Jehovah Jixraqlu Tifħir Etern
“Il-jum kollu se nbierkek, u se nfaħħar lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—SALM 145:2.
1. David għala kellu ħafna raġunijiet biex ifaħħar lil Jehovah?
DAVID, il-qaddej leali taʼ Jehovah kellu ħafna raġunijiet biex ifaħħar lil Alla. Dan is-sultan magħruf ħafna taʼ Iżrael tal-qedem kien jaf dwar il-kobor u t-tjieba taʼ Jehovah u rrealizza li l-ħakma Tiegħu kienet eterna. L-Iktar Għoli kien jixraqlu tifħir talli ssodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja u talli wera ħniena mal-qaddejja leali tiegħu.
2. (a) Salm 145 kif inhu rranġat? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?
2 David offra dan it-tifħir lil Alla f’Salm 145. Kull vers taʼ dan is-salm akrostiku jibda b’ittra wara l-oħra tal-alfabett Ebrajk, għalkemm ittra waħda (nun) tħalliet barra. L-arranġament akrostiku fosi serva taʼ għajnuna għall-memorja. Salm 145 igħolli lil Jehovah, bħal fil-kelmiet: “Il-jum kollu se nbierkek, u se nfaħħar lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Salm 145:2) Imma dan is-salm kif jistaʼ jeffettwa lilna? X’jistaʼ jagħmel għar-relazzjoni tagħna maʼ Alla? Biex inkunu nafu, ejjew l-ewwel nikkunsidraw versi 1 sa 10.
Il-Kobor taʼ Jehovah Bla Tarf
3. Bħal David, x’għandna nagħtu lil ‘Alla tagħna s-Sultan,’ u għala?
3 David kien sultan, imma hu rrikonoxxa s-sovranità taʼ Jehovah fuqu, billi qal: “Jien neżaltak, O Alla tiegħi s-Sultan, u se nbierek lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Salm 145:1) B’reverenza simili, ix-Xhieda taʼ Jehovah igħollu l-isem t’Alla u jfaħħruh mal-art kollha. Ħajjitna tissebbaħ hekk kif nieħdu sehem f’din l-attività. Bħal David, aħna obbligati li nagħtu l-ubbidjenza u s-sottomissjoni tagħna lil Jehovah bħala ‘Alla tagħna s-Sultan.’ U għala le? Hu s-“Sultan tal-eternità.” (Rivelazzjoni 15:3) Barra minn dan, David Akbar, Ġesù Kristu, li ilu jsaltan mill-Muntanja Sijon tas-sema mill-1914 ’il hawn, jipprovdina b’eżempju li jiddi taʼ sottomissjoni lejn Jehovah, is-Sultan Etern.
4. Kif nistgħu ‘nbierku l-isem t’Alla’?
4 David qal li kien se ‘jbierek l-isem t’Alla.’ Dan kif inhu possibbli għal sempliċi bniedem? Sewwa, fost affarijiet oħra, li tbierek lil xi ħadd ifisser li titkellem tajjeb dwaru. Li nbierku l-isem t’Alla jindika li għandna mħabba qawwija għalih u għall-isem qaddis tiegħu, Jehovah. Qatt ma ngergru dwar Alla, qatt ma nsibu difett fih, qatt ma niddubitaw it-tjieba tiegħu. Biss jekk għandna dik l-attitudni, għamilna dedikazzjoni lil Jehovah, u nżommu l-integrità bħala x-Xhieda mgħammdin tiegħu nistgħu aħna ngħidu maʼ David li ‘se nbierku l-isem t’Alla għal dejjem.’ Jekk inżommu lilna nfusna fl-imħabba t’Alla, se nirċievu r-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem u b’hekk inkunu nistgħu nbierku lil Jehovah għall-eternità.—Ġuda 20, 21.
5. Ix-xewqa li nfaħħru lil Jehovah “il-jum kollu” x’effett għandha jkollha fuqna?
5 Jekk aħna verament inħobbu lil Dak li Jagħti l-Ħajja, se ngħidu maʼ David: “Il-jum kollu se nbierkek, u se nfaħħar lil ismek għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Salm 145:2) Kemm tkun vojta l-ġurnata jekk ma nberkux lil Alla! Jalla qatt ma nkunu tant imħabbtin jew tant anzjużi dwar affarijiet materjali li nonqsu li nitkellmu tajjeb dwar Missierna tas-sema jew li nitolbuh kuljum. Ġesù implika li għandna nitolbu kuljum meta qal fit-talba mudell: “Agħtina ħobżna għall-jum skond il-ħtieġa tal-jum.” (Luqa 11:3) Ħafna fis-servizz “full-time” ifaħħru lil Alla kuljum hekk kif jieħdu sehem fil-ministeru Kristjan. Imma huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, qalbna għandha tqanqalna biex infaħħru lil Alla b’xi mod kull ġurnata. U aħseb ftit! Bħala Xhieda ddedikati taʼ Jehovah bit-tama taʼ ħajja eterna, aħna għandna l-prospett grandjuż li nfaħħru lil ismu għal dejjem.—Ġwann 17:3.
6. Jehovah għala hu “wisq taʼ min ifaħħru”?
6 Aħna ċertament għandna raġuni biex infaħħru lil Alla l-jum kollu, għax David żied: “Jehovah hu kbir u wisq taʼ min ifaħħru, u l-kobor tiegħu ma jistax jiġi mfittex.” (Salm 145:3) Jehovah tant hu kbir li bħalu m’hawnx, u s-sovranità tiegħu hija assoluta. Nebukadneżżar is-sultan taʼ Babilonja kellu jammetti: “Ma jeżisti ebda wieħed li jistaʼ jiċċekkjalu idu [lil Alla] jew li jistaʼ jgħidlu, ‘X’kont qed tagħmel?’” (Danjel 4:34, 35) Jehovah “inebbaħ il-biżaʼ ’l fuq mill-allat l-oħra kollha.” (Salm 96:4) Mhux taʼ b’xejn li hu “wisq taʼ min ifaħħru.” Iva, l-ebda kliem taʼ tifħir ma hu għoli wisq meta nfaħħru lil Jehovah! Hu jixraqlu tifħir bla limitu, etern.
7. Xi prova hemm li Alla hu taʼ ‘kobor li ma jistax jiġi mfittex’?
7 Jehovah hu taʼ ‘kobor li ma jistax jiġi mfittex.’ Minkejja kemm hu kbir fil-għamla tiegħu, il-kobor tiegħu jinsab fit-tip taʼ Alla li hu. Iva, l-affarijiet li ħalaq huma wisq tal-għaġeb għalina biex nifhmuhom, u aħna nfusna ‘magħmulin b’mod tal-għaġeb.’ (Salm 139:14; Ġob 9:10; 37:5) Barra minn dan, kemm iġib ruħu b’mod grandjuż Alla Jehovah! Hu bil-fedeltà jżomm il-wegħdiet tiegħu u b’imħabba jikxef il-għanijiet tiegħu. Iżda, aħna qatt ma se nkunu nafu kollox dwar Alla. Matul l-eternità kollha, se nkunu nistgħu nikbru fil-għarfien tiegħu, tal-ħolqien tiegħu, u tal-għanijiet tiegħu.—Rumani 11:33-36.
Faħħar ix-Xogħlijiet taʼ Jehovah
8. (a) “Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni” kif faħħru x-xogħlijiet taʼ Jehovah? (b) Jekk ingħallmu lit-tfal tagħna dwar ix-xogħlijiet u l-atti taʼ Jehovah, huma x’aktarx kif se jħarsu lejn li jqimu lilu? (ċ) Bħala “ġenerazzjoni” ferħana, x’għamel il-fdal midluk?
8 Jistaʼ tant jingħad f’tifħir għal Alla tagħna li hu kbir u li ma jistax jiġi mfittex li David ġie mqanqal biex igħid: “Ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni se tfaħħar ix-xogħlijiet tiegħek, u dwar l-atti setgħana tiegħek se jgħidu.” (Salm 145:4) Ġenerazzjoni wara l-oħra taʼ bnedmin faħħru x-xogħlijiet taʼ Jehovah u semmew l-atti setgħana tiegħu. Xi privileġġ li tirrakkonta dawn l-affarijiet lil dawk li magħhom nikkonduċu studji tal-Bibbja! Per eżempju, nistgħu ngħidulhom li Alla ħalaq l-affarijiet kollha. (Ġenesi 1:1-2:25; Rivelazzjoni 4:11) Aħna nistgħu nitkellmu dwar l-atti setgħana tiegħu meta ħeles lill-Iżraeliti mill-jasar fl-Eġittu, għenhom biex jeqirdu egħdewwa Kangħaniti, ħarishom minn qerda f’daqqa bħala ġens fil-Persja tal-qedem, u ħafna iżjed. (Eżodu 13:8-10; Imħallfin 4:15; Ester 9:15-17) U ma niġux imqanqlin biex ingħidu lit-tfal tagħna dwar ix-xogħlijiet u l-atti taʼ Jehovah? Jekk nagħtu lil uliedna dan it-tagħlim u huma jarawna naqdu ’l Alla bil-ferħ, huma x’aktarx li se jħarsu lejn il-qima lejh bħala għaxqa u li se jikbru bil-‘ferħ taʼ Jehovah bħala l-fortizza tagħhom.’ (Neħemija 8:10; Salm 78:1-4) Il-fdal midluk jifforma “ġenerazzjoni” ferħana waħda taʼ Xhieda taʼ Jehovah li tfaħħar ix-xogħlijiet t’Alla mal-“folla kbira,” parti mill-ġenerazzjoni li se tgħix fil-Ġenna tal-art.—Rivelazzjoni 7:9.
9. Hekk kif nirriflettu dwar ix-xogħlijiet u l-atti setgħana t’Alla dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti?
9 Hekk kif nirriflettu dwar ix-xogħlijiet u l-atti setgħana t’Alla, aħna nsiru saħansitra iżjed konvinti li “Jehovah mhux se jitlaq lill-poplu tiegħu minħabba fl-isem kbir tiegħu.” (1 Samwel 12:22; Salm 94:14) Meta niffaċċjaw provi, diffikultajiet, u persekuzzjoni, nistgħu nkunu trankwilli u fiduċjużi li “l-paċi t’Alla” se tgħasses lil qlubna u l-qawwiet mentali tagħna. (Filippin 4:6, 7) Mela kemm hu xieraq li ngħidu lill-oħrajn dwar Missierna tas-sema li hu taʼ mħabba u taʼ protezzjoni!
10. “Ix-xogħlijiet tal-għaġeb” taʼ Jehovah x’jinkludu, u kif nibbenefikaw billi nimmeditaw dwarhom?
10 Għandna nieħdu l-ħin biex nimmeditaw dwar il-majestà u x-xogħlijiet taʼ Jehovah, għax David żied: “L-isplendur glorjuż tad-dinjità tiegħek u l-kwistjonijiet tax-xogħlijiet tal-għaġeb tiegħek se nagħmilhom affarija.” (Salm 145:5) Id-dinjità t’Alla se tqanqal il-biżaʼ u m’hawnx bħalha. (Ġob 37:22; Salm 148:13) B’hekk, David għamel l-isplendur glorjuż tad-dinjità taʼ Jehovah it-tħassib tiegħu. Is-salmista wkoll ikkonċerna ruħu fi kwistjonijiet tax-“xogħlijiet tal-għaġeb” t’Alla. Dawn jinkludu l-eżerċitar taʼ ġustizzja divina f’li jeqred il-midinbin u jħares lit-tajbin, kif għamel fil-Għarqa. (Ġenesi 7:20-24; 2 Pietru 2:9) Meditazzjoni dwar affarijiet bħal dawn issaħħaħ ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u tgħinna biex ingħidu lill-oħrajn dwar id-dinjità u x-xogħlijiet tal-għaġeb tiegħu. Matul 40 jum fid-deżert, Ġesù ġie msaħħaħ kontra t-tentazzjoni billi mmedita dwar l-affarijiet li s-smewwiet miftuħin kienu ġabu għall-attenzjoni tiegħu. (Mattew 3:13-4:11) Hu wara dan tkellem maʼ oħrajn dwar id-dinjità u x-xogħlijiet tal-għaġeb taʼ Jehovah.
11. (a) Għala waqaʼ biżaʼ fuq ir-residenti taʼ Ġeriko? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah b’liema spirtu jitkellmu dwar “l-affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ t’Alla” u dwar il-“kobor” tiegħu?
11 Meta nitkellmu dwar id-dinjità u x-xogħlijiet t’Alla, aħna nqanqlu lill-oħrajn biex jitkellmu dwarhom. Qal David: “U se jilkellmu dwar is-saħħa tal-affarijiet tiegħek stess li jnebbħu l-biżaʼ; u inkwantu għall-kobor tiegħek, jien se niddikjarah.” (Salm 145:6) Raħab tkellmet dwar il-biżaʼ li waqaʼ fuq ir-residenti taʼ Ġeriko meta semgħu kif Jehovah kien salva lill-Iżraeliti ħdejn il-Baħar l-Aħmar u għamilhom rebbieħa fuq iż-żewġ slaten Amoriti. Bil-fors li sar ħafna diskors dwar dawn “l-affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ” f’Ġeriko. (Ġożwè 2:9-11) U ċertament li t-“tribulazzjoni kbira” li riesqa bil-għaġla se tqanqal il-biżaʼ. (Mattew 24:21) Imma affarijiet tant tal-biżaʼ għal nies imbegħdin minn Alla jqanqlu ġewwa qlub taʼ tjieba “l-biżaʼ taʼ Jehovah,” biżaʼ bnin minnu. (Proverbji 1:7) Bi spirtu taʼ reverenza bħal dan, ix-Xhieda taʼ Jehovah jitkellmu dwar manifestazzjonijiet tal-qawwa t’Alla. Iva, il-Ħaddiem il-kbir tal-Egħġubijiet huwa s-suġġett ewlieni tal-konverżazzjoni bejn il-midlukin u sħabhom tal-art! U saħansitra l-persekuzzjoni ma żżommhomx lura milli jgħidu lill-oħrajn dwar dawn l-affarijiet u dwar il-“kobor” taʼ Jehovah.—Atti 4:18-31; 5:29.
Faħħar lil Jehovah għat-Tjieba Tiegħu
12. It-tjieba taʼ Jehovah kif iġġegħilna ‘nbaqbqu’?
12 Alla jixraqlu tifħir mhux biss għall-kobor tiegħu imma wkoll għat-tjieba u s-sewwa tiegħu. Għalhekk David qal: “Malli tissemma l-abbundanza tat-tjubija tiegħek se jbaqbqu, u minħabba fit-tjieba tiegħek se jgħajtu bil-ferħ.” (Salm 145:7) It-tjieba taʼ Jehovah hi tant kbira li aħna ‘nbaqbqu’ b’espressjonijiet taʼ ferħ dwarha. Fl-Ebrajk, l-idea hi dik taʼ ilma ħiereġ b’saħħa minn ġo funtana. Għalhekk jalla nbaqbqu b’tifħir taʼ apprezzament lejn Alla, l-istess bħal nixxiegħa. (Proverbji 18:4) Għall-ħsara spiritwali kbira tagħhom, l-Iżraeliti nsew it-tjieba taʼ Jehovah. (Salm 106:13-43) Imma ħalli lil qalbna tfur bi gratitudni bħal din biex oħrajn jindmu wara li jsiru jafu kemm hu tajjeb Jehovah max-Xhieda ddedikati tiegħu.—Rumani 2:4.
13. Manifestazzjonijiet tal-ġustizzja u t-tjieba divina għandhom jkollhom liema effett fuqna?
13 Jalla manifestazzjonijiet taʼ ġustizzja u tjieba divina wkoll iqanqluna biex ingħajtu bil-ferħ. Jekk inħossuna hekk, infittxu l-ewwel mhux biss lis-Saltna t’Alla imma wkoll lit-tjieba tiegħu. Aħna se nkunu rridu dejjem li l-kondotta tagħna ġġib tifbir lil Jehovah. Iva, se nkunu xandara regulari tas-Saltna b’ħafna x’nagħmlu fis-servizz t’Alla. It-tifħir tagħna lil Jehovah qatt ma se jindifen f’qabar taʼ silenzju.—Mattew 6:33; 1 Korintin 15:58; Ebrej 10:23.
Jehovah hu Ħanin
14 X’evidenza hemm li “Jehovah grazzjuż u kollu ħniena”?
14 Billi kompla jsemmi kwalitajiet taʼ min ifaħħarhom t’Alla, David qal: “Jehovah grazzjuż u kollu ħniena, qajla jirrabja u kbir fil-qalb tajba bl-imħabba.” (Salm 145:8) Alla hu grazzjuż għax hu totalment tajjeb u ġeneruż. (Mattew 19:17; Ġakbu 1:5) Hu jagħmel affarijiet tajbin saħansitra għal dawk li ma jaqduhx. (Atti 14:14-17) Jehovah huwa wkoll ħanin, taʼ mogħdrija, “jiftakar li aħna trab.” Hu ma jobgħodx qalb maqsuma jew jittratta magħna skond id-dnubiet tagħna imma huwa bil-wisq iżjed ħanin minn l-iktar missier uman taʼ mħabba. (Salm 51:17. l03:10-14) Ara, fl-akbar turija taʼ ħniena, hu bagħat lil Ibnu l-maħbub biex imut għalina sabiex aħna nistgħu niġu rrikonċiljati m’Alla u nduqu verament kemm hu grazzjuż!—Rumani 5:6-11.
15. Għala jistaʼ jingħad li Alla Jehovah “qajla jirrabja” u “kbir fil-qalb tajba bl-imħabba”?
15 Missierna tas-sema qajla jirrabja. Hu ma jitlaqx rabja bla kontroll. Jehovah huwa wkoll “kbir fil-qalb tajba bl-imħabba.” Hawn l-Ebrajk jindika qalb tajba li tinbet mill-imħabba u tiggranfa maʼ oġġett. Hi tagħmel dan sakemm il-għan tagħha rigward dak l-oġġett jitwettaq. Mod ieħor kif tiġi tradotta hu “mħabba leali.” Fost affarijiet oħra, il-qalb tajba bl-imħabba, jew l-imħabba leali, t’Alla tiġi murija f’atti taʼ ħelsien, ħarsien, protezzjoni, serħan minn inkwiet, u fejqan mid-dnub permezz tal-fidwa. (Salm 6:4; 25:7; 31:16, 21; 40:11; 61:7; 119:88, 159; 143:12; Ġwann 3:16) Il-fatt li Jehovah ma ġabx Armageddon dritt wara l-‘gwerra fis-sema’ ta l-opportunità lil folol kbar biex jakkwistaw salvazzjoni, espressjoni kbira taʼ qalb tajba bl-imħabba divina.—Rivelazzjoni 12:7-12; 2 Pietru 3:15.
16. Jehovah kif wera li hu “tajjeb maʼ kulħadd”?
16 Meta nqisu l-ħniena t’Alla, jistaʼ jingħad li hu għandu qalb kbira. David iddikjara: “Jehovah tajjeb maʼ kulħadd, u l-ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.” (Salm 145:9) Iva, Alla kien twajjeb mal-Iżraeliti. Jekk niġu f’dan, “hu jagħmel ix-xemx tiegħu titlaʼ fuq nies mill-agħar u tajbin u jagħmel ix-xita tinżel fuq nies twajbin u mhux twajbin.” (Mattew 5:43-45) F’Għeden, Jehovah kien wiegħed “żerriegħa” li tkun barka. Iktar tard hu qal lil Abraham: “Permezz taż-żerriegħa tiegħek il-ġnus kollha tal-art ċertament li se jbierku lilhom infushom.” (Ġenesi 3:15; 22:18) U t-tjieba t’Alla hi tant kbira f’dan iż-“żmien tat-tmiem” li kulmin irid jistaʼ ‘jiġi u jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.’ (Danjel 12:4; Rivelazzjoni 22:17) Jehovah hu lest li jagħmel il-ġid lill-ħlejjaq intelliġenti kollha, u t-tjieba tiegħu tiġbidna dejjem eqreb lejh.
17. F’liema sens ‘il-ħniniet taʼ Jehovah huma fuq xogħlijietu kollha’?
17 “Il-ħniniet [taʼ Jehovah] huma fuq xogħlijietu kollha” għax jagħmel provvediment abbundanti għall-bnedmin u għall-annimali. Huwa “Dak li qed jagħti l-ikel lil-laħam kollu.” (Salm 136:25; 147:9) Alla ma jonorax lis-sinjuri u jistmerr lill-imgħaffġin, u ma jeżaltax lill-imkabbrin u jobgħod lill-umlin. Nies midinba jagħmlu hekk imma mhux Missierna tas-sema kollu ħniena. (Salm l02:17; Sofonija 3:11, 12; Ekkleżjasti 10:5-7) U kemm huma kbar il-ħniena, it-tjieba, u l-qalb tajba bl-imħabba t’Alla f’li jagħmel possibbli s-salvazzjoni permezz tas-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ibnu l-maħbub!—1 Ġwann 4:9, 10.
Uħud Leali Jbierku lil Jehovah
18. (a) Ix-xogħlijiet t’Alla kif ‘ifaħħruh’? (b) Meta għandna niġu mqanqlin biex infaħħru lil Jehovah?
18 Alla jixraqlu tifħir minn kull angolu. Bħalma esprimieha David: “Xogħlijietek kollha se jfaħħruk, O Jehovah, u l-uħud leali tiegħek se jberkuk.” (Salm 145:10) Ix-xogħlijiet taʼ ħolqien t’Alla ‘jfaħħruh,’ saħansitra bħalma dar mibnija tajjeb hija taʼ kredtu għall-bennej tagħha u vażun sabiħ għall-fuħħari tas-sengħa tiegħu. (Qabbel Ebrej 3:4; Isaija 29:16; 64:8.) Tant huma tal-għaġeb ix-xogħlijiet kreattivi taʼ Jehovah li huma jqanqlu anġli u bnedmin biex ifaħħruh. Ulied anġeliċi t’Alla għajtu ferħanin b’applaws meta hu fforma l-art. (Ġob 38:4-7) David qal li ‘s-smewwiet jiddikjaraw il-glorja t’Alla u l-firxa tgħid dwar ix-xogħol taʼ jdejh.’ (Salm 19:l-6) Aħna nistgħu b’mod xieraq infaħħru lil Jehovah meta naraw seqer itir b’ħeffa fis-smewwiet jew xi gażella taqbeż ħafif ħafif fuq xi għolja miksija bil-ħdura. (Ġob 39:26; Għanja taʼ Salamun 2:17) Tifħir hu xieraq meta naħsdu l-uċuħ tar-rabaʼ jew ingawdu xi ikla mal-ħbieb. (Salm 72:16; Proverbji 15:17) L-iġsma tagħna ddisinnjati b’mod tal-għaġeb jistgħu wkoll iqanqlu espressjonijiet taʼ tifħir bi gratitudni lejn Alla.—Salm 139:14-16.
19. Min huma “l-uħud leali,” u x’jagħmlu?
19 Illum, l-“uħud leali” midlukin bl-ispirtu taʼ Jehovah fuq l-art iberkuh. Huma jitkellmu tajjeb dwaru u jixxennqu biex jaraw ir-rieda tiegħu ssir fuq l-art bħalma hi fis-sema. (Mattew 6:9, 10) Hekk kif il-midlukin igħidu lill-oħrajn dwar ix-xogħlijiet tal-għaġeb t’Alla, il-folla kbira twieġeb f’għadd li dejjem jiżdied. Flimkien mal-uħud leali midlukin, huma jaqdu biż-żelu bħala xandara tas-Saltna. Qiegħda l-gratitudni tqanqal lilek biex ikollok sehem regulari f’dan ix-xogħol li jfaħħar lil Alla?
20. (a) Isem Jehovah kif se jiġi mqaddes? (b) Rigward Salm 145, x’mistoqsijiet jibqaʼ biex jiġu kkunsidrati?
20 Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna bħal David f’li nagħtu tifħir lil Alla. Għalina t-tqaddis tal-isem qaddis t’Alla u t-tifħir tiegħu huma kwistjonijiet taʼ tħassib vitali. Ladarba l-isem divin se jiġi mqaddes bis-Saltna t’Alla, dan it-tagħlim tal-Bibbja dwar is-Saltna huwa fattur prominenti tal-aħbar tajba li niddikjaraw. Salm 145 jipprovdi xi tidwil spiritwali f’dan ir-rigward? X’se tirrivela d-diskussjoni tagħna tal-bqija taʼ dan is-salm? F’liema modi oħra jagħti prova li Jehovah jixraqlu tifħir etern?
Kif Tikkummenta?
◻ Kif nistgħu nbierku lil isem Jehovah?
◻ Liema huma xi xogħlijiet t’Alla li jixirqilhom tifħir?
◻ Kif se naġixxu jekk napprezzaw it-tjubija t’Alla?
◻ Il-ħniena t’Alla ntweriet b’liema modi?