LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 6/15 pp. 8-12
  • Il-Ħniena taʼ Jehovah Issalvana mid-Disprament

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ħniena taʼ Jehovah Issalvana mid-Disprament
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Passi Żballjati Jistgħu Jwasslu għal Dnub Oħxon
  • Il-​Qrar Iġib Serħan
  • Irridu Nagħtu Kont lil Alla
  • Ċirkostanzi Relevanti
  • Talba biex Jindaf
  • Talba għal Restawrazzjoni
  • Xi Ngħidu Jekk Int Dnibt?
  • L-Istqarrija tad-Dnub Twassal għall-Fejqan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Jehovah ma Jistmerrx Qalb Miksura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla Meta Tiffaċċja Bidliet fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 6/15 pp. 8-12

Il-Ħniena taʼ Jehovah Issalvana mid-Disprament

“Urini favur, O Alla, skond il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek. Skond l-​abbundanza tal-​ħniniet tiegħek ħassar għalkollox in-​nuqqasijiet tiegħi.”—SALM 51:1.

1, 2. Wieħed mill-​qaddejja taʼ Jehovah kif jistaʼ jiġi effettwat minn dnub serju?

IL-​LIĠI taʼ Jehovah ma tistax tiġi miksura mingħajr kastig. Kemm isir evidenti dan jekk nikkommettu xi dnub serju kontra Alla! Għalkemm nistgħu nkunu ilna naqdu lil Jehovah fedelment għal ħafna snin, il-​ksur tal-​liġi tiegħu jistaʼ jikkaġuna anzjetà kbira jew dippressjoni qawwija. Nistgħu nħossuna li Jehovah telaqna u li m’għadniex denji li naqduh. Id-​dnub tagħna jistaʼ jidher bħal sħaba kbira li tgħattilna d-​dawl tal-​favur t’Alla.

2 Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem darba sab lilu nnifsu fi stat bħal dan. Din is-​sitwazzjoni kif żviluppat?

Passi Żballjati Jistgħu Jwasslu għal Dnub Oħxon

3, 4. Xi ġralu s-​Sultan David matul staġun taʼ prosperità?

3 David kien iħobbu lil Alla imma ħa passi żballjati li wasslu għal dnubiet gravi. (Qabbel Galatin 6:1.) Dan jistaʼ jiġri lil kwalunkwe bniedem imperfett, speċjalment jekk ikollu awtorità fuq oħrajn. Bħala sultan prosperuż, David kien igawdi fama u poter. Min kien jazzarda jisfida l-​kelma tiegħu? Irġiel taʼ ħila kienu għad-​dispożizzjoni tiegħu, u n-​nies kienu ħerqanin biex jagħmlu li jgħidilhom. Madankollu, David żballja billi ħa ħafna nisa għalih u billi għadd in-​nies.—Dewteronomju 17:14-20; 1 Kronaki 21:1.

4 Matul dan l-​istaġun taʼ prosperità materjali, David ikkommetta dnubiet serji kontra Alla u l-​bniedem. Tabilħaqq, dnub wieħed wassal għal ieħor bħal ħjut minsuġin taʼ biċċa drapp iddisinnjata minn Satana! Waqt li l-​Iżraeliti sħabu kienu jiġġieldu kontra l-​Ammoniti, minn fuq il-​bejt tiegħu David qagħad iħares lejn Batxeba, il-​mara sabiħa taʼ Urija, tinħasel. Billi Urija kien għall-​gwerra, is-​sultan ġagħalhom iġibulu lill-​mara fil-​palazz tiegħu u kkommetta adulterju magħha. Immaġina x’qatgħa ħa meta iżjed tard sar jaf li kienet ħarġet tqila! David bagħat għal Urija, bit-​tama li hu kien iqattaʼ l-​lejl maʼ Batxeba u jaħseb li t-​tarbija kienet tiegħu. Għalkemm David ġagħlu jisker, Urija rrifjuta li jorqod magħha. Billi issa kien iddisprat, David bagħat lill-​kmandant Ġoab ordnijiet sigrieti biex ipoġġi lil Urija fuq quddiem fil-​battalja fejn żgur li kien imut. Urija ġie maqtul fil-​battalja, l-​armla tiegħu osservat il-​perijodu taʼ vistu normali, u David iżżewwiġha qabel ma ndunaw in-​nies bit-​tqala tagħha.—2 Samwel 11:1-27.

