Programm Ġdid tal-Jum t’Assemblea Speċjali
It-tema tal-programm tal-jum t’assemblea speċjali għal din is-sena taʼ servizz għandha bażi Skritturali taʼ min joqgħod fuqha: “Oqogħdu għar-Rieda t’Alla—Iqfulu lix-Xitan.” (Ġak. 4:7) Din hija gwida mill-aħjar għal dawn iż-żminijiet taʼ sfida! Meta nobdu l-kmandamenti t’Alla niġu f’oppożizzjoni diretta kontra Satana. Il-programm se jgħallimna kif nieħdu waqfa soda kontra l-pjanijiet li jkissru l-fidi u kattivi tax-Xitan. X’inhuma xi ftit mit-teżori spiritwali li se nirċievu f’din l-assemblea?
L-indokratur tas-circuit se jurina kif li “Nuru li Noqogħdu għar-Rieda t’Alla Bħala Membri tal-Familja” se jsaħħaħ lill-familji sabiex ikunu jistgħu jifilħu għall-pressjonijiet tad-dinja. L-ewwel taħdita mill-ħu li jkun qed iżurna, “Xi Jfisser li Tiqaflu lix-Xitan,” se tispjegalna għala u kif għandna bżonn naġixxu b’determinazzjoni sabiex nirreżistu l-miri taʼ Satana biex jirrovina l-ispiritwalità tagħna. Hemm żewġ partijiet li huma mfasslin speċjalment għaż-żgħażagħ, li wkoll iridu joqogħdu attenti għat-tattiċi tax-Xitan. Meta kienu żgħar, ħafna Kristjani li issa huma adulti rrifjutaw li jimxu max-xewqat tad-dinja. Se nieħdu pjaċir nisimgħuhom jirrakkontaw xi ftit mill-esperjenzi persunali tagħhom.
Hu meħtieġ minn dawk kollha li jagħmlu parti mis-soċjetà umana li jissottomettu ruħhom lejn l-awtorità. Għalhekk, it-taħdita taʼ l-għeluq mill-ħu li jkun qed iżurna se tiffoka fuq erbaʼ sitwazzjonijiet fejn għandna nuru s-sottomissjoni tagħna lejn Alla: (1) mal-gvernijiet, (2) fil-kongregazzjoni, (3) fix-xogħol sekulari, u (4) fil-familja. Xi programm prattiku dan!
Dawk li jixtiequ jitgħammdu f’dan il-jum t’assemblea speċjali għandhom javżaw lill-indokratur li jippresiedi malajr kemm jistaʼ jkun. Ilkoll kemm aħna għandna nimmarkaw id-data fil-kalendarju tagħna u nippjanaw biex nattendu għall-programm kollu taʼ l-assemblea. Il-barkiet li nirċievu se jkunu dejjiema hekk kif aħna nibqgħu nissottomettu ruħna lejn Jehovah għall-eternità.