Int Tistaʼ Tirbaħ il-Ġlieda Kontra l-Iskuraġġiment!
WIEĦED raġel għaref darba kiteb: “Urejt li int skuraġġit f’jum l-hemm? Il-qawwa tiegħek se tkun skarsa.” (Proverbji 24:10, NW) Jekk int qatt xi darba ħassejtek skuraġġit, x’aktarx li taqbel maʼ dan il-kliem.
Ħadd m’hu ħieles mill-effetti taʼ l-iskuraġġiment. Forsi xi kultant tħossok skuraġġit għal xi ġurnata jew tnejn u mbagħad jgħaddilek. Imma meta tkun imweġġaʼ jew tieħu għalik ħafna, il-problema taf iddum ferm iktar. Xi Kristjani li kienu ilhom jaqdu lealment għal bosta snin tant saru skuraġġiti li saħansitra waqfu milli jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni u milli jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa.
Jekk int tħossok skuraġġit, taqtax qalbek! Fil-passat kien hemm bosta qaddejja leali li rnexxielhom jirbħu l-ġlieda kontra l-iskuraġġiment u, bl-għajnuna t’Alla, anki int jistaʼ jirnexxilek.
Meta Xi Ħadd Iweġġagħlek is-Sentimenti Tiegħek
Ma tistax tippretendi li ħadd ma jweġġgħek b’xi ħaġa li jgħid jew jagħmel mingħajr ħsieb taʼ xejn. Madankollu, dak li tista tagħmel hu li ma tħallix l-imperfezzjonijiet taʼ nies oħrajn itellfuk mis-servizz tiegħek lil Jehovah. Jekk xi ħadd weġġagħlek is-sentimenti tiegħek, forsi jistaʼ jgħinek jekk taħseb ftit dwar x’għamlet Anna, omm Samwel, meta sabet ruħha f’sitwazzjoni skuraġġanti.
Anna kienet tixtieq ħafna li jkollha t-tfal, imma kienet ħawlija. Peninna, it-tieni mara taʼ żewġha, diġà kienet wilditlu wlied subien u bniet. Minflok ma qagħdet attenta biex ma tweġġax lil Anna minħabba s-sitwazzjoni tagħha, Peninna kienet tħares lejha bħala r-rival tagħha u tant kellha attitudni ħażina lejha li Anna “kienet taqbad tibki u ma tikolx.”—1 Samwel 1:2, 4-7.
Darba minnhom Anna marret fit-tabernaklu biex titlob. Għeli, il-qassis il-kbir taʼ Iżrael, induna li xofftejha kienu qegħdin jiċċaqalqu. Peress li ma rrealizzax li Anna kienet qegħda titlob, Għeli ħaseb li bilfors li kienet xurbana. “Kemm se ddum fis-sakra?” staqsieha bil-herra. “Eħles mill-inbid li għandek fuqek.” (1 Samwel 1:12-14) Tistaʼ timmaġina kif ħassitha Anna? Kienet ġiet sat-tabernaklu għax kellha bżonn l-inkuraġġiment. Żgur li qatt ma kienet tistenna li se tiġi akkużata għal xi ħaġa li ma kinitx għamlet minn wieħed mill-iktar nies importanti f’Iżrael!
Dan setaʼ faċilment iġiegħel lil Anna tħossha skuraġġita ferm. Setgħet issuppervjat, telqet ’il barra mit-tabernaklu u ħalfet li qatt ma terġaʼ tmur hemm sakemm ikun għad hemm Għeli jaqdi bħala l-qassis il-kbir. Madankollu, jidher ċar li Anna kienet tgħożżha ferm ir-relazzjoni li kellha maʼ Jehovah. Kienet taf li din kienet xi ħaġa li ma togħġbux. It-tabernaklu kien iċ-ċentru tal-qima pura. Jehovah kien poġġa ismu hemmhekk. Barra minn hekk, kien kemm kien imperfett Għeli, hu kien ir-rappreżentant magħżul taʼ Jehovah.
Il-mod kif Anna wieġbet għall-akkuża taʼ Għeli kien jirrifletti l-ġieħ li hu kien jistħoqqlu, u dan jipprovdi eżempju mill-aqwa għalina llum. Hi ma ppermettietx li tiġi mixlija għalxejn, imma wieġbet b’rispett profond. “Le, sidi,” wieġbet. “Jiena mara b’qalbha muġugħa, u ma xrobt la nbid u lanqas xorb ieħor li jsakkar, imma qiegħda niftaħ qalbi quddiem il-Mulej. La tqisx il-qaddejja tiegħek b’mara ħażina; s’issa tkellimt mill-kotra taʼ hemmi u n-niket tiegħi.”—1 Samwel 1:15, 16.
Qalet Anna dak li riedet tgħid? U żgur li qalet. Madankollu, lil Għeli kellmitu bit-tattika, bla m’ażżardat tikkritikah talli kien akkużaha għalxejn. Min-naħa tiegħu, hu weġibha bil-ħlewwa, billi qalilha: “Mur bis-sliem. Alla taʼ Iżrael samaʼ t-talba tiegħek, u jagħtik kull ma tlabtu.” Issa li l-kwistjoni kienet solvuta, Anna “qabdet triqtha, kielet, u wiċċha ma baqax bħal qabel.”—1 Samwel 1:17, 18.
X’nitgħallmu minn dan ir-rakkont? Anna aġixxiet malajr biex tikkoreġi dik l-impressjoni ħażina, imma dan għamlitu b’rispett profond. B’hekk baqgħet iżżomm ir-relazzjoni tajba li kellha maʼ Jehovah u maʼ Għeli. Komunikazzjoni tajba u daqsxejn tattika ħafna drabi jistgħu jiskansawna milli nħallu problemi żgħar jikbru għalxejn.
Irridu nammettu li biex jissolvew id-differenzi ż-żewġ naħat iridu juru l-umiltà u jkunu lesti li jċedu fejn ikun hemm bżonn. Jekk xi ħadd li hu sieħbek fit-twemmin jonqos li jwieġeb għall-isforzi tiegħek biex issolvu xi differenza taʼ bejnietkom, għandu mnejn ikollok tħalli l-kwistjoni f’idejn Jehovah u tafda fih biex jaġixxi dwarha kif u meta jidhirlu hu.
Tlift Xi Privileġġ taʼ Servizz?
Xi wħud sewdu qalbhom għaliex kellhom jitilqu minn idejhom xi privileġġ li kien għal qalbhom fis-servizz t’Alla. Kienu jieħdu pjaċir jaqdu lil ħuthom, u meta ntilef il-privileġġ ħassewhom li ma kinux għadhom utli għal Jehovah jew għall-organizzazzjoni tiegħu. Jekk int tħossok hekk, l-eżempju taʼ l-evanġelista Mark, li kien magħruf ukoll bħala Ġwanni Marku, jistaʼ jagħtik id-dehen.—Atti 12:12.
Mark kien akkumpanja lil Pawlu u lil Barnaba matul l-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, imma waqt il-vjaġġ, hu abbandunahom u reġaʼ lura Ġerusalemm. (Atti 13:13) Iktar tard, Barnaba ried jieħu lil Mark magħhom fuq vjaġġ ieħor. Madankollu, il-Bibbja tgħid: “Pawlu deherlu li ma kellhomx jieħdu magħhom wieħed li, meta kienu fil-Pamfilja, telaqhom u ma marx magħhom għax-xogħol.” Barnaba ma qabilx miegħu. “Kellhom xi jgħidu sewwa,” ikompli r-rakkont, “hekk li [Pawlu u Barnaba] nfirdu minn xulxin. Barnaba ħa miegħu lil Marku u telaq bil-baħar lejn Ċipru. Pawlu għażel għal miegħu lil Sila u telaq.”—Atti 15:36-40.
Mark żgur li ħassu verament imkisser meta sar jaf li Pawlu, appostlu tant rispettat, ma riedx jaħdem miegħu, u li Pawlu u Barnaba spiċċaw biex infirdu minħabba argument fuq il-kwalifiki tiegħu. Imma dak mhux kollox.
Pawlu u Sila xorta kellhom bżonn lil xi ħadd ieħor biex jivvjaġġa magħhom. Meta waslu Listra, sabu lil żagħżugħ jismu Timotju biex jieħu post Mark. Meta għażluh, Timotju forsi kien ilu mgħammed xi sentejn jew tlieta biss. Mill-banda l-oħra, Mark kien ilu msieħeb mal-kongregazzjoni Kristjana sa mill-bidunett—ferm iktar minn Pawlu stess. Iżda, kien Timotju li kiseb dan l-inkarigu privileġġat.—Atti 16:1-3.
Mark kif irreaġixxa meta semaʼ li postu kien ħadu xi ħadd li kien iżgħar minnu u kellu inqas esperjenza? Il-Bibbja ma tgħidx. Madankollu, din fil-fatt tindika li Mark baqaʼ attiv fis-servizz taʼ Jehovah. Hu ħadem biex jikseb il-privileġġi li kien għad jistaʼ jkollu. Għalkemm ma setax jaqdi flimkien maʼ Pawlu u Sila, setaʼ jivvjaġġa maʼ Barnaba lejn Ċipru, il-pajjiż minfejn kien Barnaba. Mark qeda wkoll maʼ Pietru f’Babilonja. Maż-żmien, l-opportunità li jaħdem maʼ Pawlu, kif ukoll maʼ Timotju, waslet. Dan ġara meta Mark kien ġewwa Ruma. (Kolossin 1:1; 4:10; 1 Pietru 5:13) Iktar tard Mark saħansitra kien imnebbaħ biex jikteb wieħed mill-erbaʼ Evanġelji!
Minn dan kollu nistgħu nitgħallmu ħafna. Mark ma qagħadx jinkwieta żżejjed dwar il-privileġġ li tilef sal-punt li naqas li japprezza l-privileġġi li kien għad jistaʼ jkollu. Mark żamm ruħu okkupat fis-servizz taʼ Jehovah, u Jehovah bierku.
Mela jekk tlift xi privileġġ, taqtax qalbek. Jekk iżżomm attitudni pożittiva u tibqaʼ tkun ħabrieki, taf tingħata privileġġi oħra. Hemm ħafna xogħol xi jsir fil-ħidma tal-Mulej.—1 Korintin 15:58.
Qaddej Leali Jħossu Skuraġġit
Mhix xi ħaġa faċli li tiġġieled il-ġlieda iebsa biex tibqaʼ żżomm il-fidi. Xi drabi forsi tħossok skuraġġit. Imbagħad forsi tħoss ċerta ħtija dwar dan, għax taħseb li min hu qaddej leali t’Alla m’għandu qatt iħossu skuraġġit. Aħseb ftit dwar Elija, wieħed mill-profeti ewlenin taʼ Iżrael.
Meta r-Reġina Ġeżabel taʼ Iżrael, li kienet fanatika għall-qima taʼ Bagħal, semgħet li kien Elija li qatel il-profeti taʼ Bagħal, ħalfet li toqtlu. Elija kien ħabbat wiċċu maʼ għedewwa ferm agħar minn Ġeżabel, imma f’daqqa waħda tant sar skuraġġit li ried imut. (1 Slaten 19:1-4) Kif jistaʼ jkun? Hu kien nesa xi ħaġa.
Elija kien nesa li kien Jehovah Dak li setaʼ jagħtih is-saħħa li kellu bżonn. Lil Elija min kien tahielu l-qawwa li jqajjem lil xi ħadd mill-mewt u l-qawwa biex jiffaċċja lill-profeti taʼ Bagħal? Jehovah. Allura, żgur li Jehovah setaʼ jagħtih is-saħħa biex jiffaċċja l-korla tar-Reġina Ġeżabel.—1 Slaten 17:17-24; 18:21-40; 2 Korintin 4:7.
Kulħadd, hu min hu, jistaʼ jgħaddi minn mument taʼ nuqqas taʼ fiduċja f’Jehovah. Bħal Elija, forsi int xi kultant tħares lejn xi problema mil-lat uman minflok ma tuża “l-għerf li ġej mis-sema” biex issolviha. (Ġakbu 3:17) Madankollu, Jehovah m’abbandunahx lil Elija minħabba din iż-żelqa temporanja tiegħu.
Elija kien ħarab lejn Birsaba u mbagħad irħielha lejn ix-xagħri, għax ħaseb li hemmhekk ħadd ma setaʼ jsibu. Imma Jehovah sabu, u bagħatlu anġlu biex ifarrġu. L-anġlu ħa ħsieb li Elija jkollu ħobż frisk x’jiekol u ilma bnin x’jixrob. Wara li Elija straħ, l-anġlu dderiġieh biex jivvjaġġa xi 300 kilometru lejn il-Muntanja Ħoreb, fejn Jehovah kien se jkompli jsaħħu.—1 Slaten 19:5-8.
Fuq il-Muntanja Ħoreb, Elija ra b’għajnejh turija tal-qawwa taʼ Jehovah li saħħitlu l-fidi. Imbagħad, b’leħen baxx u kalm, Jehovah assigurah li ma kienx waħdu. Jehovah kien miegħu u, bla ma kien jaf Elija, kien hemm ukoll 7,000 minn ħutu li kienu miegħu. Fl-aħħarnett, Jehovah tah biċċa xogħol x’jagħmel. Lil Elija ma kienx warrbu milli jkun il-profeta tiegħu!—1 Slaten 19:11-18.
Tistaʼ Tikseb l-Għajnuna
Jekk xi kultant tgħaddi minn perijodu taʼ skuraġġiment, taf issib li tħossok aħjar jekk tmur tistrieħ xi ftit iktar mis-soltu jew tiekol xi ikla bnina. Nathan H. Knorr, li qeda bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah sa ma miet fl-1977, darba rrimarka li problemi kbar taʼ spiss jidhru ferm iżgħar wara lejl taʼ mistrieħ. Madankollu, meta l-problema ddum ftit żmien mhux ħażin, rimedju bħal dan forsi ma jkunx biżżejjed. Tkun trid l-għajnuna biex tikkumbatti l-iskuraġġiment.
Jehovah bagħat anġlu biex isaħħaħ lil Elija. Illum, Alla jipprovdi inkuraġġiment permezz taʼ l-anzjani u Kristjani maturi oħra. L-anzjani verament jistgħu jkunu “bħal ilqugħ għar-riħ.” (Isaija 32:1, 2) Imma biex tikseb l-inkuraġġiment mingħandhom, forsi jkun hemm bżonn li tieħu l-inizjattiva int. Kien kemm kien skuraġġit Elija, hu vvjaġġa lejn il-Muntanja Ħoreb biex jismaʼ dak li kellu x’jgħidlu Jehovah. Aħna nirċievu tagħlim li jsaħħaħna permezz tal-kongregazzjoni Kristjana.
Meta naċċettaw l-għajnuna u bil-kuraġġ kollu niffaċċjaw il-provi, bħal meta xi ħadd iweġġgħalna s-sentimenti tagħna jew meta nitilfu xi privileġġ, allura nkunu qegħdin nappoġġaw in-naħa taʼ Jehovah fi kwistjoni importanti. Liema kwistjoni? Satana sostna li l-bnedmin jaqdu lil Jehovah għal interessi egoistiċi biss. Satana ma jiċħadx li aħna se naqdu lil Jehovah meta fil-ħajja kollox ikun ward u żahar, imma hu jisħaq li aħna se nieqfu milli naqdu ’l Alla jekk insibu l-problemi. (Ġob, kapitli 1 u 2) Jekk nibqgħu sodi fis-servizz taʼ Jehovah minkejja l-iskuraġġiment, inkunu qegħdin ngħinu biex inwieġbu għall-kalunnja tax-Xitan.—Proverbji 27:11.
Anna, Mark, u Elija lkoll kellhom problemi li tellfulhom għal ftit il-ferħ tagħhom. Madankollu, huma għelbu l-problemi tagħhom u għexu ħajja produttiva. Bl-għajnuna taʼ Jehovah, int ukoll tistaʼ tirbaħ il-ġlieda kontra l-iskuraġġiment!