5. X’ġara wara li David dineb maʼ Batxeba, u dnubietu x’effett kellhom fuqu?

5 Permezz tal-​profeta Natan, Alla kixef id-​dnubiet taʼ David u qal: “Jien qiegħed inqajjem kontra tiegħek gwaj minn ġo darek stess.” Fi qbil maʼ dan, it-​tarbija li twieldet lil Batxeba mietet. (2 Samwel 12:1-23) Amnon, it-​tifel il-​kbir taʼ David, għamel stupru fuq Tamar, oħtu mill-​missier, u ġie maqtul minn ħuha. (2 Samwel 13:1-33) Absalom, bin is-​sultan, ipprova jaħtaf it-​tron u għamel għajb lil missieru billi raqad mal-​konkubini taʼ David. (2 Samwel 15:1–16:22) Gwerra ċivili ntemmet bil-​mewt taʼ Absalom u f’iktar għali għal David. (2 Samwel 18:1-33) Madankollu, id-​dnubiet taʼ David umiljawh u għamluh konxju tal-​bżonn li jibqaʼ qrib taʼ Alla tiegħu kollu mogħdrija. Jekk xi darba nidinbu, ejjew bl-​umiltà nindmu u nersqu qrib taʼ Jehovah.—Qabbel Ġakbu 4:8.

6. Is-​Sultan David għala kien b’mod speċjali ħati?

6 David kien ħati b’mod speċjali għaliex hu kien ħakkiem Iżraelit konxju bis-​sħiħ tal-​Liġi taʼ Jehovah. (Dewteronomju 17:18-20) Ma kienx xi farawni Eġizzjan jew xi sultan Babilonjan li ma kellux dan il-​għarfien u forsi darba wara l-​oħra kien jagħmel affarijiet li Alla ma japprovax. (Qabbel Efesin 2:12; 4:18.) Bħala membru taʼ ġens iddedikat lil Jehovah, David irrealizza li l-​adulterju u l-​qtil huma dnubiet ħoxnin. (Eżodu 20:13, 14) Il-​Kristjani wkoll jafu l-​liġi t’Alla. Bħal David, madankollu, xi wħud minnhom jiksruha minħabba l-​istat midneb li wirtu, djufija umana, u għax ma jirreżistux it-​tentazzjoni. Jekk dak jiġri lil xi ħadd minna, m’għandniex għalfejn nibqgħu fi stat mudlam li joskura l-​vista spiritwali tagħna u jgeżwirna f’disprament profond.

Il-​Qrar Iġib Serħan

7, 8. (a) Xi ġralu David meta pprova jaħbi dnubietu? (b) Għala għandna nqerru u nħallu dnubietna?

7 Jekk aħna ħatjin taʼ ksur gravi tal-​liġi t’Alla, nistgħu nsibuha diffiċli li nqerru dnubietna, saħansitra maʼ Jehovah. X’jistaʼ jiġri taħt dawk iċ-​ċirkostanzi? F’​Salm 32, David ammetta: “Meta bqajt sieket [minflok ma qerrejt] għadmi ttiekel minħabba l-​krib tiegħi l-​jum kollu. Għax lejl u nhar idek [taʼ Jehovah] kienet tqila fuqi. Il-​fwar taʼ ħajti ġie mibdul bħal fis-​sħana xotta tas-​sajf.” (Versi 3, 4) Meta pprova jaħbi dnubu u jsikket kuxjenza ħatja David fl-​iżball tiegħu ħassu mifluġ. In-​niket naqqaslu l-​enerġija tiegħu tant li hu kien bħal siġra milquta minn nixfa mingħajr ilma li jagħtiha l-​ħajja. Fil-​fatt, hu saħansitra setaʼ ġarrab effetti ħżiena mentalment u fiżikament. Insomma, hu tilef il-​ferħ tiegħu. Jekk xi ħadd minna isib ruħu fi stat simili, x’għandu jagħmel?

8 Qrar lil Alla jistaʼ jġib maħfra u serħan. “Dnubi sa fl-​aħħar qerrejt miegħek, u l-​iżball tiegħi m’għattejtx,” kanta David. “Jien għedt: ‘Se nagħmel qrara dwar in-​nuqqasijiet tiegħi lil Jehovah.’ U int innifsek ħfirt l-​iżball taʼ dnubieti.” (Salm 32:5) Imnikket int dwar xi dnub moħbi? Ma jkunx aħjar li tqerru u tħallih warajk biex tirċievi l-​ħniena t’Alla? Għala ma ssejjaħx lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni u tfittex fejqan spiritwali? (Proverbji 28:13; Ġakbu 5:13-20) L-​ispirtu niedem tiegħek jiġi rikonoxxut, u maż-​żmien il-​ferħ Kristjan tiegħek jiġi restawrat. “Hieni hu dak li l-​irvell tiegħu huwa maħfur, li ndubu huwa mgħotti,” qal David. “Hieni r-​raġel li fil-​kont tiegħu Jehovah ma jpoġġix żball, u li fl-​ispirtu tiegħu m’hemm ebda qerq.”—Salm 32:1, 2.

9. Salm 51 meta ġie kkomponut, u għala?

9 David u Batxeba riedu jagħtu kont lil Alla Jehovah tal-​ħażen tagħhom. Għalkemm setgħu ngħataw il-​mewt għad-​dnubiet tagħhom, Alla kellu ħniena minnhom. B’mod speċjali wera ħniena maʼ David minħabba l-​patt tas-​Saltna. (2 Samwel 7:11-16) L-​attitudni niedma taʼ David lejn dnubietu li kienu jinvolvu lil Batxeba tidher f’​Salm 51. Dan is-​salm kommoventi ġie kkomponut mis-​sultan niedem wara li l-​profeta Natan qajjimlu l-​kuxjenza rigward il-​kobor immens tal-​ksur tiegħu tal-​liġi divina. Kien jitlob kuraġġ għal Natan biex jiġbed l-​attenzjoni taʼ David lejn dnubietu, saħansitra bħalma anzjani maħturin Kristjani iridu jkunu kuraġġużi sabiex jagħmlu dawn l-​affarijiet illum. Minflok ma ċaħad l-​akkuża u ordna l-​esekuzzjoni taʼ Natan, is-​sultan bl-​umiltà qerr ħtijietu. (2 Samwel 12:​1-14) Salm 51 juri x’qal lil Alla fit-​talb rigward dik il-​ħaġa degradanti u dan is-​salm xieraq għall-​meditazzjoni bit-​talb, b’mod partikulari jekk aħna żballjajna u nixtiequ mill-​qalb il-​ħniena taʼ Jehovah.

Irridu Nagħtu Kont lil Alla

10. David kif setaʼ jġarrab fejqan spiritwali?

10 David ma pprovax jiskuża dnubu imma talab: “Urini favur, O Alla, skond il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek. Skond l-​abbundanza tal-​ħniniet tiegħek ħassar għalkollox in-​nuqqasijiet tiegħi.” (Salm 51:1) Billi dineb, David qabeż il-​limiti tal-​Liġi t’Alla. Kien hemm tama għall-​fejqan spiritwali tiegħu, madankollu, jekk Alla jurih favur skond il-​qalb tajba bl-​imħabba, jew imħabba leali, Tiegħu. L-​abbundanza tal-​ħniniet t’Alla tal-​passat taw lis-​sultan niedem bażi għal fidi li l-​Ħallieq tiegħu kien se jħassar in-​nuqqasijiet tiegħu.

11. X’kien issuġġerit bis-​sagrifiċċji taʼ Jum it-​Tpattija, u x’inhu meħtieġ għas-​salvazzjoni llum?

11 Permezz tad-​dellijiet profetiċi tas-​sagrifiċċji taʼ Jum it-​Tpattija, Jehovah indika li hu kellu mod kif inaddaf uħud niedma minn dnubhom. Aħna issa nafu li l-​ħniena u l-​maħfra tiegħu huma estiżi lilna fuq il-​bażi tal-​fidi tagħna fis-​sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù Kristu. Jekk David, b’tipi u dellijiet biss taʼ dan is-​sagrifiċċju f’moħħu, setaʼ jafda fil-​qalb tajba bl-​imħabba u l-​ħniniet taʼ Jehovah, kemm iktar għandhom il-​qaddejja t’Alla taż-​żmien preżenti jeżerċitaw fidi fir-​rahan ipprovdut għas-​salvazzjoni tagħhom!—Rumani 5:8; Ebrej 10:1.

12. Xi jfisser li tidneb, u David kif ħassu dwar il-​għemil ħażin tiegħu?

12 Waqt li talab lil Alla bil-​ħrara, David żied: “Aħsilni bir-​reqqa mill-​iżball tiegħi, u naddafni saħansitra mid-​dnub tiegħi. Għax in-​nuqqasijiet tiegħi jien stess nafhom, u d-​dnub tiegħi qiegħed faċċata tiegħi l-​ħin kollu.” (Salm 51:2, 3) Li tidneb hu li timmissja l-​marka rigward il-​livelli taʼ Jehovah. David ċertament li kien għamel hekk. Madankollu, hu ma kienx bħal xi qattiel jew xi adulteru li ma jimpurtahx dwar l-​offiża tiegħu, li hu sempliċement imnikket dwar il-​kastig tiegħu jew dwar il-​possibiltà li jieħu xi marda. Bħala wieħed li jħobb lil Jehovah, David bagħad dak li kien ħażin. (Salm 97:10) Hu kien imdejjaq bi dnubu stess u ried lil Alla biex inaddfu minnu kompletament. David kien konxju bis-​sħiħ taʼ dnubietu u kien verament iddispjaċut li kien ħalla x-​xewqa midinba tiegħu li tegħlbu. Dnubu kien quddiemu kontinwament, għax il-​kuxjenza ħatja taʼ persuna li għandha l-​biżaʼ t’Alla ma toqgħodx bi kwietha sakemm ikun hemm l-​indiema, il-​qrar, u l-​maħfra taʼ Jehovah.

13. David għala setaʼ jgħid li hu kien dineb kontra Alla biss?

13 Billi għaraf li ried jagħti kont lil Jehovah, David qal: “Kontra tiegħek, tiegħek biss, jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk jien għamilt, sabiex int tagħti prova li int taʼ tjieba meta titkellem, biex tistaʼ tkun ħieles meta tiġġudika.” (Salm 51:4) David kien kiser il-​liġijiet t’Alla, iddiżonora l-​pożizzjoni taʼ sultan, u ‘bla dubju ttratta lil Jehovah b’nuqqas taʼ rispett,’ billi esponiH għat-​tmaqdir. (2 Samwel 12:14; Eżodu 20:​13, 14, 17) L-​atti midinba taʼ David kienu offiżi wkoll kontra s-​soċjetà Iżraelita u kontra membri tal-​familja tiegħu, l-​istess bħalma wieħed imgħammed li jagħmel il-​ħażin illum jikkaġuna niket jew inkwiet fil-​kongregazzjoni Kristjana u fost uħud maħbubin. Għalkemm is-​sultan niedem kien jaf li kien dineb kontra bnedmin sħabu bħal Urija, hu għaraf responsabbiltà ogħla lejn Jehovah. (Qabbel Ġenesi 39:​7-9.) David irrikonoxxa li l-​ġudizzju taʼ Jehovah se jkun taʼ tjieba. (Rumani 3:4) Kristjani li dinbu għandu jkollhom l-​istess ħarsa.

Ċirkostanzi Relevanti

14. Liema ċirkostanzi relevanti ġew ċitati minn David?

14 Għalkemm David ma pprovax jiġġustifika lilu nnifsu, hu qal: “Ħares! Bi żball jien twelidt bil-​weġgħat tal-​ħlas, u fid-​dnub ommi kkonċepietni.” (Salm 51:5) David twieled bl-​iżball, u ommu ġarrbet weġgħat tal-​ħlas minħabba l-​istat midneb li ntiret. (Ġenesi 3:16; Rumani 5:12) Kliemu ma jfissirx li relazzjonijiet xierqa fiż-​żwieġ, il-​konċepiment, u t-​twelid huma midinba, ladarba Alla pprovda ż-​żwieġ u t-​twelid; lanqas ma kien David qed jirreferi għal xi dnub speċifiku li għamlet ommu. Hu kien ikkonċeput fid-​dnub għaliex il-​ġenituri tiegħu kienu midinba bħall-​bnedmin imperfetti kollha.​—Ġob 14:4.

15. Għalkemm Alla jistaʼ jqis xi ċirkostanzi relevanti, aħna liema ħaġa m’għandniex nagħmlu?

15 Jekk aħna dnibna, nistgħu nsemmu fit-​talb lil Alla kwalunkwe ċirkostanzi relevanti li setgħu kkontribwew għal ħażen tagħna. Imma ejjew ma nbiddlux il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla fi skuża għal kondotta laxka jew nużaw l-​istat midneb li writna bħala għata li warajha ninħbew mir-​responsabbiltà għad-​dnub tagħna. (Ġuda 3, 4) David aċċetta r-​responsabbiltà talli żamm ħsibijiet maħmuġin u ċeda għat-​tentazzjoni. Ejjew nitolbu li ma niġux mitluqin għat-​tentazzjoni u mbagħad ejjew nieħdu azzjoni fi qbil maʼ dik it-​talba.​—Mattew 6:13.

Talba biex Jindaf

16. Alla b’liema kwalità jitgħaxxaq, u dak kif għandu jeffettwa l-​kondotta tagħna?

16 Xi nies jistgħu jidhru li huma individwi mill-​aħjar devoti lejn Alla, imma hu jħares fil-​fond u jara x’inhuma minn ġewwa. Qal David: “Ħares! Int [Jehovah] tgħaxxaqt fil-​milja tal-​verità nfisha fil-​partijiet ġewwinin; u fis-​sigriet tiegħi nnifsi jalla ġġagħalni nkun naf sewwa sew il-​għerf.” (Salm 51:6) David kien ħati taʼ gideb u qerq fil-​mod kif immanuvra l-​mewt taʼ Urija u f’li pprova jaħbi l-​fatti dwar it-​tqala taʼ Batxeba. Madankollu, hu kien jaf li Alla jitgħaxxaq bil-​verità u bil-​qdusija. Dan għandu jeffettwa l-​kondotta tagħna b’mod tajjeb, għax Jehovah se jikkundannana jekk aħna nkunu qarriqin. (Proverbji 3:32) David kien irrealizza wkoll li jekk Alla kien se ‘jġiegħlu jkun jaf sewwa sew il-​għerf,’ bħala sultan niedem, se jkun jistaʼ japplika l-​livelli divini għall-​bqija taʼ ħajtu.

17. X’kien is-​sinjifikat taʼ li jitlob biex jiġi ppurifikat biż-​żuf?

17 Għaliex is-​salmista ra l-​bżonn tiegħu għall-​għajnuna t’Alla biex jegħleb tendenzi midinbin, hu ssokta jitlob: “Jalla tippurifikani mid-​dnub biż-​żuf, biex nistaʼ nkun nadif; jalla taħsilni, biex nistaʼ nsir iktar abjad saħansitra mill-​borra.” (Salm 51:7) Fost affarijiet oħrajn, il-​pjanta taż-​żuf (forsi l-​merqdux, jew Origanum maru) iffigurat fiċ-​ċeremonja tat-​tindif għal nies li qabel kienu nfettati bil-​ġdiem. (Levitiku 14:2-7) Mela kien xieraq li David talab biex jiġi ppurifikat mid-​dnub biż-​żuf. L-​idea tal-​purità hija assoċjata wkoll mat-​talba tiegħu biex Jehovah jaħslu biex jistaʼ jsir totalment nadif, iżjed abjad mill-​borra li jkun għadu ma ġabarx nugrufun jew xi ħmieġ ieħor. (Isaija 1:18) Jekk xi ħadd minna qiegħed issa jsofri xi tingiż taʼ kuxjenza fuq xi għemil taʼ ħażen, jalla jkollu l-​fidi li jekk ifittex b’mod niedem il-​maħfra t’Alla, hu jistaʼ jippurifikah u jnaddfu fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù.

Talba għal Restawrazzjoni

18. X’kienet il-​kundizzjoni taʼ David qabel nidem u qerr, u għarfien dwar dan kif jistaʼ jkun taʼ għajnuna llum?

18 Kwalunkwe Kristjan li qatt sofra b’kuxjenza ħatja jistaʼ jifhem il-​kliem taʼ David: “Jalla [Jehovah] ġġagħalni nismaʼ eżaltar u ferħ, biex il-​għadam li int farrakt jistaʼ jkun mimli ferħ.” (Salm 51:8) Qabel ma David nidem u qerr dnubietu, il-​kuxjenza mħabbta tiegħu għamlitu miżerabbli. Lanqas saħansitra ma beda jsib għaxqa f’għanjiet taʼ eżaltar u ferħ ippreżentati minn kantanti u mużiċisti taʼ ħila. Tant kienet kbira l-​agunija tal-​midneb David dwar id-​diżapprovazzjoni t’Alla li hu kien bħal raġel li għadmu kien ġie mfarrak b’mod taʼ wġigħ. Kien jixxennaq għal maħfra, fejqan spiritwali, u restawrazzjoni tal-​ferħ li kien ġarrab qabel. Wieħed li nidem minn xi ħażen illum ukoll għandu bżonn il-​maħfra taʼ Jehovah sabiex jerġaʼ jikseb il-​ferħ li kellu qabel ma għamel xi ħaġa li pperikolat ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Restawrazzjoni tal-​“ferħ tal-​ispirtu qaddis” lil persuna niedma turi li Jehovah ħafrilha u jħobbha. (1 Tessalonkin 1:6) X’faraġ iġib dak!

19. David kif kien se jħossu jekk Alla jħassarlu ħtijietu kollha?

19 David jerġaʼ talab: “Ostor lil wiċċek minn dnubieti, u imsaħ għalkollox saħansitra l-​iżballji kollha tiegħi.” (Salm 51:9) Jehovah ma jistax jiġi mistenni li jħares lejn id-​dnub b’approvazzjoni. Għaldaqstant, ġie mitlub biex jaħbi wiċċu mid-​dnubiet taʼ David. Is-​sultan talab ukoll biex Alla jħassar l-​iżballji kollha tiegħu, inaddaf in-​nuqqas taʼ tjieba kollha tiegħu. Li kien Jehovah jagħmel dak! Kien jerfaʼ ’l fuq l-​ispirti taʼ David, ineħħilu l-​piż taʼ kuxjenza mħabbta, u jħalli lis-​sultan li issa kien nidem ikun jaf li kien ġie maħfur minn Alla tiegħu taʼ mħabba.

Xi Ngħidu Jekk Int Dnibt?

20. X’inhu rrakkomandat għal kwalunkwe Kristjan li dineb b’mod serju?

20 Salm 51 jindika li kwalunkwe wieħed mill-​qaddejja ddedikati taʼ Jehovah li dineb serjament imma li nidem jistaʼ bil-​fiduċja kollha jistaqsih biex jurih favur u jnaddfu minn dnubu. Jekk int Kristjan li żballjajt b’dan il-​mod, għala ma tfittixx il-​maħfra taʼ Missierna tas-​sema fit-​talb bl-​umiltà? Irrikonoxxi l-​bżonn tiegħek għall-​għajnuna t’Alla biex tieqaf approvat quddiemu, u staqsih biex jerġaʼ jirrestawralek il-​ferħ taʼ qabel. Kristjani niedma jistgħu bil-​fiduċja kollha jmorru għand Jehovah b’talb bħal dan, għax “hu se jaħfer bil-​kbir.” (Isaija 55:7; Salm 103:​10-14) M’għandniex xi ngħidu, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni għandhom jiġu msejħin sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-​għajnuna spiritwali meħtieġa.​—Ġakbu 5:​13-15.

21. X’se neżaminaw wara dan?

21 Il-​ħniena taʼ Jehovah tassew li ssalva lill-​poplu tiegħu mid-​disprament. Imma ejjew neżaminaw it-​talbiet mill-​qalb l-​oħrajn tan-​niedem David f’​Salm 51. L-​istudju tagħna se juri li Jehovah ma jistmerrx qalb maqsuma.

Kif Twieġeb Int?

◻ Dnub serju x’effett jistaʼ jkollu fuq wieħed mill-​qaddejja taʼ Jehovah?

◻ David kif ġie effettwat meta pprova jaħbi dnubu?

◻ David għala qal li kien dineb kontra Alla biss?

◻ Għalkemm Alla jistaʼ jqis xi ċirkostanzi relevanti, liema ħaġa m’għandniex nagħmlu?

◻ Kristjan x’għandu jagħmel jekk ikun dineb b’mod serju?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja