Bierek lill-Isem Qaddis taʼ Jehovah!
“It-tifħir taʼ Jehovah se jitkellem fommi; u ħalli l-laħam kollu jbierek lill-isem qaddis tiegħu għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—SALM 145:21.
1, 2. (a) Satana b’liema mod sfida lit-tmexxija t’Alla? (b) X’mistoqsijiet jitqajmu rigward Salm 145:11-21?
JEHOVAH hu bla dubju s-Sovran Universali. Imma Satana sfida t-tjieba u d-dritt tat-tmexxija t’Alla. (Ġenesi 2:16, 17; 3:1-5) Ix-Xitan ġab f’dubju wkoll l-integrità tal-qaddejja kollha t’Alla fis-sema u fuq l-art. (Ġob 1:6-11; 2:1-5; Luqa 22:31) Mela Jehovah ippermetta ż-żmien għall-ħlejjaq intelliġenti kollha biex jaraw il-frott ħażin tal-irvell kontra t-tmexxija tiegħu u biex juru fejn jinsabu fuq dawn il-kwistjonijiet.
2 Salm 145 igħinna nieħdu waqfa soda favur it-tmexxija t’Alla. Dan kif? Xi jgħid David dwar l-istat taʼ sultan taʼ Jehovah? U Alla kif jistma lil dawk li jitkellmu favuru? Tweġibiet taʼ għajnuna jidhru f’Salm 145:11-21.
Tkellem Dwar l-Istat taʼ Jehovah bħala Sultan
3. Jekk l-istat taʼ Jehovah bħala sultan huwa għażiż għalina, x’se nagħmlu?
3 It-tmexxija taʼ Jehovah kienet taʼ interess kbir għal David, li qal: “Dwar il-glorja tal-istat tiegħek taʼ sultan se jitkellmu, u dwar l-istat setgħani tiegħek se jgħidu, biex jagħmlu magħrufin lil ulied il-bnedmin l-atti setgħana tiegħu u l-glorja tal-isplendur tal-istat tiegħu taʼ sultan.” (Salm 145:11, 12) In-nies jitkellmu dwar affarijiet li jinteressawhom. Mela raġel jitkellem dwar il-familja tiegħu, dwar daru, dwar il-prodotti tiegħu. “Raġel tajjeb joħroġ il-ġid mit-teżor tajjeb taʼ qalbu,” qal Ġesù. (Luqa 6:45) Jekk it-tmexxija t’Alla hija għażiża għal qlubna, se nitolbu biex tiġi s-Saltna tiegħu, u se ngħidu lill-oħrajn dwar il-ġustizzja. Se nfaħħru lil Jehovah bħala s-“Sultan tal-eternità,” u se nitkellmu dwar l-espressjoni tas-sovranità tiegħu permezz tas-Saltna Messjanika f’idejn Ibnu l-għażiż, Ġesù Kristu. (Rivelazzjoni 15:3; Isaija 9:6, 7) Xi privileġġ li titkellem dwar il-glorja tas-sema tal-istat taʼ Jehovah bħala sultan, li dalwaqt se tkun riflessa fil-ġmiel taʼ Ġenna fuq l-art mimlija bi ħlejjaq ferħanin b’mod perfett!—Luqa 23:43.
4. Meta għandna okkażjoni li nitkellmu dwar l-“istat setgħani” taʼ Jehovah, u kif niġu mwieżna f’din l-attività?
4 L-apprezzament se jqanqalna wkoll biex nitkellmu dwar l-“istat setgħani” taʼ Jehovah. Għalkemm “hu eżaltat fil-qawwa,” hu qatt ma jużaha ħażin. (Ġob 37:23) Uża l-poter tiegħu biex joħloq l-art u l-bnedmin u se jeżerċitah biex jeqred lill-ħżiena. Għandna okkażjoni nitkellmu dwar l-istat setgħani t’Alla meta niddikjaraw l-aħbar tajba. U m’aħniex grati li dan il-għola Sors taʼ saħħa jagħtina l-qawwa biex nagħmlu dan ix-xogħol? (Isaija 40:29-31) Iva, bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna sostnuti fis-servizz sagru bis-saħħa u bl-ispirtu t’Alla. Huwa biss b’dan il-mod li l-messaġġ tas-Saltna qed jiġi mxandar b’suċċess meraviljuż mad-dinja kollha.—Salm 28:7, 8; Żakkarija 4:6.
