ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24
Int Tistaʼ Tilħaq il-Miri Spiritwali Tiegħek
“Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-żmien naħsdu jekk ma negħjewx.”—GAL. 6:9.
GĦANJA 84 Nirsistu fix-xogħol taʼ Ġeħova
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. Ħafna minna liema sfidi niffaċċjaw?
ĠIELI għamilt mira spiritwali imma sibtha diffiċli biex tilħaqha?b Jekk iva, m’intix waħdek. Pereżempju, Philip ried jitlob iktar spiss u xtaq itejjeb il-mod kif jitlob, imma kien isibha diffiċli biex isib il-ħin. Il-mira taʼ Erika kienet li tasal fil-ħin għall-grupp tas-service, imma xorta baqgħet tasal tard kważi kull darba. Tomáš ipprova ħafna drabi jaqra l-Bibbja kollha. Hu jgħid: “Jien ma kontx nieħu pjaċir naqra l-Bibbja. Ipprovajt tliet darbiet, imma kull darba nasal sa Levitiku u nieqaf.”
2. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk għamilna mira spiritwali imma għadna ma lħaqnihiex?
2 Jekk għamilt mira u għadek ma lħaqthiex, jekk jogħġbok taqtax qalbek. Kultant anki biex nilħqu mira żgħira jkollna bżonn il-ħin u naħdmu iebes. Il-fatt li xorta għadek trid tilħaq din il-mira juri li l-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova hi prezzjuża għalik u tixtieq tagħtih l-aħjar. Ġeħova japprezza l-isforzi li tagħmel. Bla dubju, hu ma jistenniex iktar minn dak li tistaʼ tagħtih. (Salm 103:14; Mik. 6:8) Għalhekk, meta tagħmel mira ara li tkun tistaʼ tilħaqha. Wara li tagħmel mira, x’tistaʼ tagħmel biex tilħaqha? Ejja naraw xi suġġerimenti.
AĦDEM BIEX IKOLLOK IX-XEWQA LI TILĦAQ IL-MIRA TIEGĦEK
Itlob biex ikollok xewqa ikbar (Ara paragrafi 3-4)
3. Għala hu importanti li jkollok xewqa kbira li tilħaq il-mira tiegħek?
3 Huwa importanti ħafna li jkollok xewqa kbira li tilħaq il-mira li tagħmel. Meta jkollok xewqa kbira se taħdem iebes biex tilħaqha. Ix-xewqa li jkollna hi bħal riħ li jmexxi dgħajsa. Jekk jibqaʼ jkun hemm ir-riħ, id-dgħajsa u dak li jkun qed isuqha se jaslu fid-destinazzjoni. U jekk ir-riħ ikun b’saħħtu, x’aktarx se jaslu iktar malajr. Bl-istess mod, iktar ma x-xewqa tagħna tkun kbira iktar se nkunu nistgħu nilħqu l-mira tagħna. David, ħu minn El Salvador, jgħid: “Meta jkollok xewqa kbira se tagħmel sforz ikbar. Mhu se tħalli xejn iwaqqfek milli tilħaq il-mira tiegħek.” X’tistaʼ tagħmel biex tkun tixtieq iktar li tilħaq il-mira?
4. Dwar xiex nistgħu nitolbu? (Filippin 2:13) (Ara l-istampa.)
4 Itlob biex ikollok xewqa ikbar li tilħaq il-mira. Permezz tal-ispirtu tiegħu, Ġeħova jistaʼ jtik ix-xewqa biex tilħaq il-mira tiegħek. (Aqra Filippin 2:13.) Xi kultant nagħmlu mira għax inkunu nafu li rridu nagħmluha, u dan hu tajjeb. Imma ma jkollniex ix-xewqa li nilħquha. Norina, oħt mill-Uganda, hekk ġralha. Hi għamlet mira biex tikkonduċi studju tal-Bibbja imma ma kellhiex xewqa kbira għax kienet taħseb li ma kinitx taf tgħallem tajjeb. X’għenha? Hi tgħid: “Bdejt nitlob lil Ġeħova kuljum biex jgħinni nkabbar ix-xewqa tiegħi ħalli nikkonduċi studju tal-Bibbja. Fl-istess ħin, bdejt nara kif nistaʼ ntejjeb il-mod kif ngħallem. Wara ftit xhur indunajt li x-xewqa tiegħi biex nikkonduċi studju kienet ikbar. Dik is-sena bdejt żewġ studji tal-Bibbja.”
5. Dwar xiex nistgħu nimmeditaw biex ikollna xewqa ikbar li nilħqu l-mira tagħna?
5 Immedita dwar dak li Ġeħova għamel għalik. (Salm 143:5) L-appostlu Pawlu mmedita fuq il-qalb tajba mhix mistħoqqa li Ġeħova wera miegħu, u dan immotivah biex jaħdem iebes għalih. (1 Kor. 15:9, 10; 1 Tim. 1:12-14) Bl-istess mod, iktar ma timmedita fuq dak li Ġeħova għamel għalik, iktar se jkollok ix-xewqa biex tilħaq il-mira tiegħek. (Salm 116:12) Ara x’għen lil oħt mill-Ħonduras biex tilħaq il-mira tagħha li ssir pijuniera regulari. Hi tgħid: “Jien ħsibt dwar kemm Ġeħova jħobbni. Hu għenni biex insir parti mill-familja tiegħu. Hu jipproteġini u jieħu ħsiebi. Meta mmeditajt fuq dawn l-affarijiet, l-imħabba tiegħi għal Ġeħova saret iktar b’saħħitha u xtaqt naħdem iktar biex insir pijuniera.”
6. X’nistgħu nagħmlu iktar biex inkabbru x-xewqa tagħna ħalli nilħqu l-mira?
6 Iffoka fuq il-barkiet li jkollok meta tilħaq il-mira tiegħek. Ara x’għen lil Erika, li semmejna fil-bidu, biex tilħaq il-mira tagħha li tkun fil-ħin. Hi tgħid: “Irrealizzajt li kont qed nitlef ħafna meta nasal tard. Imma meta bdejt nasal kmieni beda jkolli ċ-ċans nitkellem mal-aħwa u nqattaʼ l-ħin magħhom. Stajt ukoll nismaʼ pariri tajbin li setgħu jgħinuni biex nieħu pjaċir fil-ministeru u ntejjeb il-mod kif nipprietka.” Erika ffokat fuq il-barkiet li jkollha meta tkun fil-ħin, u dan għenha biex tilħaq il-mira tagħha. Int fuq liema barkiet tistaʼ tiffoka? Jekk il-mira tiegħek hi dwar il-qari tal-Bibbja jew it-talb, aħseb kemm se tgħinek issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova. (Salm 145:18, 19) Jekk il-mira tiegħek hi li ttejjeb kwalità Kristjana, aħseb kemm se ttejjeb il-ħbiberija tiegħek ma’ oħrajn. (Kol. 3:14) Għala ma tagħmilx lista taʼ raġunijiet għala tixtieq tilħaq il-mira tiegħek? Imbagħad iċċekkja din il-lista b’mod regulari. Tomáš, li diġà semmejna, jgħid: “Meta jkolli ħafna raġunijiet biex nilħaq mira, naħdem iktar biex nilħaqha.”
7. X’għen lil Julio u l-mara tiegħu biex jilħqu l-mira tagħhom?
7 Qattaʼ l-ħin ma’ nies li se jgħinuk tilħaq il-mira tiegħek. (Prov. 13:20) Ara x’għen lil Julio u l-mara tiegħu biex jilħqu l-mira tagħhom ħalli jagħmlu iktar fil-ministeru. Hu jgħid: “Aħna għażilna ħbieb li jinkuraġġuna biex nilħqu l-miri tagħna, u tkellimna dwar il-miri tagħna magħhom. Ħafna minnhom diġà laħqu miri simili, u għalhekk setgħu jagħtuna pariri tajbin. Il-ħbieb tagħna kienu jistaqsuna kif sejrin fil-pjanijiet tagħna u dejjem inkuraġġewna meta kellna bżonn.”
META MA JKOLLNIEX IX-XEWQA
Aħdem biex tilħaq il-mira tiegħek (Ara paragrafu 8)
8. X’jistaʼ jiġri jekk naħdmu biex nilħqu l-mira tagħna biss meta jkollna aptit? (Ara l-istampa.)
8 Ilkoll kemm aħna jkollna ġranet fejn ma jkollna aptit nagħmlu xejn. Allura dan ifisser li ma nistgħux naħdmu fuq il-mira tagħna? Le. Ejja nġibu eżempju: Ir-riħ jistaʼ jgħin biex id-dgħajsa tasal fid-destinazzjoni, imma l-qawwa tar-riħ tistaʼ tinbidel, u kultant ma jkunx hemm riħ. Ifisser dan li d-dgħajsa ma tistax tkompli sejra? Mhux bilfors. Pereżempju, xi dgħajjes għandhom mutur, u oħrajn għandhom moqdief. Min ikun qed isuq id-dgħajsa jistaʼ juża waħda minn dawn l-affarijiet biex ikompli sejjer fid-destinazzjoni tiegħu. Ix-xewqa tagħna hi bħar-riħ. Xi kultant tkun b’saħħitha u xi kultant le. Għalhekk, xi kultant jistaʼ ma jkollniex aptit naħdmu fuq il-mira tagħna. Imma jekk naħdmu fuq il-mira tagħna meta jkollna aptit biss, x’aktarx li mhux se nilħquha. Bħalma xi ħadd li jsuq dgħajsa juża affarijiet oħrajn biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu, aħna nistgħu naħdmu biex nilħqu l-mira tagħna anki jekk ma jkollniex ix-xewqa. Dan żgur li mhux faċli imma int se tkun ferħan meta tilħaqha. Qabel ma naraw x’nistgħu nagħmlu, ejja naraw x’mistoqsija jistaʼ jkollna.
9. Għandna nkomplu naħdmu biex nilħqu l-mira li nkunu għamilna anki jekk ma jkollniex ix-xewqa? Spjega.
9 Ġeħova jridna naqduh minn qalbna u bil-ferħ. (Salm 100:2; 2 Kor. 9:7) Allura jekk ma jkollniex ix-xewqa, għandna nkomplu naħdmu biex nilħqu mira spiritwali? Aħseb dwar l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Hu qal: “[Jien] insawwat lil ġismi u njassru.” (1 Kor. 9:25-27) Pawlu ġiegħel lilu nnifsu jagħmel dak li hu tajjeb, anki meta ma kellux ix-xewqa li jagħmel dak li jrid Ġeħova. Ġeħova kien kuntent b’dak li għamel Pawlu għalih? Iva! U Ġeħova ppremjah.—2 Tim. 4:7, 8.
10. X’barkiet se jkollna meta naħdmu biex nilħqu l-mira tagħna anki meta ma jkollniex aptit?
10 Bl-istess mod, Ġeħova jkun ferħan bina meta jarana naħdmu iebes biex nilħqu l-mira tagħna anki meta ma jkollniex aptit. Hu jkun kuntent għax anki jekk ma nkunux qed niedu pjaċir b’dak li nkunu qed nagħmlu, aħna nagħmluh għax inħobbu lilu. Bħalma Ġeħova bierek lil Pawlu, se jbierek l-isforzi tagħna wkoll. (Salm 126:5) U meta nibdew naraw il-barkiet taʼ Ġeħova, ix-xewqa biex nilħqu l-mira tistaʼ tikber. Lucyna, oħt mill-Polonja, tgħid: “Xi kultant ma jkollix aptit immur fuq is-service, speċjalment meta nkun għajjiena. Imma meta noħroġ, il-ferħ li nħoss huwa tal-għaġeb.” Mela ejja naraw x’nistgħu nagħmlu meta ma jkollniex ix-xewqa.
11. Ġeħova kif jistaʼ jgħinna nikkontrollaw lilna nfusna?
11 Itlob biex tikkontrolla lilek innifsek. Spiss dan ifisser li nikkontrollaw lilna nfusna biex ma nagħmlux affarijiet ħżiena. Imma għandna bżonn nikkontrollaw lilna nfusna wkoll biex nagħmlu dak li hu tajjeb, speċjalment meta xi ħaġa tkun diffiċli jew ma jkollniex aptit. Ftakar li r-rażan hu parti mill-frott tal-ispirtu. Mela itlob għall-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova biex jgħinek ħalli jkollok din il-kwalità importanti. (Lq. 11:13; Gal. 5:22, 23) David, li semmejna qabel, jispjega kif għenu t-talb. Hu ried jagħmel l-istudju tiegħu b’mod regulari. Hu jgħid: “Kont nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nikkontrolla lili nnifsi. Bl-għajnuna tiegħu rnexxieli nibda u nżomm skeda tajba għall-istudju tiegħi.”
12. Il-parir f’Ekkleżjasti 11:4 kif jgħinna nilħqu l-miri tagħna?
12 Tistenniex sakemm ikollok ċirkustanzi perfetti. F’din id-dinja x’aktarx li qatt mhu se jkollna ċirkustanzi perfetti. Jekk noqogħdu nistennew, jistaʼ jkun li qatt ma nilħqu l-miri tagħna. (Aqra Ekkleżjasti 11:4.) Ħu jismu Dayniel jgħid: “M’hemmx ċirkustanzi perfetti. Għalhekk, m’għandniex noqogħdu nistennew. Irridu nibdew.” Ħu mill-Uganda jismu Paul isemmi raġuni oħra għala m’għandniex noqogħdu nistennew: “Meta nibdew, anki jekk ma jkunx faċli, Ġeħova se jgħinna.”—Mal. 3:10.
13. Għala jkun tajjeb li tibda b’miri żgħar?
13 Ibda b’mira żgħira. Forsi naqtgħu qalbna għax il-mira tagħna tkun tidher diffiċli biex nilħquha. Jekk inhu hekk fil-każ tiegħek, agħmel mira iżgħar. Jekk il-mira tiegħek hi li taħdem fuq kwalità Kristjana, għax ma tipprovax turiha b’modi żgħar? Jekk il-mira tiegħek hi li taqra l-Bibbja kollha, għax ma tipprovax tibda taqra għal ftit ħin? Tomáš, li semmejna fil-bidu, ma setax jilħaq il-mira tiegħu li jaqra l-Bibbja f’sena. Hu qal: “Jien indunajt li ma stajtx illaħħaq mal-iskeda li għamilt. Għalhekk, erġajt ipprovajt, imma din id-darba ppjanajt li naqra ftit versi kuljum u nimmedita fuqhom. B’hekk, bdejt nieħu pjaċir naqra.” Minħabba li Tomáš beda jieħu pjaċir jaqra, beda jqattaʼ iktar ħin jaqra l-Bibbja u rnexxielu jaqraha kollha.c
TAQTAX QALBEK META JKOLLOK L-ISFIDI
14. X’jistaʼ jagħmilhielek iktar diffiċli biex tilħaq il-mira tiegħek?
14 B’dispjaċir, anki meta jkollna x-xewqa jew jirnexxilna nikkontrollaw lilna nfusna, jinqalgħu sfidi li jagħmluhielna diffiċli biex nilħqu l-mira tagħna. Pereżempju, “ġrajjiet mhux mistennijin” jistgħu jisirqulna l-ħin li jkollna bżonn biex naħdmu fuq il-mira tagħna. (Ekk. 9:11) Nistgħu niffaċċjaw problemi li jiskuraġġuna jew iħalluna bla saħħa. (Prov. 24:10) U minħabba li aħna imperfetti nistgħu nagħmlu żbalji li jagħmluhielna diffiċli nilħqu l-mira tagħna. (Rum. 7:23) Jew forsi nħossuna għajjenin. (Mt. 26:43) Meta jiġri hekk, x’jistaʼ jgħinna?
15. Jekk tiffaċċja sfida li tagħmilhielek diffiċli biex tilħaq il-mira tiegħek, għala m’għandekx taqtaʼ qalbek? Spjega. (Salm 145:14)
15 Ftakar li jekk tinqalaʼ xi ħaġa u tagħmilhielek diffiċli biex tilħaq il-mira tiegħek m’għandekx taqtaʼ qalbek u tieqaf. Il-Bibbja tgħidilna li aħna nistgħu niffaċċjaw problema wara oħra. Imma turina b’mod ċar li aħna xorta nistgħu nilħqu l-mira tagħna bl-għajnuna taʼ Ġeħova. (Aqra Salm 145:14.) Philip, li diġà semmejna, jgħid: “Jien ma niffokax fuq kemm-il darba ma nilħaqx il-mira. Minflok niffoka fuq kemm-il darba nerġaʼ nipprova.” David, li diġà semmejna, jgħid: “Jien nipprova ma nqisx l-isfidi li jwaqqfuni milli nilħaq il-mira tiegħi bħala ostakli imma bħala opportunitajiet biex nuri lil Ġeħova kemm inħobbu.” Meta tibqaʼ tipprova tilħaq il-mira tiegħek anki meta jkun diffiċli, int turi lil Ġeħova li tixtieq togħġbu. Min jaf kemm iħossu ferħan Ġeħova meta jarak taħdem iebes biex tilħaq il-mira tiegħek!
16. X’tistaʼ titgħallem jekk xi ħaġa żżommok milli tilħaq il-mira tiegħek?
16 Ara x’tistaʼ titgħallem meta tiġri xi ħaġa li twaqqfek milli tilħaq il-mira li tkun għamilt. Aħseb x’ġara u saqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nagħmel biex ma terġax tiġri?’ (Prov. 27:12) Xi kultant, l-isfidi jistgħu juruna li l-mira li nkunu għamilna tkun diffiċli għalina. Jekk ġralek hekk, erġaʼ aħseb dwar il-mira li għamilt biex tara jekk tistax tilħaqha.d Ġeħova mhux se jaħseb li fallejt jekk ma tilħaqx mira li tkun diffiċli għalik.—2 Kor. 8:12.
17. Għala għandna nżommu f’moħħna dak li rnexxielna nagħmlu?
17 Żomm f’moħħok dak li diġà rnexxielek tagħmel. Il-Bibbja tgħid li ‘Alla mhux inġust biex jinsa dak li għamilt.’ (Ebr. 6:10) Lanqas int m’għandek tinsa. Aħseb dwar il-miri li diġà lħaqt. Jistgħu jkunu l-ħbiberija li bnejt ma’ Ġeħova, li titkellem dwaru m’oħrajn, jew il-magħmudija. Bħalma għamilt progress u rnexxielek tilħaq il-miri spiritwali fil-passat, int tistaʼ tibqaʼ tagħmel progress u tilħaq il-miri li għamilt issa.—Flp. 3:16.
Ara kif Ġeħova qed jgħinek waqt li qed tipprova tilħaq il-mira tiegħek (Ara paragrafu 18)
18. Xi rridu niftakru meta nkunu qed naħdmu biex nilħqu l-mira tagħna? (Ara l-istampa.)
18 Bħal meta dak li jkun qed isuq id-dgħajsa jasal fid-destinazzjoni tiegħu, bl-għajnuna taʼ Ġeħova int tistaʼ tilħaq il-mira tiegħek. Imma ftakar, ħafna nies li jsuqu d-dgħajsa jieħdu pjaċir matul il-vjaġġ. Bl-istess mod, dejjem ara kif Ġeħova qed jgħinek, u dan se jagħtik raġuni biex tkun ferħan waqt li tkompli taħdem biex tilħaq il-mira tiegħek. (2 Kor. 4:7) Jekk ma taqtax qalbek, se tirċievi barkiet ikbar.—Gal. 6:9.
GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu
a Spiss niġu inkuraġġiti biex nagħmlu miri spiritwali. Imma x’nistgħu nagħmlu jekk għamilna mira u qed insibuha diffiċli biex nilħquha? Dan l-artiklu se jagħtina xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuna nilħqu l-miri tagħna.
b ESPRESSJONI SPJEGATA: Mira spiritwali hi kull ħaġa li nagħmlu biex naqdu lil Ġeħova aħjar u nagħmluh ferħan. Pereżempju, tistaʼ tkun mira biex taħdem fuq kwalità Kristjana, jew biex titjieb f’xi ħaġa bħall-qari tal-Bibbja, l-istudju persunali, jew il-ministeru.
d Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Ikkultiva Stennijiet Raġunevoli, u Kun Ferħan,” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2008.