Ġenituri—Kunu t’Eżempju mill-Aħjar għal Uliedkom
“IL-PSIKOLOĠI jistgħu jwaqqfu t-tfittxija li ilha għaddejja sekli sħaħ għaċ-ċavetta taʼ trobbija tajba għat-tfal—mhux għax sabuha imma għax ma teżistix.” Hekk qalet ir-rivista Time meta tat l-opinjoni tagħha dwar ktieb fuq it-trobbija tat-tfal. Il-ktieb isostni li t-tfal primarjament jassorbu l-valuri taʼ dawk taʼ mparhom, u mhux dawk tal-ġenituri tagħhom.
Ma tistax tiċħad li l-pressjoni minn dawk taʼ mparek hija qawwija ħafna biex tirreżistiha. (Proverbji 13:20; 1 Korintin 15:33) William Brown, li jikteb fil-gazzetti, ikkummenta: “Jekk hemm Alla partikulari u mhux reliġjuż għaż-żgħażagħ huwa l-Alla tal-konformità. . . . Għaż-żgħażagħ ikun aħjar li tkun mejjet milli tkun differenti.” Meta l-ġenituri jonqsu milli jagħmlu l-ħajja tad-dar pjaċevoli u tħajjar jew ma jqattgħux biżżejjed ħin maʼ wliedhom—żewġ sitwazzjonijiet komuni fid-dinja mgħaġġla taʼ llum—fil-fatt huma jkunu qed jiftħu l-bieb biex l-influwenza minn dawk taʼ mparhom ikollha effett ħażin fuq uliedhom.
Barra minn hekk, matul dawn “l-aħħar jiem,” l-arranġament tal-familja jinsab taħt attakk għax, bħalma bassret il-Bibbja, in-nies huma medhijin bil-flus, bil-pjaċiri, u b’interessi egoistiċi. Allura, għandna niskantaw meta naraw tfal isiru “diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, [u] mingħajr imħabba naturali”?—2 Timotju 3:1-3.
It-terminu “mħabba naturali,” kif jintuża fil-Bibbja, jirreferi għall-imħabba tal-familja. Din l-imħabba hija rabta naturali li tqanqal lill-ġenituri biex jieħdu ħsieb uliedhom u biex l-ulied ikollhom rabta emozzjonali mal-ġenituri tagħhom. Imma meta l-ġenituri jonqsu fl-affezzjoni naturali, it-tfal se jfittxu bnadi oħra għal appoġġ emozzjonali—ġeneralment iduru lejn dawk taʼ mparhom, u mbagħad x’aktarx jadottaw il-valuri u l-attitudnijiet tagħhom. Madankollu, ħafna drabi din is-sitwazzjoni tistaʼ tiġi evitata jekk il-ġenituri jħallu l-prinċipji Bibliċi jiggwidaw il-ħajja tal-familja tagħhom.—Proverbji 3:5, 6.
Il-Familja—Arranġament Divin
Wara li għaqqad lil Adam u Eva bħala r-raġel u l-mara taʼ xulxin, Alla tahom dan il-kmand: “Nisslu u oktru, u imlew l-art.” Minn dakinhar ’il quddiem inħolqot il-familja—il-missier, lomm, u t-tfal. (Ġenesi 1:28; 5:3, 4; Efesin 3:14, 15) Biex jgħin lill-bnedmin irabbu t-tfal, Ġeħova poġġa ċerti aspetti bażiċi tat-trobbija fl-istint tagħhom. Kuntrarju għall-annimali, il-bnedmin għandhom bżonn iżjed għajnuna, u allura Ġeħova pprovdielhom gwida bil-miktub. Fiha hemm direzzjoni fuq kwistjonijiet morali u spiritwali u fuq kif għandek tiddixxiplina lit-tfal bil-mod xieraq.—Proverbji 4:1-4.
Billi indirizza lill-missirijiet b’mod partikulari, Alla qal: “Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:6, 7; Proverbji 1:8, 9) Innota li l-ġenituri l-ewwel kellhom ipoġġu l-liġi t’Alla f’qalbhom stess. Dan għala kien importanti? Għax it-tip taʼ tagħlim li verament iqanqal lil oħrajn ma jiġix mill-fomm imma mill-qalb. Huwa biss meta l-ġenituri jgħallmu minn qalbhom li se jolqtu qalb uliedhom. Ġenituri bħal dawn se jservu wkoll t’eżempju mill-aħjar għal uliedhom, li malajr jindunaw jekk humiex sinċieri jew le.—Rumani 2:21.
Lill-ġenituri Kristjani jintqalilhom biex jgħallmu lil uliedhom minn mindu jkunu trabi, “it-tagħlim u d-dixxiplina u l-parir u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4, The Amplified Bible; 2 Timotju 3:15) Minn mindu jkunu trabi? Iva! “Kultant aħna l-ġenituri ma nagħtux lit-tfal il-kredtu li ħaqqhom,” kitbet waħda omm. “Aħna naħsbu li t-tfal għandhom inqas abbiltajiet milli tassew għandhom. Il-potenzjal hemm qiegħed. Aħna l-ġenituri għandna nutilizzawh.” Iva, it-tfal jieħdu pjaċir jitgħallmu, u meta jiġu mgħallmin minn ġenituri li sinċerament jaqdu lil Alla, huma se jitgħallmu wkoll kif iħobbu. Tfal bħal dawn se jħossuhom fis-sigurtà fil-limiti li tpoġġewlhom. Għalhekk, ġenituri li jkollhom suċċess jistinkaw biex ikunu ħbieb li jħobbu, komunikaturi tajbin, u għalliema paċenzjużi imma sodi, li jipprovdu ambjent bnin li fih uliedhom jistgħu jiffjorixxu.a
Ipproteġi lil Uliedek
F’ittra lill-ġenituri, surmast konċernat fil-Ġermanja kiteb: “Nixtiequ ninkuraġġixxu lilkom, għeżież ġenituri, biex tinvolvu ruħkom iktar fit-trobbija taʼ wliedkom u ma tħalluhiex f’idejn it-televixin jew f’idejn uħud taʼ fama ħażina biex jagħmlu dak li fil-fatt huwa s-sehem tagħkom [tar-responsabbiltà] għall-iżvilupp tal-personalità tagħhom.”
Jekk tħalli lit-tfal f’idejn it-televixin jew uħud li mhux taʼ min jafdahom, tkun fil-fatt qed tħalli l-ispirtu tad-dinja jinfluwenza t-trobbija tagħhom. (Efesin 2:1, 2) F’oppożizzjoni diretta kontra l-ispirtu t’Alla, dan l-ispirtu dinji, bħal riefnu qawwi, iġorr żrieragħ taʼ ħsibijiet li huma “taʼ l-art, taʼ l-annimali, tad-demonji” u jiżragħhom liberalment fl-imħuħ u fil-qlub taʼ dawk bla esperjenza jew b’nuqqas t’għaqal. (Ġakbu 3:15) Dawn it-tipi taʼ ħsibijiet li huma bħal ħaxix ħażin eventwalment jikkorrompu l-qalb. Ġesù wera kemm jeffettwa dak li jinżeraʼ fil-qalb, billi qal: “Bniedem tajjeb joħroġ it-tajjeb mit-teżor tajjeb taʼ qalbu, imma l-ħażin joħroġ il-ħażin mit-teżor ħażin tiegħu; għax mill-abbundanza li jkollu f’qalbu jitkellem fommu.” (Luqa 6:45) Għalhekk, il-Bibbja tħeġġeġ: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.”—Proverbji 4:23.
Ovvjament, it-tfal se jaġixxu taʼ tfal, u xi ftit minnhom għandhom it-tendenza li jagħmlu l-kuntrarju jew saħansitra jwebbsu rashom. (Ġenesi 8:21) X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri? “Il-bluha mqabbda maʼ qalb taʼ tifel, iżda l-ħatar tat-twiddib ibegħidha minnu,” tgħid il-Bibbja. (Proverbji 22:15, Saydon) Xi wħud iħarsu lejn dan bħala trattament aħrax li hu antikwat. Fil-fatt, il-Bibbja hija kontra l-vjolenza u kontra kull tip t’abbuż. Il-“ħatar,” għalkemm xi drabi jfisser li jintuża b’mod letterali, jirrappreżenta l-awtorità tal-ġenituri li hija amministrata b’mod sod imma wkoll bi mħabba u kif jixraq għall-ġid etern taʼ wliedhom.—Ebrej 12:7-11.
Gawdu r-Rikreazzjoni maʼ Wliedkom
Huwa fatt magħruf li biex it-tfal jiżviluppaw kif suppost għandhom bżonn jilagħbu u jiddevertu. Ġenituri għaqlin jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet biex isaħħu r-rabta taʼ bejn il-ġenitur u t-tfal billi jipparteċipaw fir-rikreazzjoni maʼ wliedhom kulmeta jkun possibbli. B’hekk, il-ġenituri jistgħu mhux biss jiggwidaw lil uliedhom f’li jagħżlu rikreazzjoni bnina, imma wkoll jistgħu juruhom kemm jgħożżu l-kumpanija tagħhom.
Wieħed missier, li hu Xhud, jgħid li spiss kien jilgħab bil-ballun maʼ ibnu meta kien jiġi d-dar mix-xogħol. Waħda omm tiftakar kemm uliedha kienu jħobbu jilagħbu logħob li jintlagħab fuq il-mejda. Mara tiftakar li meta kienet żgħira, il-familja tagħha kienu jħobbu joħorġu bir-roti flimkien. Dawn it-tfal kollha issa kibru, imma l-imħabba għall-ġenituri tagħhom—kif ukoll għal Ġeħova—hija b’saħħitha daqs qatt qabel u tkompli tissaħħaħ.
Il-ġenituri li juru bil-kliem u bl-azzjoni li jħobbu lil uliedhom u li jridu jkunu magħhom verament iħallu impressjoni fil-fond li spiss isservihom għal ħajjithom kollha. Per eżempju, ħafna mill-gradwati taʼ waħda mill-klassijiet taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) qalu li x-xewqa tagħhom li jimmiraw għall-ministeru full-time nibtet bis-saħħa taʼ l-eżempju u l-inkuraġġiment tal-ġenituri tagħhom. X’wirt mill-isbaħ għall-ulied u x’barka għall-ġenituri! Ngħiduha kif inhi, mhux it-tfal kollha għandhom iċ-ċirkustanzi biex jidħlu fil-ministeru full-time meta jikbru, imma kollha se jibbenefikaw minn, u jonoraw, ġenituri li jibżgħu minn Alla. Dawn isiru l-iktar ħbieb tal-qalb tagħhom u eżempji mill-aħjar biex jimitaw.—Proverbji 22:6; Efesin 6:2, 3.
Ġenituri Waħedhom Jistgħu Jirnexxu
Illum il-ġurnata, ħafna tfal jikbru fi djar b’ġenitur wieħed. Waqt li dan iżid maʼ l-isfida tat-trobbija tat-tfal, int jistaʼ jkollok suċċess. Ġenituri waħedhom jistgħu jiġu inkuraġġiti mill-eżempju Bibliku taʼ Ewniċe, Kristjana Lhudija taʼ l-ewwel seklu. Peress li żewġha ma kienx jemmen, x’aktarx li Ewniċe ma rċiviet l-ebda appoġġ spiritwali mingħandu. Minkejja dan, hi kienet eżemplari f’li tgħallem lil Timotju. L-effett tajjeb tagħha li ħalliet fuq Timotju minn meta kien tarbija, flimkien maʼ dak taʼ Lojs, in-nanna taʼ Timotju, wera li kien iktar b’saħħtu minn kwalunkwe influwenza negattiva li setgħet ġiet minn uħud taʼ mpar Timotju.—Atti 16:1, 2; 2 Timotju 1:5; 3:15.
Illum, ħafna żgħażagħ li kibru ġo familji fejn wieħed mill-ġenituri ma jemminx jew familji b’ġenitur wieħed qed juru l-kwalitajiet mill-isbaħ li kellu ż-żagħżugħ Timotju. Per eżempju, Ryan, li issa għandu 22 sena u hu ministru full-time, trabba f’dar b’ġenitur wieħed maʼ ħuh u oħtu li huma akbar minnu. Missierhom kien alkoħoliku, u hu abbandunahom meta Ryan kellu erbaʼ snin. “Ommi kienet determinata li l-familja tagħna tkompli taqdi lil Ġeħova,” ftakar Ryan, “u hi aġixxiet f’armonija maʼ din ir-riżoluzzjoni b’qalbha kollha.”
