħsieb lill-poplu tiegħu. Salm 23, miktub minn David, jibda bil-kliem: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.” Ejja nikkunsidraw għala din hija stqarrija xierqa. Imbagħad, bl-għajnuna taʼ Salm 23, se naraw b’liema modi Ġeħova jieħu ħsieb lill-aduraturi tiegħu bħalma ragħaj jieħu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu.—1 Pietru 2:25.
Xebh Adattat
4, 5. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-karatteristiki tan-nagħaġ?
4 Ġeħova jingħata ħafna titli fl-Iskrittura, imma d-deskrizzjoni taʼ “Ragħaj” hi waħda mill-iktar li tesprimi tenerezza. (Salm 80:2 [80:1, NW]) Biex nifhmu aħjar għala Ġeħova jixraqlu li jissejjaħ Ragħaj, ikun t’għajnuna għalina li nifhmu żewġ affarijiet: l-ewwel, il-karatteristiki tan-nagħaġ u t-tieni, ix-xogħol u l-kwalitajiet taʼ ragħaj tajjeb.
5 Il-Bibbja spiss tirreferi għall-karatteristiki tan-nagħaġ meta tiddeskrivihom bħala li jwieġbu mill-ewwel għall-affezzjoni tar-ragħaj (2 Samwel 12:3), li m’humiex aggressivi (Isaija 53:7), u li ma jifilħux jiddefendu lilhom infushom. (Mikea 5:7 [5:8, NW]) Kittieb wieħed li rabba n-nagħaġ għal għadd taʼ snin kiteb: “In-nagħaġ ma jafux ‘sempliċement jieħdu ħsieb tagħhom infushom’ bħalma jistgħu jaħsbu xi wħud. Huma jeħtieġu attenzjoni bla waqfien u kura bir-reqqa, iktar minn kwalunkwe tip ieħor taʼ bhima domestika.” Biex jibqgħu ħajjin, dawn il-ħlejjaq li ma jifilħux jiddefendu lilhom infushom għandhom bżonn ragħaj li jieħu ħsiebhom.—Eżekjel 34:5.
6. Dizzjunarju Bibliku kif jiddeskrivi ġurnata tipika fil-ħajja taʼ ragħaj fl-antik?
6 Ragħaj fl-antik kif kien iqattaʼ l-ġurnata? Dizzjunarju Bibliku jispjega: “Kmieni fil-għodu kien joħroġ il-merħla mill-maqjel, u jimxi quddiemha sal-post fejn kellha tirgħa. Imbagħad kien iħarisha l-jum kollu u joqgħod attent li ebda waħda min-nagħaġ ma titbiegħed, u jekk xi waħda għal xi ftit tal-ħin taħrab minn taħt għajnejh u titbiegħed mill-oħrajn, hu kien ifittex bil-ħerqa sakemm isibha u jġibha lura. . . . Bil-lejl kien iġib il-merħla lura lejn il-maqjel, jgħodd in-nagħaġ hekk kif jgħaddu minn taħt lasta li tkun fil-bieb biex ikun ċert li ebda waħda m’hi nieqsa. . . . Spiss hu kien ikollu jgħasses il-merħla matul il-lejl mill-attakki taʼ bhejjem feroċi, jew mill-attakki makakki taʼ xi ħalliel li jkun qed iħuf.”a
7. Ir-ragħaj għala kellu xi drabi juri iktar paċenzja u tenerezza?
7 Kien hemm drabi meta n-nagħaġ, speċjalment dawk li jkunu se jixtru u l-ħrief, kienu jeħtieġu iktar paċenzja u tenerezza. (Ġenesi 33:13) Xogħol wieħed taʼ referenza mill-Bibbja jgħid: “Spiss, il-frieħ tal-merħla jitwieldu fuq il-muntanji fl-imwarrab. Ir-ragħaj iħares lill-omm b’attenzjoni waqt il-mumenti meta tkun bla difiża u jiġbor il-ħaruf u jġorru lejn il-maqjel. Għal ftit ġranet, sakemm ikun jistaʼ jimxi, għandu mnejn iġorru f’idejh jew fid-drapp wiesaʼ tal-libsa taʼ fuq tiegħu.” (Isaija 40:10, 11) Jidher ċar li ragħaj tajjeb kien jeħtieġ kemm kwalitajiet taʼ qawwa kif ukoll taʼ tenerezza.
8. David jagħti liema raġunijiet għall-fiduċja tiegħu f’Ġeħova?
8 “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi”—m’hijiex din stqarrija xierqa għal Missierna tas-sema? Hekk kif neżaminaw Salm 23, se naraw kif Alla jieħu ħsiebna bil-qawwa u t-tenerezza taʼ ragħaj. Fl-ewwel vers, David jesprimi l-fiduċja tiegħu li Alla se jipprovdi kulma hu neċessarju għan-nagħaġ Tiegħu ħalli ‘ma jkun jonqoshom xejn.’ Fil-versi taʼ wara, David isemmi tliet raġunijiet għall-fiduċja tiegħu: Ġeħova jmexxi, jipproteġi, u jitmaʼ lin-nagħaġ Tiegħu. Ejja niddiskutuhom waħda waħda.
“Imexxini”
9. David liema xena taʼ paċi jiddeskrivi, u n-nagħaġ tiegħu kif kellhom isibu ruħhom f’post bħal dan?
9 L-ewwelnett, Ġeħova jmexxi lill-poplu tiegħu. David jikteb: “F’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.” (Salm 23:2, 3) Merħla nagħaġ mixħuta fil-paċi qalb l-abbundanza—hawnhekk David qed ipinġi xena taʼ kuntentizza, serħan, u sigurtà. Il-kelma Ebrajka għal “mergħat” tistaʼ tfisser “post sabiħ.” Wisq probabbli li waħedhom in-nagħaġ ma jafux isibu post fejn jinxteħtu fil-paċi. Ir-ragħaj irid imexxihom lejn “post sabiħ” bħal dan.
10. Alla kif juri l-fiduċja tiegħu fina?
10 Ġeħova kif imexxina llum? Mod wieħed kif jagħmel dan hu bl-eżempju. Il-Kelma tiegħu tħeġġiġna, “imitaw lil Alla.” (Efesin 5:1) Il-kuntest taʼ dan il-kliem isemmi l-mogħdrija, il-maħfra, u l-imħabba. (Efesin 4:32; 5:2) Żgur li Ġeħova jagħtina l-aqwa eżempju minħabba li juri dawn il-kwalitajiet li jġagħluk tħobbu. Jistaʼ jkun li m’huwiex realistiku meta jitlobna nimitawh? Le. Dan il-parir ispirat fil-fatt hu espressjoni meraviljuża tal-fiduċja tiegħu fina. B’liema mod? Aħna magħmulin fuq xbihat Alla, jiġifieri aħna mżejnin bi kwalitajiet morali u bil-kapaċità għal affarijiet spiritwali. (Ġenesi 1:26) Għalhekk, Ġeħova jaf li minkejja l-imperfezzjonijiet tagħna, aħna għandna l-potenzjal li nikkultivaw l-istess kwalitajiet li jurina hu bl-eżempju tiegħu. Aħseb ftit—Alla tagħna kollu mħabba għandu fiduċja fina li nistgħu nkunu bħalu. Jekk insegwu l-eżempju tiegħu, hu bħallikieku se jmexxina lejn “post sabiħ” għall-mistrieħ. F’nofs din id-dinja vjolenti, aħna se ngħixu “fis-sod,” u nesperjenzaw il-paċi li tiġi mill-fatt li nafu li għandna l-approvazzjoni t’Alla.—Salm 4:8; 29:11.
11. Meta jmexxi lin-nagħaġ tiegħu, Ġeħova x’jikkunsidra, u dan kif jintwera minn dak li jitlob minna?
11 Meta jmexxina, Ġeħova juri t-tenerezza u l-paċenzja. Ragħaj jikkunsidra l-limitazzjonijiet tan-nagħaġ tiegħu, u allura hu jmexxihom “skond il-pass tal-bhejjem.” (Ġenesi 33:14) Ġeħova bl-istess mod imexxi lin-nagħaġ tiegħu “skond il-pass” tagħhom. Hu jikkunsidra l-abbiltajiet u ċ-ċirkustanzi tagħna. Fil-fatt, hu jaġġusta l-pass, mingħajr ma jitlobna iktar minn kemm nistgħu nagħtu. Dak li jitlobna hu li nagħmlu kollox b’ruħna kollha. (Kolossin 3:23) Imma xi ngħidu jekk int avanzat fl-età u ma tistax tagħmel daqs kemm kont tagħmel qabel? Jew xi ngħidu jekk għandek marda serja li tillimitak? F’dan naraw kemm hi importanti l-ħtieġa li nagħmlu kollox b’ruħna kollha. L-ebda żewġ individwi ma huma eżatt l-istess. Il-fatt li taqdi b’ruħek kollha jfisser li tuża s-saħħa u l-enerġija tiegħek kemm jistaʼ jkun possibbli għalik fis-servizz t’Alla. Minkejja d-dgħjufijiet li jistgħu jeffettwaw il-pass tiegħek, Ġeħova japprezza l-qima tagħna li nagħtuh b’qalbna kollha.—Marku 12:29, 30.
12. Liema eżempju mil-Liġi Mosajka juri li Ġeħova jmexxi lin-nagħaġ tiegħu “skond il-pass” tagħhom?
12 Biex nagħtu eżempju taʼ kif Ġeħova jmexxi lin-nagħaġ tiegħu “skond il-pass” tagħhom, ikkunsidra dak li jingħad dwar ċerti offerti tal-ħtija fil-Liġi Mosajka. Ġeħova ried offerti tajbin offruti minn qlub mimlijin gratitudni. Fl-istess ħin, l-offerti kienu jiġu klassifikati skond kemm ikun jiflaħ min joffrihom. Il-Liġi kienet tgħid: “Jekk ma jkunx jistaʼ jagħti mill-merħla, iġib . . . żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet.” U jekk ma jkunx jaffordja saħansitra żewġ ħamimiet? F’dan il-każ, setaʼ jġib ftit “smid.” (Levitiku 5:7, 11) Dan juri li Alla ma jitlobx iktar minn dak li jistaʼ joffri l-individwu. Ladarba Alla ma jinbidilx, nistgħu nħossuna mfarrġin minħabba li nafu li hu qatt ma jitlob minna iktar minn dak li nistgħu nagħtu; minflok, hu jieħu pjaċir jaċċetta dak li nistgħu nagħtuh. (Malakija 3:6) Kemm nieħdu pjaċir li aħna mmexxijin minn Ragħaj li jifhimna!
“Ma Nibżax mill-Ħsara, għax Inti Miegħi”
13. F’Salm 23:4, David kif jitkellem b’mod iktar intimu, u dan għala ma jissorprendiniex?
13 David jagħti t-tieni raġuni għall-fiduċja tiegħu: Ġeħova jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu. Naqraw: “Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni.” (Salm 23:4) David issa jitkellem b’mod iktar intimu, għaliex jindirizza lil Ġeħova bil-pronom “inti.” Dan ma jissorprendiniex, għaliex David kien qed jitkellem dwar kif Alla għenu jissaporti l-għawġ. David għadda minn ħafna widien mudlama—żminijiet meta ħajtu stess kienet fil-periklu. Imma hu ma ħalliex il-biżaʼ jaħkmu, għaliex hu ħass li Alla kien miegħu, “bil-ħatar” u “l-għasluġ” Tiegħu lesti biex jużahom meta jkun hemm bżonn. Minħabba li kien jaf b’din il-protezzjoni, David ħassu mfarraġ u żgur li dan ressqu iktar qrib taʼ Ġeħova.b
14. Liema assiguranza tagħtina l-Bibbja dwar il-protezzjoni taʼ Ġeħova, imma din x’ma tfissirx?
14 Ġeħova kif jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu llum? Il-Bibbja tiżgurana li ebda opponent—kemm jekk demonji u kemm jekk bnedmin—qatt m’hu se jirnexxilu jelimina lin-nagħaġ tiegħu mill-art. Ġeħova qatt ma se jippermetti li dan iseħħ. (Isaija 54:17; 2 Pietru 2:9) Madankollu, dan ma jfissirx li r-Ragħaj tagħna se jħarisna minn kull inkwiet. Aħna nesperjenzaw il-provi li huma komuni għall-bnedmin, u niffaċċjaw l-oppożizzjoni li tiġi fuq il-Kristjani veri kollha. (2 Timotju 3:12; Ġakbu 1:2) Ikun hemm drabi meta aħna nistgħu, biex ngħidu hekk, nimxu “f’wied mudlam.” Per eżempju, nistgħu niġu wiċċ imbwiċċ mal-mewt minħabba l-persekuzzjoni jew xi kriżi taʼ saħħa. Jew inkella jistaʼ jkun li xi ħadd għażiż għalina jiġi wiċċ imbwiċċ mal-mewt jew saħansitra jmut. Matul dak iż-żmien li jistaʼ jidher bħala l-iktar mudlam, ir-Ragħaj tagħna jkun magħna, u se jħarisna. Kif?
15, 16. (a) Ġeħova b’liema modi jgħinna nkampaw maʼ l-ostakli li nistgħu niffaċċjaw? (b) Semmi esperjenza biex turi kif Ġeħova jgħinna fi żmien taʼ prova.
15 Ġeħova ma jwigħedx intervent mirakoluż.c Imma dwar dan nistgħu nkunu ċerti: Ġeħova se jgħinna ngħaddu minn kwalunkwe ostaklu li nistgħu niffaċċjaw. Hu jagħtina l-għerf biex inkampaw “maʼ diversi provi.” (Ġakbu 1:2-5) Ragħaj juża l-ħatar jew l-għasluġ mhux biss biex ikeċċi lill-predaturi imma wkoll biex imiss kemm kemm lin-nagħaġ ħalli jibqgħu fid-direzzjoni t-tajba. Ġeħova jistaʼ “jmissna kemm kemm,” forsi permezz t’aduratur seħibna, biex napplikaw il-parir ibbażat fuq il-Bibbja li jistaʼ jagħmel differenza kbira fis-sitwazzjoni tagħna. Barra minn hekk, Ġeħova jistaʼ jagħtina s-saħħa biex nissaportu. (Filippin 4:13) Permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, hu jistaʼ jgħammarna bil-“qawwa iktar min-normal.” (2 Korintin 4:7) L-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna nissaportu kwalunkwe prova li Satana jistaʼ jġib fuqna. (1 Korintin 10:13) M’huwiex taʼ faraġ li tkun taf li Ġeħova jinsab dejjem lest biex jgħinna?
16 Iva, minkejja liema wied mudlam nistgħu nsibu ruħna fih, m’għandniex għalfejn ngħaddu minnu waħedna. Ir-Ragħaj tagħna hu magħna u jgħinna b’modi li forsi għall-ewwel ma nifhmuhomx għalkollox. Ikkunsidra l-esperjenza t’anzjan Kristjan li sabulu tumur malinn f’moħħu. “Irrid nammetti li għall-ewwel sibt ruħi inkwetat dwar jekk Ġeħova kienx irrabjat miegħi jew saħansitra jekk kienx iħobbni. Imma kont determinat li ma nitlaqx lil Ġeħova. Minflok, għedtlu dwar dak li kien qed jinkwetani. U Ġeħova għinni, spiss billi farraġni permezz taʼ ħuti spiritwali. Ħafna kienu dawk li qasmu miegħi fehmiet t’għajnuna bbażati fuq l-esperjenza tagħhom stess hekk kif kampaw maʼ mard serju. Il-kummenti bilanċjati tagħhom fakkruni li ma kien hemm xejn mhux tas-soltu f’dak li kont qed nesperjenza. L-għajnuna prattika, inkluż xi offerti taʼ qalb tajba li messewli qalbi, żgurawni li Ġeħova ma kienx irrabjat miegħi. M’għandniex xi ngħidu, irrid inkompli niġġieled kontra l-marda tiegħi, u ma nafx x’se jkun ir-riżultat. Imma jien konvint li Ġeħova hu miegħi u li hu se jkompli jgħinni f’din il-prova.”
“Int Tħejji Mejda Għalija”
17. David kif jiddeskrivi lil Ġeħova f’Salm 23:5, u dan għala ma jikkontradixxix l-eżempju tar-ragħaj?
17 David issa jsemmi t-tielet raġuni għall-fiduċja li kellu fir-Ragħaj tiegħu: Ġeħova jitmaʼ lin-nagħaġ tiegħu, u jitmagħhom bl-abbundanza. David jikteb: “Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi. Biż-żejt tidlikli rasi, u l-kalċi tiegħi tfawwarli.” (Salm 23:5) F’dan il-vers, David jiddeskrivi lir-Ragħaj tiegħu bħala Wieħed li jilqaʼ lill-mistidnin tiegħu b’mod ġeneruż u li jipprovdi ikel u xorb bl-abbundanza. Dawn iż-żewġ eżempji—ragħaj li jieħu ħsieb u Wieħed li jilqaʼ lill-mistidnin tiegħu b’mod ġeneruż—m’humiex kontradittorji. Wara kollox, ragħaj tajjeb irid ikun jaf kif isib post kollu ħaxix fejn jirgħa lin-nagħaġ u biżżejjed ilma tajjeb għax-xorb ħalli l-merħla tiegħu ‘ma jonqosha xejn.’—Salm 23:1, 2.
18. X’juri li Ġeħova hu Wieħed li jilqaʼ lill-mistidnin tiegħu b’mod ġeneruż?
18 Huwa r-ragħaj tagħna Wieħed li jilqaʼ lill-mistidnin tiegħu b’mod ġeneruż ukoll? M’hemmx dubju li iva! Aħseb ftit dwar il-kwalità, il-kwantità, u l-varjetà taʼ ikel spiritwali li ngawdu issa. Permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli, Ġeħova pprovdielna pubblikazzjonijiet li jgħinuna u programmi kollhom tagħlim fil-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet—li lkoll jissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħna. (Mattew 24:45-47) Żgur li m’aħniex neqsin mill-ikel spiritwali. L-“ilsir leali u għaqli” pproduċa miljuni taʼ Bibbji u għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja, u dawn il-pubblikazzjonijiet issa huma disponibbli b’iktar minn 413-il lingwa. Ġeħova pprovda dan l-ikel spiritwali f’varjetà kbira—minn “ħalib,” tagħlim bażiku tal-Bibbja, sa “ikel solidu,” informazzjoni spiritwali iktar profonda. (Ebrej 5:11-14) B’riżultat taʼ dan, meta niffaċċjaw il-problemi jew id-deċiżjonijiet, aħna ġeneralment insibu eżatt dak li jkollna bżonn. Fejn inkunu aħna li kieku m’għandniex dan l-ikel spiritwali? Ir-Ragħaj tagħna tassew l-iktar wieħed li jipprovdi b’mod ġeneruż!—Isaija 25:6; 65:13, 14 (65:13, NW).
“Ngħammar f’Dar il-Mulej”
19, 20. (a) F’Salm 23:6, David jesprimi liema fiduċja, u aħna kif jistaʼ jkollna l-istess fiduċja? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
19 Wara li jeżamina kif jaġixxi r-Ragħaj tiegħu u l-Wieħed li jipprovdilu, David jikkonkludi: “Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena l-jiem kollha taʼ ħajti. U ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!” (Salm 23:6) David jitkellem minn qalb kollha gratitudni u fidi—gratitudni meta jiftakar fil-passat u fidi meta jħares lejn il-futur. Dak li darba kien ragħaj, issa jinsab fis-sigurtà, minħabba li jaf li sakemm jibqaʼ qrib ir-Ragħaj tiegħu tas-sema, bħallikieku jgħammar f’Daru, Ġeħova dejjem se jurih l-interess tiegħu bl-imħabba.
20 Kemm aħna grati għall-kliem mill-isbaħ taʼ Salm 23! David ma setax isib mod iktar adattat biex jiddeskrivi kif Ġeħova jmexxi, jipproteġi, u jitmaʼ lin-nagħaġ tiegħu. L-espressjonijiet mill-qalb taʼ David ġew preservati biex jagħtuna l-fiduċja li aħna wkoll nistgħu nħarsu lejn Ġeħova bħala r-Ragħaj tagħna. Iva, sakemm nibqgħu qrib taʼ Ġeħova, hu se jieħu ħsiebna bħala Ragħaj kollu mħabba ‘sakemm indumu ħajjin,’ saħansitra għall-eternità kollha. Però, bħala n-nagħaġ tiegħu, aħna għandna r-responsabbiltà li nimxu mar-Ragħaj il-kbir tagħna, Ġeħova. Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu dan x’jinvolvi.
[Noti taʼ taħt]
b David ikkompona għadd taʼ salmi li fihom faħħar lil Ġeħova talli ħelsu mill-periklu.—Per eżempju, ara l-kitba li nsibu fl-ewwel vers [jew is-sopraskrizzjoni fin-New World Translation] tas-Salmi 18, 34, 56, 57, 59, u 63.
c Ara l-artiklu “Intervent Divin—X’Nistgħu Nistennew?” fil-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 2003.
Tiftakar Int?
• Għala huwa xieraq li David qabbel lil Ġeħova maʼ ragħaj?
• Ġeħova kif imexxina b’mod li jifhimna?
• Ġeħova b’liema modi jgħinna nissaportu l-provi?
• X’jurina li Ġeħova hu Wieħed li jilqaʼ lill-mistidnin tiegħu b’mod ġeneruż?
[Stampa f’paġna 18]
Bħal ragħaj f’Iżrael, Ġeħova jmexxi lin-nagħaġ Tiegħu