L-Istqarrija tad-Dnub Twassal għall-Fejqan
“JIEN bqajt sieket, u nfena ġismi, jiena u nokrob il-jum kollu. Għax lejl u nhar it-toqol taʼ idek fuqi; saħħti nfniet bħal bis-sħana tas-sajf.” (Salm 32:3, 4) Dan il-kliem taʼ qsim il-qalb setaʼ rrifletta l-uġigħ emozzjonali li ħass is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem, uġigħ li kien ġabu hu stess fuqu nnifsu billi ħeba dnub serju minflok ma stqarru.
David kien raġel taʼ kapaċità kbira. Kien gwerrier qalbieni, statista taʼ ħila, poeta, u mużiċist. Iżda, hu straħ, mhux fuq il-kapaċitajiet tiegħu, imma fuq Alla tiegħu. (1 Samwel 17:45, 46) Kien deskritt bħala bniedem li qalbu kienet “kollha kemm hi mal-Mulej.” (1 Slaten 11:4) Imma wieħed mid-dnubiet li għamel kien tassew taʼ min jistmerru, u forsi għalih kien qed jirreferi f’Salm 32. Hemm ħafna x’nitgħallmu jekk neżaminaw iċ-ċirkustanzi li wasslu għad-dnub li għamel. Se nagħrfu n-nases li rridu nevitaw u naraw ukoll il-ħtieġa li nistqarru dnubietna sabiex nerġgħu nġeddu r-relazzjoni tagħna m’Alla.
Sultan Leali Waqaʼ fid-Dnub
Il-ġens taʼ Iżrael kien involut f’kampanja militari kontra l-Għammonin, imma David kien qed jgħammar f’Ġerusalemm. Lejla waħda, waqt li kien qed jippassiġġa fuq il-bejt tal-palazz tiegħu, lemaħ mara sabiħa qed tinħasel f’waħda mid-djar fil-qrib. Naqas li jrażżan lilu nnifsu u ħalla l-passjoni tiegħu ġġagħlu jibda jixtieqha. Wara li sar jaf li kienet Batseba, mart Urija, li kien suldat fl-armata tiegħu, David bagħat għaliha, u għamel adulterju magħha. Ftit taż-żmien wara, Batseba bagħtet tgħid lil David li kienet ħarġet tqila.—2 Samwel 11:1-5.
David inqabad f’nassa. Jekk dnubhom jinkixef, il-kastig għalihom it-tnejn kien il-mewt. (Levitiku 20:10) Allura fassal pjan. Bagħat għal Urija, ir-raġel taʼ Batseba, biex jiġi lura mill-battalja. Wara li qagħad jistaqsih ħafna dwar il-gwerra, David qal lil Urija biex imur lura d-dar. David kien qed jittama li b’hekk jiġi jidher qisu li Urija kien missier it-tarbija taʼ Batseba.—2 Samwel 11:6-9.
B’diżappunt kbir għal David, Urija ma marx għand martu. Urija qal li lanqas biss kienet tgħaddilu minn moħħu li jmur lura d-dar waqt li l-armata kienet għadha għaddejja mill-qilla tal-battalja. Meta xi armata taʼ Iżrael kienet tkun involuta f’kampanja militari, l-irġiel ma kienx ikollhom relazzjonijiet sesswali, lanqas man-nisa tagħhom stess. Kellhom jibqgħu nodfa b’mod ċerimonjali. (1 Samwel 21:6 [21:5, NW]) David imbagħad stieden lil Urija biex jiekol miegħu u spiċċa biex ġagħlu jisker, imma dan xorta ma marx id-dar għand martu. Il-kondotta leali taʼ Urija kkundannat id-dnub serju taʼ David.—2 Samwel 11:10-13.
In-nassa li daħal fiha bi dnubu stess kienet qed tissikka iktar madwar David. B’disprament, triq waħda biss ra quddiemu. Bagħat lil Urija lura lejn il-battalja b’nota lil Ġowab, il-ġeneral taʼ l-armata. L-iskop taʼ din in-nota qasira kien ċar: “Qiegħed lil Urija fl-eħrex tat-taqbida quddiemnett, u intom tbiegħdu minn warajh, ħalli joqtluh u jmut.” B’daqqa taʼ pinna, dak is-sultan setgħani donnu kien għatta dnubu, billi bagħat lil Urija għall-mewt.—2 Samwel 11:14-17.
Malli għadda żmien il-vistu taʼ Batseba, David iżżewwiġha. Għadda ż-żmien, u t-tarbija tagħhom twieldet. Tul dan iż-żmien kollu, David baqaʼ sieket dwar dnubietu. Forsi kien qed jipprova jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu miegħu nnifsu. Urija mhux bl-unuri miet fil-battalja bħalma għamlu oħrajn? Wara kollox, mhux hu naqas li jobdi u ma riedx imur għand martu skond ma kien ordnalu s-sultan? Il-‘qalb kollha qerq’ se tuża kull xorta taʼ raġunar biex tipprova tiġġustifika d-dnub.—Ġeremija 17:9; 2 Samwel 11:25.
Passi Ħżiena li Jwasslu għad-Dnub
Kif setaʼ David, li tant kien iħobb is-sewwa, jasal biex jagħmel adulterju u qtil? Jidher ċar li ż-żrieragħ taʼ dnubu nżergħu tul medda taʼ żmien. Forsi ma nistgħux nifhmu għala David ma kienx maʼ l-irġiel tiegħu, jappoġġahom fil-kampanja militari kontra l-għedewwa taʼ Jehovah. Għall-kuntrarju, David kien qed jixxaħxaħ fil-palazz tiegħu, fejn ir-realtajiet tal-gwerra kienu ’l bogħod wisq biex irażżnulu x-xewqa ħażina li kellu għal mart wieħed mis-suldati leali tiegħu. Illum, hija protezzjoni għall-Kristjani veri meta jkunu involuti b’mod attiv f’affarijiet spiritwali mal-kongregazzjonijiet tagħhom u meta jieħdu sehem regulari fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar.—1 Timotju 6:12.
Is-sultan taʼ Iżrael kien intqallu li jrid jagħmel kopja tal-Liġi u jaqraha kuljum. Il-Bibbja tagħti r-raġuni għal dan: “Biex jitgħallem jibżaʼ mill-Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-kliem kollu taʼ din il-liġi u dawn l-istatuti, biex iħarishom; u ma jintrefax f’qalbu ’l fuq minn ħutu, u ma jilwix mill-kmandamenti lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.” (Dewteronomju 17:18-20) Milli jidher, David setaʼ ma kienx qed isegwi din l-istruzzjoni fiż-żmien meta kkommetta dawk id-dnubiet serji. Studju regulari u meditazzjoni fuq il-Kelma t’Alla żgur li se jħarsuna mill-ħażen f’dawn iż-żminijiet kritiċi.—Proverbji 2:10-12.
Iktar minn hekk, l-aħħar wieħed mill-Għaxar Kmandamenti stqarr speċifikament: “La tixtieqx il-mara taʼ għajrek.” (Eżodu 20:17) Sa dan iż-żmien David kellu għadd taʼ nisa u konkubini. (2 Samwel 3:2-5) Imma din il-ħaġa ma waqqfitux milli jixtieq mara oħra attraenti. Dan ir-rakkont ifakkarna fis-serjetà taʼ kliem Ġesù: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Minflok ma nżommu xewqat bħal dawn li m’humiex xierqa ġewwa fina, ejja nkunu pronti li nneħħuhom minn moħħna u minn qalbna.
Indiema u Ħniena
Ir-rakkont onest u bil-miftuħ li nsibu fil-Bibbja dwar id-dnub taʼ David żgur li mhux qiegħed hemm biex jissodisfa l-interess pervers taʼ xi ħadd. Ir-rakkont joffrilna l-opportunità biex naraw kif Jehovah esprima b’mod attiv u li jqanqal il-qalb waħda mill-kwalitajiet li jispikkaw tiegħu, jiġifieri l-ħniena.—Eżodu 34:6, 7.
Wara li Batseba wildet iben, Jehovah bagħat lill-profeta Natan biex jiffaċċja lil David. Dan kien att taʼ ħniena. Kieku David ma ġiex avviċinat u baqaʼ sieket, setaʼ wasal biex jgħaddas rasu fi triq taʼ dnub. (Lhud 3:13) Aħna ferħanin li David wieġeb għall-ħniena t’Alla. Kliem Natan, li ntqal b’sengħa u b’mod ċar, qanqallu l-kuxjenza lil David, u hu għaraf bl-umiltà kollha li kien dineb kontra Alla. Fil-fatt, Salm 51, li jitkellem dwar id-dnub taʼ David f’konnessjoni maʼ Batseba, inkiteb wara li hu nidem u stqarr id-dnub serju tiegħu. Jalla qatt ma nħallu lil qalbna tixrief jekk xi darba niġu megħlubin minn xi dnub serju.—2 Samwel 12:1-13.
David ngħata l-maħfra, imma ma ġiex meħlus mid-dixxiplina jew mill-konsegwenzi taʼ dnubu. (Proverbji 6:27) Bilfors hekk kellu jkun. Kieku Alla kellu sempliċement jagħlaq għajnejh għal kulma jsir, il-livelli tiegħu ma jkunu jiswew għal xejn. Hu jkun ineffettiv bħalma kien il-Qassis il-Kbir Għeli, li ta ċanfira ħafif ħafif liż-żewġ uliedu, li tant kienu mill-agħar, u mbagħad ħalliehom ikomplu jagħmlu l-għemejjel ħżiena tagħhom. (1 Samwel 2:22-25) Xorta waħda, Jehovah ma jżommx lura milli juri qalb tajba bl-imħabba lejn min ikun sogħbien għad-dnub li jkun għamel. Il-ħniena tiegħu, bħal ilma frisk li jagħti l-ħajja, se tgħin lil min ikun żbalja biex jissaporti l-konsegwenzi tad-dnub. It-tenerezza li biha tingħata l-maħfra divina u s-sħubija bnina maʼ adoraturi sħabu għandhom l-effett li jerġgħu jsaħħuh spiritwalment. Iva, fuq il-bażi tal-fidwa taʼ Kristu, dak li jkun nidem jistaʼ jerġaʼ jduq “l-għana tal-grazzja” t’Alla.—Efesin 1:7.
‘Qalb Safja u Spirtu Mġedded’
Wara li David kien stqarr dnubu, hu ma qatax qalbu u ma bediex iħossu b’mod negattiv qisu li ma jiswa għal xejn. L-espressjonijiet tiegħu fis-salmi li kiteb dwar l-istqarrijiet tad-dnubiet juru s-serħan li ħass u d-determinazzjoni tiegħu li jaqdi ’l Alla fedelment. Ara, per eżempju, Salm 32. Fit-tieni vers (32:1, NW) naqraw: “Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura, li għandu d-dnub tiegħu mistur!” Ikun kemm ikun serju d-dnub, dejjem hemm il-possibbiltà taʼ soluzzjoni hienja jekk min jidneb ikun sinċier fl-indiema tiegħu. Mod wieħed kif tistaʼ tintwera din is-sinċerità hu billi wieħed jaċċetta r-responsabbiltà kollha għal dak li jkun għamel, bħalma għamel David. (2 Samwel 12:13) Hu ma pprovax jiġġustifika ruħu quddiem Jehovah jew ipprova jagħti t-tort lil xi ħadd ieħor. Vers 5 jgħid: “Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx. Jien għedt: ‘Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti.’ U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.” Meta wieħed jistqarr dnubu bis-sinċerità, dan iġiblu serħan u b’hekk il-kuxjenza tiegħu ma tibqax tħabbtu minħabba l-ħażen li jkun għamel fil-passat.
Wara li talab lil Jehovah bil-ħniena għall-maħfra, David talbu: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.” (Salm 51:12 [51:10, NW]) Meta talab għal “qalb safja” u ‘spirtu mġedded’ David wera li kien konxju tat-tendenza li kellu għad-dnub u li hu kellu bżonn l-għajnuna t’Alla biex inaddaf qalbu u jerġaʼ jibda mill-ġdid. Minflok ma qagħad jitħassar lilu nnifsu, kien determinat li jibqaʼ miexi ’l quddiem fis-servizz tiegħu lejn Alla. Talab: “Iftaħli xufftejja, Sidi, u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.”—Salm 51:17 [51:15, NW].
X’kienet ir-reazzjoni taʼ Jehovah għall-indiema sinċiera taʼ David u għall-isforz determinat tiegħu li jaqdi ’l Alla? Hu ta lil David din l-assiguranza li sserraħ il-qalb: “Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.” (Salm 32:8) Hawn niġu aċċertati li Jehovah jagħti attenzjoni persunali lis-sentimenti u l-bżonnijiet taʼ min ikun niedem. Jehovah ħa passi biex lil David jagħtih iktar dehen ħalli l-affarijiet ikun jistaʼ jifhimhom sew u ma joqgħodx biss fuq dak li jara b’għajnejh. Jekk jiġi ttantat fil-futur, ikun jistaʼ jinduna x’jistaʼ jiġri minħabba l-azzjonijiet tiegħu u l-effett li dan ikollu fuq oħrajn. B’hekk ikun jistaʼ jaġixxi bil-għaqal.
Dan l-episodju fil-ħajja taʼ David iservi bħala inkuraġġiment għal kulmin waqaʼ f’xi dnub serju. Jekk nistqarru dnubna u nuru ndiema sinċiera, nistgħu niksbu lura l-iktar ħaġa prezzjuża li għandna, jiġifieri r-relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah. Aħjar l-uġigħ mumentanju u l-mistħija li forsi jkollna ngħaddu minnhom milli l-għafsa taʼ qalb li nħossu meta nibqgħu siekta, jew il-konsegwenzi koroh li jiġu fuqna jekk inħallu lilna nfusna nsiru rasna iebsa fi triq ribelluża. (Salm 32:9) Minflok, aħna nistgħu ngawdu l-maħfra tenera mingħand Alla li jħobb u li hu kollu ħniena, “Missier il-ħniena u Alla taʼ kull faraġ.”—2 Korintin 1:3.
[Stampa f’paġna 31]
David ittama li jiskansa l-konsegwenzi taʼ dnubu billi bagħat lil Urija għall-mewt