“Per eżempju,” qal Ryan, “ommi dejjem ħadet ħsieb li aħna t-tfal nassoċjaw biss maʼ tfal li kienu taʼ influwenza tajba. Hi qatt ma ħallietna nassoċjaw maʼ wħud li l-Bibbja tiddeskrivihom bħala kumpanija ħażina, kemm jekk barra u kemm jekk ġewwa l-kongregazzjoni. Ukoll, hi naqqxet ġo fina l-ħarsa x-xierqa lejn l-edukazzjoni sekulari.” Avolja omm Ryan spiss kellha ħafna x’tagħmel u kienet tkun għajjiena minħabba x-xogħol, dan ma waqqafhiex milli tieħu interess bi mħabba f’uliedha. “Dejjem riedet tkun magħna u titkellem magħna,” qal Ryan. “Kienet għalliema paċenzjuża imma soda, u għamlet l-aħjar li setgħet biex ikollna studju tal-Bibbja regulari. Meta xi prinċipji tal-Bibbja kienu involuti, ma kinitx se tagħmel kompromess.”
Meta jaħseb fi tfulitu, Ryan jirrealizza li l-iktar influwenza umana qawwija f’ħajtu u f’ħajjet ħutu kienet minn omm li verament ħabbet lil Alla u lil uliedha. Allura intom, ġenituri Kristjani—miżżewġin jew romol, bis-sieħeb fil-verità jew le—iċċedux għall-iskuraġġiment jew tfixkil temporanju hekk kif tistinkaw biex tgħallmu lil uliedkom. Xi drabi, xi tfal, bħall-iben il-ħali, iduru ’l hinn mill-verità. Imma meta jaraw kemm id-dinja hija superfiċjali u bierda għandhom mnejn jirritornaw. Iva, “hu l-ġust li jimxi bir-reqqa; henjin uliedu li jiġu warajh!”—Proverbji 20:7; 23:24, 25; Luqa 15:11-24.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni iktar fid-dettall taʼ dawn il-punti speċifiċi, ara paġni 55-9 tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 11]
Il-Ġenituri taʼ Ġesù—Magħżulin minn Alla
Meta bagħat lil Ibnu biex jitwieled bħala bniedem, Ġeħova għażel lill-ġenituri taʼ Ġesù b’attenzjoni. Huwa interessanti li Ġeħova għażel koppja umli li jibżgħu minn Alla u li ma fissdux lil Ġesù imma għallmuh il-Kelma t’Alla u l-importanza taʼ xogħol iebes u responsabbiltà. (Proverbji 29:21; Lamentazzjonijiet 3:27) Ġużeppi għallem lil Ġesù s-sengħa taʼ mastrudaxxa, u bla ebda dubju kemm Ġużeppi kif ukoll Marija straħu fuq Ġesù biex jgħinhom jieħdu ħsieb it-tfal l-oħra, li kienu minn taʼ l-inqas sitta.—Marku 6:3.
Int tistaʼ timmaġina lill-familja taʼ Ġużeppi jaħdmu flimkien fiż-żmien tal-Qbiż biex jippreparaw għall-vjaġġ annwali lejn Ġerusalemm u lura—vjaġġ taʼ xi 200 kilometru li kellhom jagħmluh mingħajr it-trasport modern. Żgur li familja taʼ disgħa jew iktar kellhom ikunu organizzati sew għal dan il-vjaġġ twil. (Luqa 2:39, 41) Minkejja l-isfidi, żgur li Ġużeppi u Marija kienu jgħożżu dawn l-okkażjonijiet, forsi billi kienu jieħdu vantaġġ minnhom biex jgħallmu t-tfal tagħhom dwar ġrajjiet Bibliċi tal-passat.
Meta kien għadu d-dar, Ġesù “baqaʼ sottomess” lejn il-ġenituri tiegħu, waqt li “baqaʼ javanza fl-għerf u fl-iżvilupp fiżiku u fil-favur m’Alla u mal-bnedmin.” (Luqa 2:51, 52) Iva, Ġużeppi u Marija wrew li kien ħaqqhom il-fiduċja taʼ Ġeħova. X’eżempju mill-aħjar huma għall-ġenituri llum!—Salm 127:3.