Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Min għandu jimla kupuni u jibgħat rikjesti mill-Internet?
Il-pubblikazzjonijiet tagħna spiss ikun fihom kupuni li jistgħu jimtlew u jintbagħtu lill-uffiċċju tal-fergħa biex dak li jkun jitlob xi letteratura jew biex issirlu żjara mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Barra minn hekk, is-sit tagħna www.watchtower.org jistaʼ jintuża biex jintalab studju tal-Bibbja. Dawn il-provvedimenti qed jgħinu lil ħafna biex jitgħallmu l-verità. Madankollu, qamu xi problemi meta pubblikaturi użaw dawn l-għodod biex jagħmlu arranġamenti għall-qraba tagħhom jew oħrajn biex jirċievu għajnuna spiritwali.
Xi wħud ilmentaw għax intbagħtitilhom letteratura li ma staqsewx għaliha. Dawn iħossu li l-organizzazzjoni tagħna qed tiffittahom u għamlithom fuq xi lista biex tintbagħtilhom il-letteratura tagħna regolarment. Pubblikaturi li ntalbu biex iżuru lil xi ħadd li ma talabx żjara hu personalment sabu ruħhom f’sitwazzjoni antipatka meta l-individwu wera li ma ħax pjaċir bihom. Għaldaqstant, rikjesti li jsiru fuq is-sit tagħna jew permezz taʼ kupuni għandhom jiġu mingħand l-uħud interessati nfushom u mhux mingħand pubblikaturi għan-nom t’oħrajn. Meta l-uffiċċju tal-fergħa jinduna li pubblikatur ikun bagħat rikjesta biex individwu ieħor jiġi kuntattjat, l-uffiċċju ġeneralment jinjora r-rikjesta.
Allura, kif nistgħu ngħinu spiritwalment lil qarib jew lil xi ħadd li nafu? Jekk tixtieq li jirċievi l-letteratura, għala ma tibgħathilux direttament bħala rigal? Jekk wera interess u jixtieq li jżuruh ix-Xhieda imma ma tafx kif tikkuntattja lill-anzjani fil-kongregazzjoni lokali, għandek tagħti l-formola Please Follow Up (S-43) lis-segretarju tal-kongregazzjoni tiegħek, li se jirrivediha u jibgħatha lill-uffiċċju tal-fergħa. Madankollu, jekk il-wieħed interessat jinsab f’ħabs, f’faċilità għall-abbuż tad-droga jew tal-alkoħol, jew fi sptar, m’għandekx tikkuntattja lill-uffiċċju tal-fergħa għan-nom tiegħu. Minflok, tistaʼ tinkuraġġih jikkuntattja lill-aħwa li jżuru l-faċilità jew jikteb personalment lill-uffiċċju tal-fergħa.