LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 9/15 pp. 21-23
  • Hu Alla Reali Għalik?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hu Alla Reali Għalik?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Studja l-​Iskrittura
  • Itlob Regolarment u bil-​Ħrara
  • Osserva l-​Ħolqien
  • Imxi maʼ Jehovah
  • Għala Għandna Nitolbu bla Heda?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Se Jismaʼ Alla t-Talb Tiegħi?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 9/15 pp. 21-23

Hu Alla Reali Għalik?

META ġġarrab xi problemi li jkedduk, tmur int minnufih għand Alla permezz tat-​talb? Jekk inhu hekk, tħossok li qiegħed titkellem maʼ persuna reali?

Billi rrefera għal Missieru tas-​sema, Ġesù Kristu qal: “Dak li bagħatni hu tassew.” (Ġwann 7:28, KŻ) Iva, Alla Jehovah hu reali tassew, u li tmur għandu bit-​talb huwa bħal meta tmur għand xi ħabib tal-​qalb għall-​għajnuna jew għal xi parir. M’għandniex xi ngħidu, biex Alla jismagħna, it-​talb tagħna jrid ikun aċċettabbli skond kif titlob l-​Iskrittura. Per eżempju, irridu navviċinaw bl-​umiltà lil Dak ‘li jismaʼ t-​talb’ permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu.—Salm 65:3 [Salm 65:2, NW]; 138:6; Ġwann 14:6.

Xi wħud għandhom mnejn iħossu li għax Alla hu inviżibbli, allura m’għandux personalità. Għalihom, Alla donnu hu xi ħaġa astratta. Anki xi Kristjani, li tgħallmu dwar l-​attributi meraviljużi t’Alla, għandhom mnejn xi drabi jsibuha diffiċli biex jirrealizzaw kemm hu tassew reali. Ġie li ħassejtek hekk? Jekk inhu hekk, x’jistaʼ jgħinek biex Alla Jehovah jsir reali għalik?

Studja l-​Iskrittura

Tistudjaha regolarment l-​Iskrittura Mqaddsa? Iktar ma jkun frekwenti u intensiv il-​ħin li tqattaʼ tistudja l-​Bibbja, iktar se jsir reali għalik Alla Jehovah. B’hekk, il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ, u bis-​saħħa t’hekk tkun tistaʼ ‘tara lil Alla li ma jidhirx.’ (Lhud 11:6, 27) Mill-​banda l-​oħra, li tistudja l-​Bibbja kultant jew meta jfettillek ma tantx se jħalli impatt sinjifikanti fuq il-​fidi tiegħek.

Biex nagħtu eżempju: Nagħmlu mod li t-​tabib qallek biex tidlek ċertu ingwent darbtejn kuljum biex tneħħi raxx li ma jrid imur b’xejn. Taħseb li dan jitlaq jekk tidlek l-​ingwent darba jew darbtejn biss fix-​xahar? X’aktarx li le. Bl-​istess mod, is-​salmista jagħtina “riċetta” għas-​saħħa spiritwali. Aqra l-​Kelma t’Alla “minn taħt l-​ilsien lejl u nhar.” (Salm 1:1, 2, NW) Biex iktar ma jgħaddi ż-​żmien iktar nibbenefikaw, jeħtieġ li nsegwu dik ir-​“riċetta”​—jiġifieri, li nikkunsidraw il-​Kelma t’Alla kuljum bil-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani.—Ġożwè 1:8.

Tixtieq int li l-​ħin li tqattaʼ tistudja jsaħħaħlek il-​fidi iktar milli qiegħed? Dan huwa suġġeriment wieħed: Wara li tkun qrajt kapitlu min-​New World Translation of the Holy Scriptures jew minn xi Bibbja oħra bir-​referenzi, agħżel vers li jolqtok u fittex l-​iskritturi ċċitati fir-​referenza. Dan se jsebbaħ l-​istudju tiegħek u żgur li se tibqaʼ impressjonat bl-​armonija li hemm fil-​Bibbja. Bħala riżultat, l-​awtur tagħha, Alla Jehovah, se jsir iktar reali għalik.

Meta tfittex versi mill-​Bibbja mogħtijin bħala referenza, se ssir familjari wkoll mal-​profeziji tal-​Bibbja u t-​twettiq tagħhom. Forsi int midħla tal-​profeziji l-​iktar magħrufin tal-​Bibbja, bħalma huma dawk irrelatati mal-​qerda taʼ Ġerusalemm mill-​Babiloniżi. Madankollu, fil-​Bibbja nsibu nisġa taʼ profeziji rrelatati maʼ xulxin u t-​twettiq tagħhom. Xi ftit minn dawn ma tantx huma magħrufin.

Per eżempju, aqra l-​profezija dwar il-​piena li kellu jsofri min jibni lil Ġeriko mill-​ġdid u mbagħad ikkunsidra t-​twettiq tagħha. Ġożwè 6:26 jgħid: “Ġożwè ħalef dakinhar u qal: Misħut il-​bniedem quddiem il-​Mulej li jfettillu jibni din il-​belt, u b’ibnu l-​kbir isejjisha, u jwaqqfilha bwiebha b’ibnu ż-​żgħir.” It-​twettiq seħħ mal-​ħames mitt sena wara, għax fl-​1 Slaten 16:34 naqraw: ‘Fi żmien is-​sultan Aħab, Ħijel, minn Betel, bena Ġeriko. Il-​pedament tagħha swielu l-​mewt taʼ ibnu l-​kbir Abiram, u l-​bwieb tagħha lil ibnu ż-​żgħir Segub, skond il-​kelma tal-​Mulej, li kien qal permezz taʼ Ġożwè bin Nun.’a Alla li hu reali biss setaʼ jispira profeziji bħal dawn u jara li jitwettqu.

Xi kultant jiġri li int u taqra l-​Bibbja, tqumlek il-​kurżità fuq xi punt partikulari. Per eżempju, kemm għaddew snin minn mindu tbassret profezija sakemm din attwalment twettqet. Minflok ma sempliċement tistaqsi lil xi ħadd, għala ma tagħmilx ftit sforz u tfittixha int it-​tweġiba? Billi tuża tabelli u għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, ibqaʼ fittex sakemm issib it-​tweġibiet daqs li kieku qed tipprova taqra u tifhem mappa b’xi teżor moħbi. (Proverbji 2:4, 5) Il-​fatt li ssib it-​tweġibiet se jħalli effett profond fuq il-​fidi tiegħek, u b’hekk Alla Jehovah se jsir iktar reali għalik.

Itlob Regolarment u bil-​Ħrara

Tinjorax l-​importanza tat-​talb u l-​fidi. Id-​dixxipli taʼ Ġesù talbuh hekk: “Kattar fina l-​fidi.” (Luqa 17:5) Jekk qed tħossok li Jehovah ma tantx hu reali għalik, għala ma titolbux u turih li għandek bżonn iktar fidi? Itlob lil Missierek tas-​sema bil-​fiduċja kollha sabiex jgħinek ħalli hu nnifsu jsir iktar reali għalik.

Jekk għandek problema li qed ittaqqallek moħħok, sib il-​ħin biex lill-​Ħabib tiegħek tas-​sema turih x’int tħoss fil-​fond taʼ qalbek. Ġesù talab kemm felaħ meta kien wasal biex imut. Għalkemm ikkundanna d-​drawwa reliġjuża li wieħed jgħid talb twil għal għajn in-​nies, hu qattaʼ lejl sħiħ jitlob għalih waħdu qabel m’għażel it-​12-il appostlu tiegħu. (Mark 12:38-40; Luqa 6:12-16) Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa wkoll minn Anna, li saret omm il-​profeta Samwel. Peress li xtaqet ħafna li jkollha tifel, “damet titlob ħafna quddiem il-​Mulej.”—1 Samwel 1:12.

X’nitgħallmu minn dan kollu? Li jekk tixtieq li t-​talb tiegħek jinstemaʼ, trid titlob bis-​serjetà, bil-​ħrara, u bla waqfien​—u, bla dubju taʼ xejn, fi qbil mar-​rieda t’Alla. (Luqa 22:44; Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 5:17; 1 Ġwann 5:13-15) Jekk tagħmel hekk, Alla se jsir reali għalik.

Osserva l-​Ħolqien

Il-​personalità taʼ pittur tistaʼ tagħrafha minn dak li jpinġi. Bl-​istess mod, “il-​kwalitajiet inviżibbli” taʼ Jehovah, id-​Disinjatur u l-​Ħallieq taʼ l-​univers, tistaʼ tarahom b’mod ċar fil-​ħolqien. (Rumani 1:20, NW) Meta nosservaw bir-​reqqa xogħol idejh, insiru nafu aħjar x’personalità għandu Jehovah, u b’hekk isir iktar reali għalina.

Jekk tfittex iktar fil-​fond meta tosserva mill-​qrib l-​affarijiet li ħalaq Alla, se tibqaʼ impressjonat ferm bir-​realtà tal-​kwalitajiet tiegħu. Per eżempju, meta ssir taf kemm huma kapaċi l-​għasafar biex isibu t-​triq meta jpassu minn post għal ieħor, se tapprezza iktar x’għerf għandu Jehovah. Int u taqra fuq l-​univers, forsi ssir taf li t-​Triq tal-​Ħalib, li hija twila 100,000 sena tad-​dawl minn naħa s’oħra, hija biss waħda mill-​biljuni taʼ galassji li jeżistu fl-​ispazju. Ma jurikx dan kollu r-​realtà taʼ l-​għerf tal-​Ħallieq?

Iva, l-​għerf taʼ Jehovah huwa reali tassew! Imma dan x’ifisser għalik? Li għalih l-​ebda problema li ngħidulu fit-​talb m’hi kbira żżejjed. Iva, Jehovah jistaʼ jsir iktar reali għalik anki jekk tkun taf ftit li xejn dwar il-​ħolqien tiegħu.

Imxi maʼ Jehovah

Tistaʼ tesperjenza personalment kemm hu reali Jehovah? Tistaʼ, jekk tkun bħall-​patrijarka leali Noè. Hu dejjem obdieh lil Jehovah. Tant hu hekk li dwaru ntqal: “Kien jimxi sewwa maʼ Alla.” (Ġenesi 6:9) Noè għex daqs li kieku Jehovah kien jinsab maġenbu. Alla jistaʼ jkun daqshekk reali għalik.

Jekk qiegħed timxi m’Alla, allura tafda fil-​wegħdi Skritturali u taġixxi fi qbil magħhom. Per eżempju, temmen il-​kliem taʼ Ġesù: “Fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu [il-bżonnijiet materjali] jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:25-33) Veru, forsi Jehovah mhux dejjem jipprovdilek xi ħaġa kif tkun ħsibt li se jagħtihielek. Madankollu, meta titlob u mbagħad tesperjenza l-​għajnuna t’Alla, hu se jsir reali għalik daqs xi ħadd li qiegħed maġenbek.

Relazzjoni daqstant mill-​qrib maʼ Jehovah tiżviluppa hekk kif wieħed jibqaʼ jimxi m’Alla. Ikkunsidra lil Manuela, oħt li titkellem bl-​Ispanjol u li ġarrbet diversi provi. Hi tgħid: “Meta nkun inkwetata jew fil-​bżonn, dejjem applikajt il-​prinċipju fi Proverbji 18:10. Immur fil-​pront għand Jehovah għall-​għajnuna. Dejjem kien ‘torri qawwi’ għalija.” Manuela taf x’inhi tgħid għax ilha 36 sena tistrieħ fuq Jehovah u tesperjenza l-​appoġġ tiegħu.

Għadek kif bdejt turi fiduċja f’Jehovah? Taqtax qalbek jekk ir-​relazzjoni li għandek miegħu għad m’hijiex kif tixtieq. Għix kull ġurnata bħal wieħed li qiegħed jimxi m’Alla. Hekk kif tfassal ħajtek fuq il-​fedeltà, int se tibda tgawdi relazzjoni iktar mill-​qrib maʼ Jehovah.—Salm 25:14; Proverbji 3:26, 32.

Mod ieħor kif timxi m’Alla huwa li tintafaʼ b’ruħek u b’ġismek fis-​servizz tiegħu. Meta tieħu sehem fl-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, int issir ħaddiem sieħeb maʼ Jehovah. (1 Korintin 3:9) Jekk iżżomm dan f’moħħok, Alla se jsir reali ferm għalik.

Is-salmista jħeġġiġna: “Erħi fil-​Mulej it-​triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.” (Salm 37:5) Qatt iżżomm lura milli tmur għand Alla bil-​problemi u bil-​ħsibijiet li jkollok. Dejjem fittex lilu għall-​għajnuna u l-​gwida. Jekk tistrieħ fuq Alla Jehovah permezz tat-​talb u dejjem tafda fih b’għajnejk magħluqa, se tħossok fis-​sigurtà għaliex taf li hu żgur se jidħol għalik. Tħossok fiduċjuż meta titkellem maʼ Jehovah dwar il-​problemi persunali tiegħek? Hekk se tħossok​—jekk Alla hu reali għalik.

[Nota taʼ taħt]

a Biex tara eżempju ieħor, aqra dwar il-​profezija taʼ kif kellu jitniġġes l-​artal taʼ Ġerobogħam fl-​1 Slaten 13:1-3. Imbagħad innota t-​twettiq tagħha ddokumentat fit-2 Slaten 23:16-18.

[Stampa f’paġna 21]

Saħħaħ il-​fidi tiegħek permezz tal-​ħin li tqattaʼ tistudja

[Stampa f’paġna 22]

Sib il-​ħin biex titlob regolarment u bil-​ħrara

[Stampi f’paġna 23]

Osserva kif il-​kwalitajiet t’Alla jidhru fil-​ħolqien

[Sorsi]

Hummingbird: U.S. Fish and Wildlife Service, Washington, D.C./Dean Biggins; kwiekeb: Ritratt: Copyright IAC/RGO 1991, Dr. D. Malin et al, Isaac Newton Telescope, Roque de los Muchachos Observatory, La Palma, Canary Islands

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja