Xandar il-Messaġġ tas-Saltna
1 “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna taʼ Alla . . . għax għalhekk kont mibgħut.” (Lq. 4:43) B’dan il-kliem, Ġesù wera b’mod speċifiku x’kienet it-tema tal-ministeru tiegħu—is-Saltna t’Alla. Il-messaġġ li nxandru llum ukoll jiffoka fuq is-Saltna, bħalma ġie mbassar f’Mattew 24:14: “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.” In-nies liema veritajiet dwar is-Saltna t’Alla għandhom bżonn jisimgħu?
2 Is-Saltna t’Alla qed taħkem mis-smewwiet u dalwaqt se tieħu post kull ħakma umana. Ix-Xitan diġà ġie mkeċċi mis-sema, u s-sistema ħażina preżenti waslet fl-aħħar jiem tagħha. (Apk. 12:10, 12) Is-sistema qadima u mill-agħar taʼ Satana se tinqered għalkollox, iżda s-Saltna t’Alla m’hijiex se titħarrek. Din se tibqaʼ għal dejjem.—Dan. 2:44; Lhud 12:28.
3 Is-Saltna se tissodisfa xxewqat tajbin tal-bnedmin ubbidjenti kollha. Din se tneħħi t-tbatija li tiġi mill-gwerra, mill-kriminalità, mill-moħqrija, u mill-faqar. (Salm 46:9, 10 [46:8, 9, NW]; 72:12-14) Se jkun hemm abbundanza taʼ ikel disponibbli għal kulħadd. (Salm 72:16; Is. 25:6) Il-mard u d-diżabilità se jkunu biss xi ħaġa tal-passat. (Is. 33:24; 35:5, 6) Hekk kif il-bnedmin jibdew isiru perfetti, l-art se tinbidel f’ġenna, u n-nies se jgħixu flimkien għalenija.—Is. 11:6-9.
4 Nuru li rridu nkunu suġġetti għas-Saltna t’Alla bil-mod kif ngħixu issa. Il-messaġġ tas-Saltna għandu jeffettwa lil ħajjitna f’kollox, inkluż il-miri u l-prijoritajiet tagħna. Per eżempju, waqt li aħna obbligati nipprovdu għal dawk taʼ darna, m’għandniex inħallu l-ansjetajiet għall-affarijiet materjali joħonqu l-interessi tas-Saltna. (Mt. 13:22; 1 Tim. 5:8) Minflok, għandna nagħtu kas it-twissija taʼ Ġesù: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu [il-bżonnijiet materjali tal-ħajja] jingħatalkom ukoll.”—Mt. 6:33.
5 Hija xi ħaġa urġenti li nnies jisimgħu u jaġixxu fuq il-messaġġ tas-Saltna sakemm għad għandhom iċ-ċans. Jalla ngħinuhom jagħmlu dan billi ‘nfittxu li nipperswaduhom fuq is-Saltna t’Alla.’—Atti 19:8.