5. Ladarba qtajjiet taʼ nies ma jafux dwar “l-atti setgħana” taʼ Jehovah, x’għandna nagħmlu?
5 Hemm ħtieġa għalina li nagħmlu magħrufin “l-atti setgħana” taʼ Jehovah lil ulied il-bnedmin, saħansitra bħalma l-Iżraeliti qalu lil uliedhom dwar il-mod kif Alla ħelishom mill-jasar tal-Eġittu. (Eżodu 13:14-16) Il-bnedmin jibnu monumenti għal nies li l-opri tagħhom huma jqisuhom notevoli, imma kemm huma dawk li jafu dwar l-atti setgħana t’Alla? Kif poġġieha wieħed studjuż: “Huma jnaqqxu l-opri tal-eroj tagħhom fuq ir-ram, imma l-atti glorjużi taʼ Jehovah huma miktubin fuq ir-ramel, u l-mewġ taż-żmien iħassarhom mill-memorja tal-preżent.” Dawk l-atti verament ma tħassrux għalkemm m’humiex magħrufin minn qtajjiet taʼ nies. Mela fix-xogħol tagħna minn dar għal dar, meta nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar, u f’okkażjonijiet oħra, ejjew b’mod żeluż nitkellmu dwar l-atti setgħana t’Alla.
6. (a) F’liema okkażjoni taʼ xi snin ilu ġie esprimut tajjeb l-ispirtu żeluż li bih inwettqu l-ministeru tagħna? (b) Fil-qofol, x’ingħad fl-1922 dwar ir-riklamar tas-Saltna?
6 Aħna għandna wkoll b’mod żeluż nagħmlu magħrufa l-glorja tal-istat t’Alla bħala sultan. Żelu għal servizz tas-Saltna bħal dan ċertament kien evidenti meta, fl-1922, J. F. Rutherford, li dak iż-żmien kien president tal-Watch Tower Society, indirizza lil dawk li attendew il-konvenzjoni f’Cedar Point, Ohio, u qal: “Mill-1914 ’il hawn is-Sultan tal-glorja ħa l-qawwa tiegħu . . . Is-saltna tas-sema hi f’idejh; is-Sultan jirrenja; l-imperu taʼ Satana qed jaqaʼ; miljuni li qed igħixu issa ma se jmutu qatt. Temmnuh dan? . . . Mela lura lejn il-għalqa, O intom ulied Alla l-iktar għoli! Ħażżmu l-armar tagħkom! Kunu f’sensikom, kunu mqajmin, kunu attivi, kunu kuraġġużi. Kunu xhieda leali u veri tal-Mulej. Morru ’l quddiem fil-ġlieda sakemm kull traċċa taʼ Babilonja tkun ħerba. Semmgħu l-messaġġ maʼ kullimkien. Id-dinja trid tkun taf li Jehovah hu Alla u li Ġesù Kristu hu Sultan tas-slaten u Sid tas-sidien. Dan hu l-jum fuq il-jiem kollha. Araw, is-Sultan jirrenja! Intom l-aġenti tal-pubbliċità tiegħu. Għalhekk irriklamaw, irriklamaw, irriklamaw, is-Sultan u s-saltna tiegħu.”
7. Kif għandna nħossuna dwar l-attività tagħna bħala xandara tas-Saltna?
7 X’ferħ li ‘taħseb fuq isem Alla,’ li tgħid lill-oħrajn dwar it-tmexxija tiegħu, u li tirriklama s-Saltna Messjanika taʼ Ibnu l-għażiż! (Malakija 3:16) Bħala dawk li nxandru u nappoġġjaw lis-Saltna, aħna ngħożżu l-privileġġ tagħna li niddikjaraw l-aħbar tajba u ndawru l-qlub taʼ oħrajn lejn Alla, Kristu, u s-Saltna. Ġewwa fina, għandu jkun hemm xewqa taqbad biex ingħidu lil oħrajn dwar l-isplendur glorjuż tal-istat taʼ Jehovah bħala sultan.—Qabbel Ġeremija 20:9.
8. (a) Fiex inhi rrappreżentata t-tmexxija taʼ Jehovah illum? (b) Għala jistaʼ jingħad li Alla għandu dominju “tul il-ġenerazzjonijiet suċċessivi kollha”?
8 Aħna għandna niġu mqanqlin biex inxandru s-Saltna t’Alla b’żelu kbir, għax David imbagħad qal: “L-istat tiegħek taʼ sultan huwa stat taʼ sultan għaż-żminijiet indefiniti kollha, u d-dominazzjoni tiegħek hi għal tul il-ġenerazzjonijiet suċċessivi kollha.” (Salm 145:13) Hekk kif komplew il-meditazzjonijiet tas-salmista fuq l-istat taʼ Jehovah bħala sultan, hu biddel il-pronomi minn “tiegħu” għal “tiegħek,” billi indirizza l-kliem taʼ talb tiegħu direttament lil Alla. Naturalment, it-tmexxija taʼ Jehovah kif irrappreżentata fis-Saltna Messjanika ma tiħux post l-istat eterna t’Alla bħala sultan. Fil-fatt, meta l-umanità ubbidjenti tkun ġiet imgħollija għall-perfezzjoni, Kristu se jirritorna s-Saltna lura lil Missieru. (1 Korintin 15:24-28) Mela Alla għandu dominju “tul il-ġenerazzjonijiet suċċessivi kollha.” Jehovah kien Sultan meta Adam ġie maħluq u se jkollu dominju fuq bnedmin taʼ tjieba għal dejjem.
9. F’Salm 145, x’jistaʼ jingħad dwar vers li jibda bl-ittra Ebrajka nun?
9 F’dan is-salm akrostiku, it-test Mażoretiku jħalli barra vers li jibda bl-ittra Ebrajka nun. Imma skond is-Settwaġinta Griega, il-Peshitta Sirjaka, u l-Vulgata Latina, wieħed manuskritt Ebrajk jaqra: “Jehovah hu fidil fi kliemu kollu, u qalbu tajba bl-imħabba [jew, “leali”] fix-xogħlijiet tiegħu kollha.” (New World Translation of the Holy Scriptures—With References, nota taʼ taħt) Alla jwettaq il-wegħdiet tiegħu kollha u hu leali, taʼ mħabba, u ħanin maʼ dawk kollha li japprezzaw it-tjubija tiegħu.—Ġożwè 23:14.
L-Appoġġ taʼ Jehovah Qatt ma Jonqos
10. Alla kif ‘jagħtina appoġġ’?
10 Is-Sultan Etern qatt ma jagħlaq għajnejh għall-problemi tal-qaddejja tiegħu. B’hekk, David setaʼ jgħid: “Jehovah qed jagħti appoġġ lil dawk kollha li qed jaqgħu, u qed itellaʼ lil dawk kollha li milwijin ’l isfel.” (Salm 145:14) Minn żmien Abel, Jehovah appoġġja lill-adoraturi Tiegħu. Imħollijin waħedna, aħna kieku naqgħu ħafna drabi taħt it-tagħbijiet tagħna. Tonqosna s-saħħa suffiċjenti biex nissaportu l-gwajijiet kollha tal-ħajja u l-persekuzzjoni li tiġi fi triqitna bħala l-poplu t’Alla, imma Jehovah iwiżinna. Il-għamla tal-verb Ebrajk użata hawn tindika li Alla kontinwament ‘jagħtina l-appoġġ.’ Jistaʼ jiġi nnotat li Ġwanni l-Għammied u l-Iben t’Alla nnifsu għenu biex iqajmu moralment lil midinbin imwaqqgħin. Meta dawn l-individwi nidmu u saru qaddejja taʼ Jehovah, huma gawdew il-barka tal-għaġeb taʼ appoġġ divin.—Mattew 21:28-32; Mark 2:15-17.
11. Jehovah b’liema mod ‘qed itellaʼ lil dawk kollha li milwijin ’l isfel’?
11 Huwa taʼ faraġ li tkun taf li ‘Jehovah qed itellaʼ lil dawk kollha li milwijin ’l isfel’ b’diversi provi. Hu jferraħ lil dawk neqsin mill-kuraġġ fostna, ifarraġ lil dawk fostna li huma mnikktin, u jgħinna biex nitkellmu l-kelma tiegħu bil-qlubija meta niġu ppersegwitati. (Atti 4:29-31) Qatt ma jħalli lit-tagħbijiet tagħna jgħaffġuna jekk biss naċċettaw il-għajnuna tiegħu. (Salm 55:22) Mela, bħal “bint Abraham” li kienet “milwija doppju” imma ġiet imfejqa fiżikament minn Ġesù, aħna għandna ‘nigglorifikaw ’l Alla’ meta hu b’imħabba jqajjimna spiritwalment. (Luqa 13:10-17) Uħud midlukin milwijin f’jasar Babilonjan kienu grati meta Alla qajjimhom fl-1919, u hu kien u għadu qed iqajjem “ngħaġ oħra” li japprezzaw mill-1935 ’il hawn.—Ġwann l0:16.
12. Kif inhu li ‘l-għajnejn taʼ kulħadd iħarsu kollhom tama’ lejn Alla?
12 Jehovah qatt ma jonqos lill-poplu tiegħu kif David imbagħad għamel ċar billi qal: “Lejk iħarsu kollhom tama l-għajnejn taʼ kulħadd, u int qed tagħtihom l-ikel tagħhom fl-istaġun tiegħu. Int qed tiftaħ idek u tissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.” (Salm 145:15, 16) Huwa bħal li kieku għajnejn il-ħlejjaq ħajjin kollha huma mdawrin bit-tama lejn is-Sovran Universali. L-anġli jfittxu ’l Alla għal ħajja kontinwa. Bħalma tifel żgħir ifittex lil ġenitur għall-affarijiet meħtieġa, aħna nfittxu lil missierna tas-sema. Fil-fatt, minnu l-bnedmin u l-annimali, it-tnejn li huma, jirċievu manteniment. Ħadd iżjed ma jistaʼ jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom. Alla jagħtihom “l-ikel tagħhom fl-istaġun tiegħu,” jiġifieri, meta jkun meħtieġ.
13. Jehovah b’liema modi ‘qed jiftaħ idu u jissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja’?
13 Alla ‘jiftaħ idu u jissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’ (Salm l04:10-28) Veru, xi annimali jmutu minħabba nuqqas taʼ ikel. Ħafna bnedmin huma bil-ġuħ bħala vittmi tal-egoiżmu, l-oppressjoni, u l-abbuż tar-riżorsi. Barra minn dan, Ġesù ħabbar li “nuqqas taʼ ikel” se jkun fattur tas-“sinjal” tal-preżenza tiegħu f’dawn l-aħħar jiem. (Mattew 24:3, 7) Imma xejn minn dan ma jiġri għaliex Jehovah huwa xħiħ jew għax mhux kapaċi jipprovdi. Aħseb dwar l-eluf taʼ miljuni taʼ ħlejjaq li jiġu sostnuti minnu! Barra minn dan, dan is-salm jipprovdi ċertezza li taħt il-ħakma tas-Saltna, meta ‘bniedem ma jiddominax bniedem bi ħsara għalih,’ Alla se jissodisfa l-bżonnijiet materjali u spiritwali tagħna. (Ekkleżjasti 8:9; Isaija 25:6) Saħansitra llum, m’għandniex għalfejn noqogħdu bil-ġuħ spiritwalment, għax Alla jipprovdi l-ikel b’mod abbundanti fl-istaġun tiegħu permezz tal-“irsir fidil u għaqli.” (Mattew 24:45-47; 1 Pietru 2:2) F’sens spiritwali, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma l-iktar poplu mitmugħ tajjeb fuq l-art. Turi int apprezzament profond għal dawn ir-rigali ġenerużi?
Jehovah Igħasses Fuq Dawk li Jħobbuh
14. David għala setaʼ jgħid li “Jehovah hu twajjeb fil-mogħdijiet tiegħu kollha u leali fix-xogħlijiet tiegħu kollha”?
14 Il-bluha tagħna tistaʼ ‘tfixkel il-mogħdija tagħna’ u ġġib tbatijiet fuqna, imma qatt m’għandha nwaħħlu f’Alla għal dawn id-diffikultajiet. (Proverbji 19:3) David juri r-raġuni meta jgħid: “Jehovah hu twajjeb fil-mogħdijiet tiegħu kollha u leali fix-xogħlijiet tiegħu kollha.” (Salm 145:17) Alla dejjem jaġixxi b’mod rett, ġust, u taʼ ħniena. B’mod speċjali l-ħniena tiegħu hija evidenti fil-provvediment tiegħu għas-salvazzjoni permezz tas-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù. (Atti 2:21; 4:8-12) Jehovah huwa wkoll “leali fix-xogħlijiet tiegħu kollha,” dejjem fidil, taʼ mħabba, u imparzjali. Bħala “imitaturi t’Alla,” mela, ejjew inkunu retti, ġusti, ħanina, imparzjali, u leali.—Efesin 5:1, 2; Dewteronomju 32:4; Salm 7:10; 25:8. Isaija 49:7. Atti 10:34, 35.
15. Aħna kif ‘sejjaħna lil Alla fis-sewwa,’ u x’irriżulta milli għamilna dan?
15 Ladarba Alla huwa taʼ tjieba u leali aħna ninġibdu lejh. Barra minn dan, David jiżżgurana: “Jehovah hu qrib għal dawk kollha li qed isejħulu, għal dawk kollha li jsejħulu fis-sewwa.” (Salm 145:18) Billi tgħammidna bħala wħud li jemmnu u ddedikati, aħna sejjaħna l-isem taʼ Jehovah. (Atti 8:12; 18:8; Rumani l0:l0-15) Ladarba b’hekk aħna nersqu qrib t’Alla, hu jersaq qrib tagħna. (Ġakbu 4:8) Aħna ‘nsejħulu fis-sewwa’ għaliex nagħmlu dan bil-mod il-veru, permezz taʼ Ġesù Kristu. U Jehovah se jibqaʼ qrib jekk aħna nqimuh “bl-ispirtu u l-verità,” billi nuru “fidi mingħajr ipokrezija,” u ‘nkomplu sodi bħala li naraw lil Dak li hu inviżibbli.’ (Ġwann 4:23, 24; 1 Timotew 1:5; Ebrej 11:27) Imbagħad aħna ma nitolbux għalxejn jew ikollna niffaċċjaw lid-dinja taʼ Satana waħedna, imma nkomplu ngawdu għajnuna u gwida divina. (Salm 65:2; 1 Ġwann 5:19) X’sigurtà jfisser dak!
16. Jehovah għala u kif ‘iwettaq ix-xewqa taʼ dawk li jibżgħu minnu’?
16 Aħna għandna sigurtà vera, ukoll, minħabba affarijiet oħra li Jehovah jagħmel għan-nom tagħna. Qal David: “Ix-xewqa taʼ dawk li qed jibżgħu minnu hu se jwettaq, u l-għajta tagħhom għall-għajnuna se jismagħha, u se jsalvahom.” (Salm 145:19) Jehovah ‘wettaq ix-xewqa tagħna’ għaliex aħna għandna reverenza profonda għal Alla u biżaʼ bnin li nonqsu li nogħġbuh. (Proverbji 1:7) Il-qalb ubbidjenti tagħna qanqlitna biex nagħmlu dedikazzjoni lil Jehovah, u l-attitudni tagħna hi, “Ħa ssir ir-rieda tiegħek.” Ladarba hija r-rieda tiegħu li aħna niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna, hu jwettaq ix-xewqa tagħna biex nagħmlu dak ix-xogħol. (Mattew 6:10; Mark 13:10) Alla ‘jwettaq ix-xewqa tagħna’ għaliex aħna ma nitolbux b’mod egoist imma nistaqsu għal affarijiet fi qbil mar-rieda tiegħu. Hu jaqlagħalna dak li hu fi qbil mar-rieda tiegħu u li hu għall-ġid tagħna.—1 Ġwann 3:21, 22; 5:14, 15; qabbel Mattew 26:36-44.
17. Għala nistgħu nkunu żguri li ‘l-għajta tagħna għall-għajnuna’ se tinstemaʼ minn Alla?
17 Bħala Xhieda leali taʼ Jehovah, aħna nistgħu wkoll inkunu żguri li ‘l-għajta tagħna għall-għajnuna’ qatt ma se taqaʼ fuq widnejn torox. Alla ħeles lil David mill-gwaj u salva lil Ġesù, billi saħansitra qajmu mill-mewt. Taħt attakk mill-għadu, b’mod speċjali matul l-attakk taʼ Gog, aħna nistgħu nkunu żguri li Jehovah sa jeħlisna. (Eżekjel 38:1-39:16) Fil-fatt, matul kwalunkwe żmien taʼ nkwiet, bħal David aħna nistgħu b’mod fiduċjuż nitolbu: “Urini favur, O Jehovah, għax ninsab f’inkwiet taʼ wġigħ. . . . Jien smajt ir-rapport ħażin minn ħafna, billi t-twerwir qiegħed fuq kull naħa. Meta jinġabru f’nassa flimkien bħal wieħed kontra tiegħi, hu biex jieħdu ’l hemm lil ruħi li tassew jikkonfoffaw. Imma jien—fik jien poġġejt il-fiduċja tiegħi, O Jehovah. Jien għedt: ‘Inti Alla tiegħi.’”—Salm 31:9-14.
18. Kif nibbenefikaw għax nafu li Jehovah “igħasses lil dawk kollha li qed iħobbuh” imma se ‘jeqred lill-uħud mill-agħar’?
18 Alla Jehovah hu dejjem lest li jgħinna. Bħalma jgħid David: “Jehovah qed igħasses lil dawk kollha li qed iħobbuh, imma lill-uħud mill-agħar kollha se jeqridhom.” (Salm 145:20) Iva, jekk inħobbu ’l Alla, hu se jberikna u jħarisna. (Numri 6:24-26) Hu ‘jħallas bil-kbir lill-imkabbrin’ imma jissalvagwardja lill-qaddejja umlin tiegħu, billi ma jħalli li jiġrilhom xejn li jagħmlilhom ħsara permanenti. Ladarba Jehovah hu magħna, ejjew inkunu kuraġġużi. (Salm 31:20-24; Atti 11:19-21) ‘Ebda arma fformata kontra tagħna ma se tirnexxi.’ (Isaija 54:17; Salm 9:17; 11:4-7) Dik hi l-esperjenza taʼ dawk li jagħtu prova tal-imħabba tagħhom lejn Alla bħala l-qaddejja ddedikati u leali tiegħu. Bħala grupp, ix-Xhieda taʼJehovah se jgħaddu salvi mit-“tribulazzjoni l-kbira” miġjuba fuq dawk mill-agħar. (Rivelazzjoni 7:14) U x’barka se jkun il-qtugħ tal-kwistjoni l-kbira dwar l-istat universali taʼ Jehovah bħala sultan għal ‘dawk kollha li jħobbuh’!
Ibqaʼ Bierek l-Isem Qaddis taʼ Jehovah
19. Fommna għala jitkellem “it-tifħir taʼ Jehovah”?
19 David jikkonkludi dan is-salm li jqanqal bil-kelmiet: “It-tifħir taʼ Jehovah se jitkellem fommi; u ħalli l-laħam kollu jbierek lill-isem qaddis tiegħu għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Salm 145:21) Bħala Xhieda taʼ Jehovah, aħna napprezzaw il-kobor, it-tjubija, l-istat benevolenti bħala sultan, l-appoġġ li qatt ma jonqos, u l-ħarsien bla heda t’Alla. Mela, bħal David, fommna jitkellem it-tifħir t’Alla. Aħna niġu mqanqlin biex nagħtuh devozzjoni esklussiva, nirringrazzjawh tal-barkiet kotrana tiegħu, u nfaħħru “l-isem sabiħ” tiegħu.—1 Kronaki 29:10-13; Eżodu 20:4-6.
20. Waqt li nħarsu lejn l-eternità, x’għandha issa tkun id-determinazzjoni tagħna?
20 Ladarba Jehovah iberikna kuljum, ejjew regolarment inberkuh, jew nitkellmu tajjeb dwaru. Ejjew nippridkaw l-aħbar tajba b’mod żeluż b’tifħir lil Alla, billi ngħidu lil oħrajn li dalwaqt ‘il-laħam kollu se jbierek lill-isem qaddis tiegħu.’ Kemm ikun splendidu li tgħix meta l-abitanti kollha tal-art—tabilħaqq, il-ħlejjaq intelliġenti kollha fl-univers—se jkantaw it-tifħir lil Missierna tas-sema! (Salm 148:1-13) Ikun imbierek Jehovah talli rrivela ismu u talli tana l-privileġġ li nkunu Xhieda tiegħu. (Salm 83:18; Isaija 43:10-12) Jalla nġibu rwieħna b’manjiera li tixraq lil dawk li jżommu dak l-isem sagru u li jitolbu għat-tqaddis tiegħu. (Luqa 11:2) Ejjew naqdu lil Alla bil-lealtà, sabiex fis-sistema l-ġdida tiegħu, il-vuċi tagħna tistaʼ tinstemaʼ fil-kor taʼ dawk li jbierku l-isem qaddis taʼ Jehovah għal dejjem.
X’lnhuma l-Kummenti Tiegħek?
◻ X’se nagħmlu jekk l-istat taʼ Jehovah bħala Sultan huwa għażiż għalina?
◻ Fiex inhu rrappreżentat l-istat t’Alla bħala sultan illum?
◻ Jehovah kif ‘itellaʼ lil dawk kollha li milwijin ’l isfel’?
◻ Alla b’liema modi ‘jiftaħ idu u jissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja’?
◻ Kif nistgħu nbierku l-isem qaddis taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 13]
Fl-1922 il-kelmiet ‘irriklamaw lis-Sultan u lis-Saltna’ qanqlu lil dawk li jappoġġjaw lill-istat taʼ Jehovah bħala sultan għal azzjoni akbar