Programm tal-Jum t’Assemblea Speċjali għall-2010
1. (a) Liema temi Skritturali tal-jiem t’assembleat speċjali ġew żviluppati fi snin reċenti? (b) Hemm xi punti prinċipali partikulari mill-jiem t’assembleat speċjali taʼ qabel li għenukom fil-ministeru tagħkom?
1 “Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti,” “Inżommu Sod Bħala Merħla Waħda,” “Ibqgħu Ixhdu għall-Verità,” u “Aħna t-Tafal—Ġeħova l-Fuħħari Tagħna.” (Flp. 1:9, 10, 27; Ġw. 18:37; Is. 64:8) Dawn huma biss ftit mill-ħafna temi diskussi fil-jiem t’assembleat speċjali li għaddew. Ħerqanin intom li tattendu għall-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz 2010? It-tema li se tiġi żviluppata hi: “Iż-Żmien li Fadal Tqassar,” meħuda mill-1 Korintin 7:29.
2. Kif jistaʼ jitqanqal l-entużjażmu għal din l-assemblea?
2 Ibdew ibnu l-entużjażmu għall-jum t’assemblea speċjali malli titħabbar id-data fil-kongregazzjoni tagħkom. Xi ġenituri jgħinu lil uliedhom iħarsu ’l quddiem lejn l-assemblea billi jiktbu d-data fil-kalendarju tal-familja, flimkien maʼ lista t’affarijiet li jkollhom bżonn, u mbagħad jibdew jgħoddu l-jiem sakemm tasal il-ġurnata. Matul il-lejla tal-Qima tal-Familja forsi tkunu tixtiequ li tirrivedu xi noti mill-jiem t’assembleat speċjali taʼ qabel. Tistgħu wkoll tippreparaw qalbkom għal din il-ġrajja billi tirrivedu paġni 13-16 tal-ktieb Benefit From Theocratic Ministry School Education (Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku) biex jgħin lilkom u lill-familja tagħkom ‘toqogħdu attenti kif tisimgħu.’—Lq. 8:18.
3. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ minn dak li jiġi preżentat?
3 Applika Dak li Titgħallem: Espressjoni komuni li tinstemaʼ wara xi assemblea hi, “Xi programm meraviljuż kellna!” Dan dejjem hekk ikun, għax hu wieħed mill-ħafna provvedimenti għonja mingħand Ġeħova. (Prov. 10:22) Sabiex l-informazzjoni tagħti l-frott, intom tridu timmeditaw fuqha u żżommuha. (Lq. 8:15) Intom u sejrin id-dar wara l-assemblea ħudu l-ħin biex tiddiskutu l-programm bħala familja jew maʼ dawk li jkunu magħkom fil-karozza. Iddiskutu l-miri u l-punti taʼ xulxin li se jgħinukom fil-ministeru tagħkom. Il-fatt li tagħmlu hekk se jikkontribwixxi biex tibbenefikaw mill-informazzjoni ħafna wara l-assemblea.—Ġak. 1:25.
4. Din l-assemblea għala se tkun speċjali għalina?
4 Dejjem inħossuna speċjali meta nirċievu xi rigal prattiku li jkun eżatt dak li neħtieġu. Ma nantiċipawx aħna b’mod ħerqan dak li Ġeħova għandu maħżun għalina fil-jum t’assemblea speċjali tagħna li jmiss? Nistgħu nkunu ċerti li se jkun prattiku b’kull mod. Nistgħu nistennew li se nirċievu mingħand Ġeħova, Missierna tas-sema, eżatt ir-rigal adattat bħala inkuraġġiment u taħriġ biex inwettqu x-xogħol li inkarigana nagħmlu.—2 Tim. 4:2; Ġak. 1:17.