Il-Ħarsa tal-Bibbja
Meditazzjoni li Hija taʼ Benefiċċju
“ĦA JKUNU MILQUGĦA QUDDIEMEK KLIEM FOMMI U ĦSIEB QALBI, MULEJ, BLATA TIEGĦI U FEDDEJ TIEGĦI.”—SALM 19:15 [19:14, NW].
X’IFISSRU għalik il-“ħsieb” jew il-meditazzjoni? Jekk timxi fuq it-tagħlim taʼ ċerti reliġjonijiet tal-Lvant, għandek mnejn temmen li l-meditazzjoni hija xi ħaġa li tiċċaralek ħafna l-ħsieb jew li tagħtik tidwil speċjali. Il-Buddisti jipprattikaw il-meditazzjoni billi jinkuraġġixxu lil dak li jkun biex ibattal moħħu minn kull ħsieb. Hemm forom oħra taʼ meditazzjoni li jgħidu li huma tajbin biex timla moħħok “b’veritajiet universali t’għerf.”
Il-ħarsa tal-Bibbja dwar il-meditazzjoni hija differenti minn dawn. F’liema sens? Ikkunsidra l-eżempju Bibliku taʼ wieħed jismu Iżakk, raġel li fl-età taʼ 40 sena kellu ħafna fuqiex jimmedita. Ġenesi 24:63 (Karm Żammit) jgħid: “Iżakk ħareġ biex jimmedita fir-rabaʼ għal filgħaxija.” M’hemm l-ebda raġuni għalfejn nassumu li Iżakk battal moħħu minn kull ħsieb jew li sempliċement qagħad jhewden fuq xi ‘verità universali t’għerf’ li ma kinitx ċara. X’aktarx li Iżakk kellu affarijiet speċifiċi fuqiex jaħseb, bħal per eżempju l-futur tiegħu, it-telfa t’ommu, jew min kellha tkun martu. Hu għamel użu minn ftit ħin li kellu għalih waħdu fil-għaxija biex jimmedita, x’aktarx fuq affarijiet importanti bħal dawn. Fil-Bibbja, il-meditazzjoni tfisser iktar minn immaġinazzjoni u fantasiji.
Il-Meditazzjoni Tinvolvi Iktar minn Hekk
Ikkunsidra l-eżempju tas-salmista David. Hu ffaċċja muntanja taʼ problemi li kienu jidhru li mhux se jsib tarfhom. U hu kien jaf sew li bħalha bniedem imperfett, kellu bżonn l-għajnuna t’Alla biex jaġixxi bil-għaqal. X’saħħu lil David matul dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli? Bħalma nsibu mniżżel f’Salm 19:15 [19:14, NW], David qal: “Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.” Il-kelma Ebrajka tradotta hawnhekk bħala “meditazzjoni” ġejja mill-għerq taʼ kelma li tfisser letteralment “titkellem miegħek innifsek.” Iva, David ‘tkellem miegħu nnifsu’ dwar Jehovah u dwar l-attività, ix-xogħlijiet, il-liġijiet u t-tjieba tiegħu.—Salm 143:5.
L-istess kienu jagħmlu l-Kristjani tal-bidu. Huma kienu jqisuh bħala parti mill-qima vera li jwarrbu l-ħin biex jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali. L-appostlu Pawlu wissa: “F’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu.” (Filippin 4:8) M’hemmx dubju li biex naħsbu fuq affarijiet li jibnuna, dawn il-ħwejjeġ li semma Pawlu jridu jidħlu f’moħħna f’xi ħin jew ieħor. Kif?
Is-salmista jgħidilna kif. Salm 1:1, 2 jgħid: “Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena . . . ; fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu.” Iva, is-salmista kien jaqra l-liġi t’Alla regolarment. Imbagħad hu setaʼ jaħseb u jimmedita fuq l-affarijiet li jkun tgħallem dwar il-Ħallieq.
Il-Meditazzjoni fi Żmienna
Il-qari tal-Bibbja huwa imprezzabbli, imma wara li naqraw, irridu nimmeditaw, naħsbu fil-fond, jew “nitkellmu magħna nfusna” dwar dak li nkunu qrajna. Biex nibbenefikaw mill-ikel li nieklu, l-istonku jrid jaħdmu sew. Bl-istess mod il-meditazzjoni. Jekk irridu nitgħallmu u nifhmu bis-sħiħ dak li naqraw fil-Bibbja, irridu nimmeditaw fuqu. Il-meditazzjoni kif suppost ma tneħħilniex biss il-ħsibijiet ħżiena minn moħħna. Din tgħinna wkoll nikkunsidraw soluzzjonijiet ibbażati mill-Bibbja għall-problemi tagħna. Meditazzjoni bħal din tistaʼ tgħinna biex inkampaw b’suċċess maʼ l-ansjetajiet tal-ħajja taʼ kuljum.—Mattew 6:25-32.
Is-salmista David għaraf liema parti tilgħab il-meditazzjoni f’li wieħed jogħġob lil Alla. Hu qal: “Minn fomm il-ġusti joħroġ kliem l-għerf [“minn taħt l-ilsien,” NW].” (Salm 37:30) Iva, il-meditazzjoni hija marka li tidentifika lil adoratur leali. Li wieħed jiġi meqjus ġust minn Alla hija tassew barka, u dan iġiblu benefiċċji spiritwali. Per eżempju, il-Bibbja tgħid li “triq it-tajbin bħal dawl iż-żerniq, li jżid jitqawwa sal-milja tal-jum.” (Proverbji 4:18) B’hekk, Kristjan ubbidjenti li jimmedita, billi ‘minn fommu joħroġ kliem l-għerf,’ għandu l-prospett li jsir jifhem iktar il-Bibbja.
Il-Bibbja tħeġġeġ ukoll lill-Kristjani biex jimmeditaw fuq ir-responsabbiltajiet Skritturali li għandhom. L-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:15, 16) Huwa minnu li dak li ngħidu u nagħmlu jistaʼ jħalli effett qawwi fuq ħaddieħor.
Mela b’mod ċar, hemm ħafna raġunijiet għalfejn għandna naħsbu fil-fond u b’konċentrazzjoni dwar affarijiet importanti. Huwa vitali li nirriflettu dwar dak li għaddejna minnu fil-passat, nimmeditaw fuq affarijiet li qed jiġrulna fil-preżent, u naħsbu sew dwar il-futur tagħna. Imma fuq kollox, se niksbu għarfien u fehma akbar mill-meditazzjoni tagħna jekk ħsibijietna jkunu mitfugħin fuq l-għerf tal-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah.
[Stampa f’paġna 20]
“Il-Ħassieb,” taʼ Rodin