LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Settembru pp. 20-25
  • Għin Uħud li Huma “Lesti li Jaċċettaw il-Verità”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin Uħud li Huma “Lesti li Jaċċettaw il-Verità”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦIN LIL DAWK LI “LESTI LI JAĊĊETTAW IL-VERITÀ”
  • X’GĦANDEK TAGĦMEL META TIBDA TISTUDJA L-BIBBJA MAʼ XI ĦADD
  • META WĦUD ĠODDA JIĠU GĦAL-LAQGĦA
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Kif Tistaʼ Tieħu Iktar Pjaċir Fuq is-Service
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Li Nersqu Qrib tal-Aħwa Hu Tajjeb Għalina!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Settembru pp. 20-25

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 39

GĦANJA 54 “Din hi t-triq”

Għin Uħud li Huma “Lesti li Jaċċettaw il-Verità”

“Dawk kollha li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli.”—ATTI 13:48.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Meta għandek toffri studji tal-Bibbja u tistieden lin-nies għal-laqgħat tagħna.

1. Xi nies kif jirreaġixxu meta jisimgħu l-aħbar tajba? (Atti 13:​47, 48; 16:​14, 15)

ĦAFNA nies fi żmien il-Kristjani tal-bidu kienu ferħanin ħafna meta semgħu dwar Ġesù għall-ewwel darba u xtaqu jsiru Kristjani mill-ewwel. (Aqra Atti 13:​47, 48; 16:​14, 15.) Bl-istess mod, illum hemm ħafna li jieħdu pjaċir meta jisimgħu l-aħbar tajba għall-ewwel darba. U nies oħra li forsi ma jkunux interessati għall-ewwel, iktar tard jaf ikunu jridu jitgħallmu dwar Alla u jaqduh. Imma xi rridu nagħmlu meta niltaqgħu maʼ nies li jkunu “lesti li jaċċettaw il-verità”?

2. Ix-xogħol tal-ippritkar kif inhu simili għax-xogħol li jagħmel bidwi f’għalqa?

2 Nistgħu nqabblu x-xogħol tal-ippritkar maʼ xogħol li jsir f’għalqa minn bidwi. Xi frott ikun lest li jinqataʼ qabel frott ieħor. Il-bidwi jagħmel ċert li jaqtaʼ l-frott li jkun lest mill-ewwel. Imma fl-istess ħin jibqaʼ jsaqqi s-siġar l-oħrajn u jieħu ħsiebhom. Bl-istess mod, meta niltaqgħu maʼ xi ħadd li jkun lest jaċċetta l-aħbar tajba, hemm bżonn ngħinuh isir dixxiplu taʼ Ġesù mill-ewwel. Imma dawk in-nies li forsi għadhom mhux lesti, irridu nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna biex ngħinuhom jifhmu għala jkun tajjeb għalihom li jitgħallmu dwar Alla u l-Bibbja. (Ġw. 4:​35, 36) Meta nifhmu jekk in-nies humiex lesti jew le biex jaċċettaw l-aħbar tajba, se nkunu nafu kif għandna ngħinuhom. F’dan l-artiklu se nitgħallmu xi rridu nagħmlu fl-ewwel konversazzjoni biex ngħinu lin-nies li huma lesti jaċċettaw l-aħbar tajba. Se nitgħallmu wkoll kif nistgħu nibqgħu ngħinu lil xi ħadd biex jagħmel progress.

GĦIN LIL DAWK LI “LESTI LI JAĊĊETTAW IL-VERITÀ”

3. X’għandna nagħmlu meta niltaqgħu maʼ nies interessati fuq is-service? (1 Korintin 9:26)

3 Meta niltaqgħu maʼ nies interessati fuq is-service, aħna mill-ewwel għandna ngħinuhom jaqbdu t-triq li twassal għall-ħajja. B’hekk, fl-ewwel konversazzjoni m’għandniex inżommu lura milli noffrulhom studju tal-Bibbja u nistidnuhom għal-laqgħat.—Aqra 1 Korintin 9:26.

4. Għid esperjenza taʼ xi ħadd li kien lest li jibda studju tal-Bibbja mill-ewwel.

4 Offri studju tal-Bibbja. Xi wħud ikunu lesti għal studju tal-Bibbja mill-ewwel. Pereżempju, fil-Kanada, darba waqt li l-aħwa kienu bit-trolley, marret żagħżugħa tieħu l-browxer Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! Il-ġurnata kienet il-Ħamis. L-oħt li kienet bit-trolley qaltilha li mal-browxer tistaʼ tibda wkoll studju tal-Bibbja b’xejn. Iż-żagħżugħa kienet interessata u taw in-numru tal-mowbajl lil xulxin. Iktar tard dakinhar, bagħtet lill-oħt u staqsietha meta jistgħu jibdew l-istudju. L-oħt qaltilha biex tmur fil-weekend, imma ż-żagħżugħa staqsietha: “Tistaʼ tiġi għada minflok?” L-għada, il-Ġimgħa, għamlu l-istudju tal-Bibbja. Dak il-weekend stess marret għal-laqgħa għall-ewwel darba u bdiet tagħmel ħafna progress.

5. Xi rridu nagħmlu jekk persuna għadha mhix lesta biex tistudja l-Bibbja magħna? (Ara wkoll l-istampi.)

5 Ovvjament, ma nistgħux nistennew li maʼ kull min nitkellmu se jkollu l-istess interess bħal dik iż-żagħżugħa. Xi wħud jaf ikollhom bżonn iktar ħin. Forsi għall-ewwel ikollna bżonn nibdew konversazzjoni fuq xi ħaġa li tinteressa lill-persuna. U jekk inżommu attitudni pożittiva u nibqgħu nuru interess persunali, jistaʼ jkun li ma ndumux ma nibdew studju tal-Bibbja. Però, x’nistgħu ngħidu meta noffru studju tal-Bibbja? Ejja naraw x’qalu xi aħwa li huma effettivi f’li jibdew studji tal-Bibbja.

Grupp taʼ stampi: 1. Żewġ aħwa rġiel qed jitkellmu maʼ suldat irtirat li qiegħed bilqiegħda quddiem il-bieb. 2. Żewġ aħwa nisa juru lil omm, li għandha tifel f’idha u tifel ieħor bilwieqfa ħdejha, il-browxer “Għix Ħajja Ferħana!”

X’taħseb li tistaʼ tgħid lil dawn in-nies biex tgħinhom ikunu jridu jistudjaw il-Bibbja? (Ara paragrafu 5)a


6. X’nistgħu ngħidu biex ngħinu lil xi ħadd jibda jistudja l-Bibbja?

6 Dawn l-aħwa u pijunieri li staqsejniehom dwar kif jibdew studji tal-Bibbja, spjegaw li f’ċertu pajjiżi jkun aħjar jekk ma tużax kliem bħal “tistudja,” “studju tal-Bibbja,” u “ngħallmuk” meta toffri studju tal-Bibbja. Huma qalu li jkun aħjar meta jużaw kliem bħal “nitkellmu,” “niddiskutu,” u “nitgħallmu x’tgħid il-Bibbja.” Biex tgħin lill-persuna tkun trid terġaʼ titkellem miegħek, tistaʼ tgħid xi ħaġa bħal: “Kont taf li l-Bibbja twieġeb ħafna mistoqsijiet li jsaqsu n-nies?” jew “Kont taf li l-Bibbja mhix biss ktieb reliġjuż imma tistaʼ tgħinna fil-ħajja taʼ kuljum?” U mbagħad tistaʼ tgħid: “M’hemmx bżonn ħafna ħin. Ftit minuti huma biżżejjed biex titgħallem xi ħaġa li tistaʼ tgħinek fil-ħajja tiegħek.” B’hekk se tkun qed tevita kliem bħal “appuntament,” jew “kull ġimgħa” li jistgħu jġiegħlu lin-nies iħossu li jridu jibqgħu jiltaqgħu miegħek bilfors.

7. Xi wħud meta ndunaw li kienu qed jisimgħu l-verità? (1 Korintin 14:​23-25)

7 Stidinhom għal laqgħa. Fi żmien l-appostlu Pawlu jidher li xi wħud indunaw li kienu qed jisimgħu l-verità meta marru għall-ewwel laqgħa. (Aqra 1 Korintin 14:​23-25.) Ħafna drabi l-istess jiġri llum. Ħafna wħud ġodda jirnexxilhom jibnu ħbiberija maʼ Ġeħova iktar malajr meta jattendu l-laqgħat. Imma meta għandek tistidinhom? F’lezzjoni 10 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! hemm stedina għal uħud li jkunu qed jistudjaw biex jiġu l-laqgħa. Imma m’hemmx bżonn tistenna sakemm tasal f’dik il-lezzjoni. Int tistaʼ tistidinhom mill-ewwel konversazzjoni li jkollok għal-laqgħa tal-weekend. U forsi tistaʼ ssemmi t-titlu tat-taħdita pubblika jew xi punt mill-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa.

8. Meta tistieden lil xi ħadd għal-laqgħa x’tistaʼ tgħidlu? (Isaija 54:13)

8 Meta tistieden lil xi ħadd li jkun interessat, spjegalu kif il-laqgħat tagħna huma differenti minn dak li jistaʼ jkun imdorri bih. Meta studenta tal-Bibbja attendiet għall-ewwel darba għall-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa, staqsiet lill-oħt li kienet tistudja magħha: “Dak li qed imexxi jaf l-ismijiet taʼ kulħadd?” L-oħt qaltilha: “Peress li l-kongregazzjoni qisha familja, aħna nippruvaw inkunu nafu l-ismijiet taʼ xulxin.” L-istudenta qaltilha li l-knisja ħafna min-nies ma jafux l-isem taʼ xulxin. (Aqra Isaija 54:13.) Nistgħu nispjegaw lill-istudent xi ħaġa oħra li hemm differenti fil-laqgħat tagħna. Aħna niltaqgħu biex inqimu lil Ġeħova, nitgħallmu minnu, u ninkuraġġixxu lil xulxin. (Lhud 2:12; 10:​24, 25) Minħabba f’hekk, il-laqgħat tagħna huma organizzati u fihom nitgħallmu affarijiet li jgħinuna fil-ħajja taʼ kuljum u ma jkunx hemm ritwali. (1 Kor. 14:40) Fis-sala jkun hemm dawl tajjeb biex jgħinna nikkonċentraw u nitgħallmu. U peress li aħna newtrali qatt ma nitkellmu dwar il-politika u ma niddiskutux opinjonijiet personali. Xi ħaġa li tistaʼ tagħmel qabel hi li turi lill-istudent il-vidjow X’jiġri f’Sala tas-Saltna? B’hekk, hu se jkun jaf x’se jsib jekk jiġi għal-laqgħa.

9-10. Meta nistiednu lil xi ħadd għal-laqgħa, minn xiex nistgħu naċċertawh biex iħossu komdu? (Ara wkoll l-istampa.)

9 Xi wħud iżommu lura milli jattendu għal-laqgħa għax jaħsbu li wara se jkollhom isiru Xhieda taʼ Ġeħova. Aċċerta lil dik il-persuna li aħna nieħdu pjaċir meta jiġi xi ħadd ġdid u li m’għandhiex għalfejn tipparteċipa waqt il-laqgħa. Nieħdu pjaċir ukoll meta jiġu l-familji, anki bi tfal żgħar. Fil-laqgħat tagħna, it-tfal ma jiġux mgħallmin xi ħaġa differenti mill-ġenituri. Fil-fatt, it-tfal u l-ġenituri jpoġġu ħdejn xulxin u jitgħallmu flimkien. B’hekk, il-ġenituri jistgħu jserrħu moħħhom li t-tfal tagħhom huma safe u li jkunu jafu x’qed jitgħallmu. (Dewt. 31:12) Aħna ma niġbrux flus. Minflok, nobdu dak li kkmanda Ġesù: “Irċivejtu b’xejn, għalhekk agħtu b’xejn.” (Mat. 10:8) Tistaʼ tispjega lil dik il-persuna li m’hemmx għalfejn tilbes ħwejjeġ li jiswew ħafna flus. Alla jara x’hemm fil-qalb tal-persuna u mhux kif tidher.—1 Sam. 16:7.

10 Jekk il-persuna tattendi, agħmel kulma tistaʼ biex tħossha komda. Laqqagħha maʼ ftit mill-anzjani u mal-aħwa. Jekk tħossha komda u li n-nies jimpurtahom minnha, jaf titħajjar iktar li terġaʼ tiġi. Jekk ma jkollhiex Bibbja waqt il-laqgħa, uriha minn tiegħek. Uriha wkoll kif tfittex l-iskritturi li jkun qed juża l-kelliemi. U jekk inkunu qed nużaw xi pubblikazzjoni, uriha kif nużawha.

L-omm li rajna fl-istampa taʼ qabel marret f’Sala tas-Saltna u l-aħwa qed jilqgħuha. Fuqha hemm it-tifel ż-żgħir tagħha waqt li t-tifel l-ieħor qed jitkellem maʼ tifel ieħor.

Iktar ma persuna tibda tattendi l-laqgħat kmieni, iktar se ssir ħabiba taʼ Ġeħova malajr (Ara paragrafi 9-10)


X’GĦANDEK TAGĦMEL META TIBDA TISTUDJA L-BIBBJA MAʼ XI ĦADD

11. Kif tistaʼ turi li tirrispetta l-ħin u l-iskeda tal-istudent?

11 X’għandek iżżomm f’moħħok meta tistudja maʼ xi ħadd? Uri li tirrispetta l-ħin u l-iskeda tal-persuna li qed tistudja. Pereżempju, jekk tagħmel appuntament, kun fil-ħin anki jekk m’intix imdorri tagħmel dan. Apparti minn hekk, jaf ikun utli li l-ewwel studju jkun qasir. Xi pubblikaturi li kellhom diversi studji qalu li jsibu tajjeb li dejjem jispiċċaw l-istudju fil-ħin, anki jekk l-istudent ikun jixtieq ikompli. Titkellimx ħafna. Ħalli lill-istudent jesprimi x’jaħseb u jħoss.—Prov. 10:19.

12. Xi rridu nagħmlu mill-ewwel studju tal-Bibbja?

12 Mill-ewwel studju tiegħek maʼ xi ħadd il-mira tiegħek trid tkun li tgħinu jsir jaf lil Ġesù u Ġeħova u jsir iħobbhom. Biex tagħmel hekk dejjem trid turi x’tgħid il-Bibbja u mhux x’taħseb inti. (Atti 10:​25, 26) L-appostlu Pawlu kien eżempju tajjeb taʼ kif tagħmel dan. Meta kien jgħallem lin-nies kien jiffoka fuq Ġesù, il-wieħed li Ġeħova bagħat biex insiru nafuh u nħobbuh. (1 Kor. 2:​1, 2) Pawlu għamilha ċara wkoll kemm hu importanti li ngħinu lil dixxipli ġodda jkollhom kwalitajiet tajbin li jistgħu jitqabblu maʼ deheb, fidda, u ħaġar prezzjuż. (1 Kor. 3:​11-15) Dawn il-kwalitajiet prezzjużi jinkludu l-fidi, l-għerf, li tagħraf x’inhu tajjeb u ħażin, u r-rispett kbir lejn Ġeħova. (Slm. 19:​9, 10; Prov. 3:​13-15; 1 Pt. 1:7) Imita l-mod kif kien jgħallem Pawlu billi tgħin lill-istudent ikollu fidi soda u ħbiberija b’saħħitha maʼ Missieru tas-sema, Ġeħova.—2 Kor. 1:24.

13. Kif nistgħu nkunu paċenzjużi u nifhmu lill-istudent? (2 Korintin 10:​4, 5) (Ara wkoll l-istampa.)

13 Imita l-mod kif għallem Ġesù billi tkun paċenzjuż u tifhem l-istudent. Issaqsix mistoqsijiet li se jġegħluh iħossu skomdu. Jekk ikun hemm xi ħaġa li diffiċli biex jifhem, m’hemmx għalfejn tibqaʼ tiddiskuti dak il-punt. Kompli bl-istudju u erġaʼ mur għalih iktar tard. Minflok tipprova ġġiegħlu jaċċetta xi tagħlim qabel ikun lest, tih iż-żmien biex jaħseb dwaru u biex ibiddel il-mod kif jaħseb dwar is-suġġett. (Ġw. 16:12; Kol. 2:​6, 7) Il-Bibbja tqabbel it-tagħlim falz li qed jippruvaw jegħlbu maʼ fortizza. Jistaʼ jkun diffiċli għal student biex jieqaf jemmen xi ħaġa li jkun ilu jemminha għal ħafna żmien. (Aqra 2 Korintin 10:​4, 5.) Allura, l-ewwel irridu ngħinuh jibni fortizza ġdida, jiġifieri jafda f’Ġeħova, imbagħad se jkun iktar faċli għalih biex jitlaq tagħlim falz.—Slm. 91:​9, ntt.

Ir-raġel kbir fl-età li rajna fl-istampa taʼ qabel qed jistudja l-ktieb “Għix Ħajja Ferħana!” maʼ żewġt aħwa. Fuq l-ixkaffa taʼ wara hemm xi midalji taʼ meta kien suldat.

Agħti l-ħin lill-istudent tiegħek biex jaħseb dwar dak li qed jitgħallem u jirranġa l-mod kif jaħseb (Ara paragrafu 13)


META WĦUD ĠODDA JIĠU GĦAL-LAQGĦA

14. Kif għandna nittrattaw nies ġodda li jiġu għal-laqgħa?

14 Ġeħova jridna nittrattaw lil kulħadd l-istess, hu minn fejn hu, hi x’inhi l-kultura tiegħu, jew għandu kemm għandu flus. (Ġak. 2:​1-4, 9) Allura kif nistgħu nuru mħabba lin-nies ġodda li jiġu l-laqgħa?

15-16. Kif nistgħu ngħinu wħud ġodda jħossuhom komdi meta jiġu l-laqgħa?

15 Xi wħud jaf jiġu għal-laqgħat tagħna għax ikunu jixtiequ jaraw x’jiġri jew għax xi ħadd li jkunu jafu jkun qalilhom biex jiġu. Allura meta tara xi ħadd ġdid, mur kellmu, imma tkunx entużjast iżżejjed tant li ġġiegħlu jħossu skomdu. Stidinhom ipoġġu ħdejk u ħallihom jaraw mill-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tiegħek jew agħtihom kopja biex iżommuha. Ipprova aħseb f’modi oħra biex tgħinhom iħossuhom komdi. Pereżempju, raġel li mar is-Sala tas-Saltna tkellem maʼ ħu u qallu li ma kienx qed iħossu komdu għax ma kienx liebes pulit daqs in-nies li kien hemm. Il-ħu għenu jirrilassa billi qallu li avolja għal-laqgħat inkunu puliti, aħna nies normali. Dan ir-raġel maż-żmien tgħammed. Imma qatt ma nesa kif il-ħu għenu jħossu komdu dakinhar. Però, meta turi interess personali fi wħud ġodda, oqgħod attent li ma ssaqsix mistoqsijiet li jġegħluhom jistħu jew li jkunu wisq personali.—1 Pt. 4:15.

16 Nistgħu ngħinu biex uħud ġodda jħossuhom komdi b’mod ieħor. Pereżempju, irridu nuru rispett meta nkunu qed nitkellmu, nikkummentaw, jew meta jkollna xi parti fil-laqgħa u nsemmu lil dawk li mhumiex Xhieda jew dak li jemmnu. Importanti li ma nużawx frażijiet jew kliem li joffendi lil uħud ġodda u b’hekk ma jkunux jixtiequ jerġgħu jiġu għal-laqgħa. (Titu 2:8; 3:2) Pereżempju, mhux se nitkellmu dwar dak li jemmnu b’mod li ma jurix rispett. (2 Kor. 6:3) L-aħwa li jagħtu taħditiet pubbliċi jridu joqogħdu attenti ħafna dwar dan. Huma juru li għandhom f’moħħhom lil uħud ġodda billi jispjegaw frażijiet jew kliem li dawk li mhumiex Xhieda ma jifhmuhomx.

17. X’għandha tkun il-mira tagħna meta niltaqgħu maʼ nies li huma lesti li jaċċettaw il-verità?

17 Ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli qed isir iktar urġenti minn qabel u rridu nkomplu nfittxu nies li huma “lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Meta niltaqgħu maʼ dawn in-nies, m’għandniex inżommu lura milli noffrulhom studju tal-Bibbja jew nistidnuhom għal-laqgħat. B’hekk, inkunu nistgħu ngħinuhom jagħmlu l-ewwel passi fit-triq li twassal għall-ħajja.—Mat. 7:14.

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’nistgħu nagħmlu mill-ewwel konversazzjoni biex ngħinu n-nies li jkunu “lesti li jaċċettaw il-verità”?

  • X’tistaʼ tagħmel biex tgħin student tal-Bibbja fl-ewwel studju?

  • X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uħud ġodda jħossuhom komdi meta jiġu għal-laqgħat?

GĦANJA 64 Bil-ferħ nieħdu sehem fil-ħsad

a X’TURINA L-ISTAMPA: Żewġ aħwa rġiel qed jitkellmu maʼ suldat irtirat li qiegħed bilqiegħda quddiem il-bieb; żewġ aħwa nisa qed jagħtu xhieda fil-qosor lil omm li għandha x’tagħmel.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja