Nimxu b’Qalb Magħquda
“Istruwini, O Jehovah. . .Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.”—SALM 86:11.
1. Jehovah kif jippremja lill-uħud leali tiegħu?
‘O JEHOVAH, inti Alla, inti waħdek.’ (Salm 86:8, 10) David faħħar lil Alla minn qalb imfawra b’apprezzament. Saħansitra qabel ma David sar sultan fuq Iżrael kollu, Jehovah kien ħelsu minn Sawl u mill-Filistej. B’hekk setaʼ jkanta: “Jehovah huwa l-blata tiegħi u l-fortizza tiegħi u Dak li jipprovdi l-ħarba għalija. Maʼ min hu leali tiegħu tul ħafna provi. David setaʼ jqiegħed il-fiduċja tiegħu u jkun kunfidenti f’dak Alla leali tiegħu, imma kien jinħtieġ gwida kontinwa. David issa talab lil Alla: “Istruwini, O Jehovah, dwar il-mogħdija tiegħek.”—Salm 86:11.
2. Jehovah kif għamel provvediment għalina biex inkunu mgħallmin minnu?
2 David ried li ma jkollu xejn x’jaqsam mal-ideat u l-filosofiji tad-dinja. Ried li jkun ‘imgħallem minn Jehovah,’ bħalma l-profeta t’Alla esprimieha iktar tard. (Isaija 54:13) David x’aktarx li setaʼ jimmedita biss fuq disaʼ kotba tal-Bibbja disponibbli fi żmienu. Madankollu, dik l-istruzzjoni mingħand Jehovah kienet prezzjuża għalih! F’li niġu mgħallmin aħna llum nistgħu ngawdu s-66 kotba kollha tal-Bibbja, flimkien maʼ abbundanza kbira taʼ letteratura tas-Saltna pprovduta permezz taʼ l-“irsir fidil u diskret”. (Mattew 24:45) Ejjew insejħu lil Jehovah, biex l-ispirtu tiegħu jistaʼ jgħinna nfittxu x’inhuma “l-affarijiet li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh, . . .saħansitra l-affarijiet profondi t’Alla.”—1 Korintin 2:9, 10.
3. L-istruzzjoni tal-Bibbja b’liema modi tistaʼ tkun taʼ ġid għalina?
3 Il-Bibbja għandha t-tweġiba għal kull mistoqsija u problema li tistaʼ tqum fil-ħajjiet tagħna. “Għax l-affarijiet kollha li nkitbu qabel inkitbu għall-istruzzjoni tagħna u permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura nistgħu jkollna t-tama.” (Rumani 15:4) Li nassorbu l-istruzzjoni mingħand Jehovah se jsaħħaħna biex nissaportu t-tbatijiet, se jfarraġna fi żminijiet taʼ niket, u se jżomm it-tama tas-Saltna taħraq fi qlubna. Jalla nsibu l-ferħ f’li naqraw il-Kelma t’Alla u f’li nimmeditaw fuqha “lejl u nhar”, għax il-għerf ibbażat fuq il-Bibbja jsir “siġra tal-ħajja għal dawk li jaħtfuh, u dawk li jibqgħu jaħtfuh sew għandhom jissejħu ferħanin.”—Salm 1:1-3; Proverbji 3:13-18; ara wkoll Ġwann 17:3.
4. Inkwantu għall-azzjonijiet tagħna, liema eżempju ħalla Ġesù għalina?
4 Ġesù, l-Iben t’Alla, imsejjaħ ukoll “Bin David”, dejjem ħares lejn Jehovah għall-istruzzjoni. (Mattew 9:27)a Hu qal: “L-Iben ma jistaʼ jagħmel lanqas ħaġa waħda bl-inizzjattiva tiegħu stess, imma dak biss li hu jilmaħ lill-Missier jagħmel. Għax huma x’inhuma l-affarijiet li jagħmel Dak, dawn l-affarijiet l-Iben ukoll jagħmel bl-istess manjiera.” “Ma nagħmel xejn bl-inizzjattiva tiegħi stess; imma sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.” (Ġwann 5:19; 8:28) Ġesù ħalla mudell għalina biex ‘insegwu l-passi tiegħu mill-qrib.’ (1 Pietru 2:21) Aħseb ftit! Jekk nistudjaw bħalma żgur li studja Ġesù, fi kwalunkwe sitwazzjoni se naġixxu bħalma Jehovah ikun iridna naġixxu. Il-mod taʼ Jehovah huwa dejjem il-mod it-tajjeb.
5. X’inhi l-“verità”?
5 David imbagħad jiddikjara: “Jien se nimxi fil-verità tiegħek”. (Salm 86:11) Elf sena wara, Pilatu, waqt li indirizza lil Ġesù, Bin David, staqsa: “X’inhi l-verità?” Ġesù kien għadu kif ġibed l-attenzjoni lejn is-Saltna Tiegħu bħala li ma hi “ebda parti minn din id-dinja.” Hu żied: “Int innifsek qiegħed tgħid li jien sultan. Għal dan jien twelidt, u għal dan jien ġejt fid-dinja, biex nagħti xhieda għall-verità’.” (Ġwann 18:33-38) Ġesù hawn kien qed jagħmilha ċara li l-verità hija ffokata fuq is-Saltna Messjanika. Tabilħaqq, it-tema kollha kemm kemm hi tal-Bibbja hija t-tqaddis taʼ isem Jehovah permezz tas-Saltna.—Eżekjel 38:23; Mattew 6:9, 10; Rivelazzjoni 11:15.
6. F’li nimxu fil-verità, dwar liema ħaġa rridu noqogħdu attenti ħafna?
6 Li nimxu fil-verità jfisser li l-ħajjiet tagħna jkunu ċċentrati fuq it-tama tas-Saltna. Ma rridux inkunu maqsumin f’li npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel. Irridu nkunu żelużi skond l-opportunitajiet tagħna f’li nagħtu xhieda għall-verità tas-Saltna l-ewwel. Irridu nkunu żelużi skond l-opportunitajiet tagħna f’li nagħtu xhieda għall-verità tas-Saltna, skond l-eżempju taʼ Ġesù. (Mattew 6:33; Ġwann 18:37) Ma nistgħux nimxu għal parti mill-ħin fil-verità, billi nagħtu biss servizz tal-isem imma mbagħad nogħġbu lilna nfusna billi nduru l-kantunieri biex nagħtuha għal rikreazzjoni eċċessiva jew nieħdu xi karriera li toħdilna ħafna ħin jew ‘nitjassru. . .għar-Rikkezzi.’ (Mattew 6:24) Nistgħu nintilfu f’waħda minn dawk il-Kantunieri, u qatt ma nsibu t-triq lura lejn ‘it-triq marsusa li tieħu għall-ħajja.’ Ejjew maʼ nitbegħdux minn dik it-triq! (Mattew 7:13, 14) Il-Għalliem Grandjuż tagħna, Jehovah, permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu, jilluminalna t-triq, billi jgħid: “‘Din hi mogħdija. Imxu fiha,’ f’każ li tmorru lejn il-lemin jew f’każ li tmorru lejn il-lemin jew f’każ li tmorru lejn ix-xellug.”—Isaija 30:21.
Biżaʼ Xieraq
7. Kif nistgħu nagħmlu lil qlubna ‘magħqudin’?
7 It-talba taʼ David tkompli fil-vers 11: “Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.” Bħal David, għandna nkunu rridu li qlubna ma jkunux maqsumin, li jkun sħaħ, f’li nagħmlu r-rieda t’Alla. Dan hu fi qbil mal-parir taʼ Mosè: “U issa, O Iżrael, Jehovah Alla tiegħek x’qiegħed jitlob minnek ħlief li tibżaʼ minn Jehovah Alla tiegħek, sabiex timxi fil-mogħdijiet kollha tiegħu u biex tħobbu u biex taqdi lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u ruħek kollha; biex iżżomm il-kmandamenti taʼ Jehovah u l-istatuti tiegħu li qiegħed nikkmandak illum, għall-ġid tiegħek?” (Dewteronomju 10:12, 13) Hu, tabilħaqq, għall-ġid tagħna li nferrgħu lil qalbna u lil ruħna f’li naqdu lil Jehovah. B’hekk nuru biżaʼ xieraq minn dak l-isem illustri tiegħu. Isem Jehovah litteralment ifisser “Hu Jġiegħel li Jsir,” b’mod partikulari b’referenza għal li jġib il-għanijiet grandjużi tiegħu lejn it-twettieq tagħhom. Jirrappreżenta wkoll l-awtorità suprema tiegħu fuq l-univers kollu. Billi naqdu bi stagħġib lejn il-Maestà t’Alla, m’aħniex se niġu żvijati b’xi biżaʼ mill-bniedem mortali. Qlubna m’humiex se jkunu maqsumin. Minflok, se nibżgħu li nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobx lil Jehovah, l-Imħallef Suprem u l-Mulej Sovran, li jżomm lill-istess ħajjiet tagħna f’idu.—Isaija 12:2; 33:22.
8, 9. (a) X’ifisser li ma tkun “ebda parti mid-dinja”? (b) Liema passi għandna nieħdu sabiex inkunu “spettaklu teatrali”?
8 Saħansitra wiċċ imb’wiċċ mat-tmaqdir u mal-persekuzzjoni, aħna se nsegwu l-eżempju qalbieni taʼ Ġesù f’li ma nkunu ebda parti mid-dinja mill-agħar taʼ madwarna. (Ġwann 15:17-21) Dan ma jfissirx li d-dixxipli taʼ Ġesù għandhom igħixu bħal eremiti jew jinħbew f’xi monasteru. Ġesù qal f’talba lil Missieru: “Jien nitolbok, mhux biex toħroġhom ’il barra mid-dinja, imma biex tgħasses fuqhom minħabba l-wieħed mill-agħar. Ma huma ebda parti mid-dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja. Qaddishom permezz tal-verità; kelmtek hi verità. Bħalma int bgħatt lili fid-dinja, jien ukoll bgħatt lilhom fid-dinja.” (Ġwann 17:15-18) Bħal Ġesù, aħna mibgħutin biex nipproklamaw il-verità tas-Saltna. Lil Ġesù kont tistaʼ tersaq lejh. In-nies kienu jħossuhom irrifreskati bil-mod tiegħu taʼ kif igħallem. (Qabbel Mattew 7:28, 29; 11:28, 29; Ġwann 7:46.) Għandu jkun l-istess fil-każ tagħna.
9 Is-sens taʼ ħbiberija tagħna, il-maxta u d-dehra xierqa tagħna, il-konversazzjoni nadifa u taʼ qalb tajba tagħna, għandhom jagħmlu lilna u lill-messaġġ tagħna aċċettabbli għal uħud taʼ qalb xierqa. Irridu nistmerru l-iżmattar, l-ilbies immodest, is-sħubijiet li jistgħu jwasslu għal indħil fid-dinja, u l-mod taʼ ħajja laxka u bla prinċipju li naraw fid-dinja taʼ madwarna. Billi “sirna spettaklu teatrali għad-dinja, u għall-anġli, u għall-bnedmin,” aħna qegħdin għassa 24 siegħa kuljum biex naqdu u ngħixu bħala Kristjani eżemplari. (1 Korintin 4:9; Efesin 5:1-4; Filippin 4:8, 9; Kolossin 4:5, 6) Qalbna trid tkun magħquda għal dan il-għan.
10. Jehovah kif jiftakar lil dawk li lil qlubhom jagħmluhom magħqudin fis-servizz sagru?
10 Aħna li lil qlubna nagħmluhom magħqudin fil-biżaʼ tal-isem taʼ Jehovah, li nimmeditaw fuq il-għanijiet grandjużi tiegħu u li nimlew lill-ħajjiet tagħna b’servizz sagru, se niġu miftakrin minn Jehovah. “Inkwantu għal Jehovah, għajnejh qed iżebbġu mal-art kollha biex juri saħħtu f’isem dawk li qalbhom hija sħiħa lejh.” (2 Kronaki 16:9) Billi jirreferi b’mod profetiku għal żmienna, Malakija 3:16 igħid: “F’dak iż-żmien dawk fil-biżaʼ taʼ Jehovah tkellmu flimkien, kull wieħed maʼ sieħbu, u Jehovah qagħad jagħti kas u jismaʼ. U ktieb taʼ tfakkira beda jinkiteb quddiemu għal dawk fil-biżaʼ taʼ Jehovah u għal dawk li qegħdin jaħsbu fuq ismu”. Jalla qlubna jkunu magħqudin f’dan il-biżaʼ bnin taʼ Jehovah!
Il-Qalb Tajba bl-imħabba taʼ Jehovah
11. Il-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah kif se tintwera lejn dawk li huma leali?
11 Kemm hi ferventi t-talba taʼ David! Hu jkompli: “Jien infaħħrek, O Jehovah Alla tiegħi, b’qalbi kollha, u se nigglorifika lil ismek għal żmien indefinit. Għax il-qalb tajba bl-imħabba tiegħek hija kbira lejja, u int ħlist lil ruħi ’l barra minn Xeol, il-post l-iktar baxx tiegħu.” (Salm 86:12, 13) Għat-tieni darba f’dan is-salm, David ifaħħar lil Jehovah għall-qalb tajba bl-imħabba Tiegħu—l-imħabba leali Tiegħu. Tant hi kbira din l-imħabba li tistaʼ ssalvana minn sitwazzjonijiet li jidhru impossibbli. Meta Sawl kien qed jikkaċċjah fix-xagħri, David forsi xtaq li jimtedd f’xi rokna u jmut. Kien qisu ġie wiċċ imb’wiċċ mal-iktar post baxx taʼ Xeol—fil-qiegħ nett tal-qabar. Imma Jehovah ħelsu! Bl-istess manjiera, Jehovah spiss ġab serħan għall-qaddejja tiegħu taż-żmien modern b’modi meraviljużi, u wkoll sostna lil uħud li jżommu l-integrità u li baqgħu jissaportu fedelment saħansitra sal-mewt. L-uħud leali kollha se jiksbu r-rigal tagħhom,saħansitra b’irxoxt jekk hemm bżonn.—Qabbel Ġob 1:6-12; 2:1-6, 9, 10; 27:5; 42:10; Proverbji 27:11; Mattew 24:9, 13; Rivelazzjoni 2:10.b
12. In-nies tal-kleru kif inhuma prużuntużi u tiranniċi, u x’se jkun ir-rigal tagħhom?
12 Rigward il-persekuturi David jitniegħed: “O Alla, il-prużuntużi nfushom qamu kontra tiegħi; u l-istess assemblea tat-tiranni fittxew lil ruħi, u ma poġġewkx quddiemhom infushom.” (Salm 86:14) Illum, il-persekuturi inkludew lil membri tal-kleru tal-kristjaneżmu. Dawn jippretendu li qegħdin iqimu lil Alla imma jbiddlu lill-isem qaddis tiegħu bit-titlu “Mulej” u jippreżentawh bħala Trinità misterjuża li attwalment ma tissemma mkien fil-Bibbja. Xi prużunzjoni! Iktar minn hekk, huma jipprovaw jipperswadu lill-poteri politiċi biex jipprojbixxu lix-Xhieda taʼ Jehovah u jitfgħuhom il-ħabs, bħalma għadu qed jiġri f’għadd kbir li jissorprendik taʼ pajjiżi madwar l-art. Dawn l-uħud tas-suttana li jidgħu kontra l-isem t’Alla se jaħsdu r-rigal tagħhom, flimkien mas-setturi kollha bħal nisa żienja taʼ Babilonja l-Kbira.—Rivelazzjoni 17:1, 2, 15-18; 19:1-3.
13. Jehovah liema kwalitajiet juri f’li jagħmel magħrufa t-tjubija tiegħu?
13 F’kuntrast hieni t-talba taʼ David tkompli: “Imma int, O Jehovah, inti Alla mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex tirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u f’dak li hu veru.” (Salm 86:15) Superlattivi, tabilħaqq, huma dawn il-kwalitajiet t’Alla tagħna. Dawn il-kelmiet jeħduna lura lejn il-Muntanja Sinaj meta Mosè talab biex jara l-glorja taʼ Jehovah. Jehovah wieġeb: “Jien innifsi se nġiegħel lit-tjubija kollha tiegħi tgħaddi quddiem wiċċek, u jien se niddikjara l-isem taʼ Jehovah quddiemek.” Imma wissa lil Mosè: “M’għandekx il-ħila tara lil wiċċi, għaliex ebda bniedem ma jistaʼ jarani u madankollu jgħix.” Wara dan Jehovah niżel fis-sħab, waqt li pproklama: “Jehovah, Jehovah, Alla mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità.” (Eżodu 33:18-20; 34:5, 6) David ikkwota dawn il-kelmiet fit-talba tiegħu. Kwalitajiet bħal dawn taʼ Jehovah ifissru ferm iktar għalina minn kwalunkwe dehra fiżika! Mill-esperjenza tagħna stess, ma napprezzawx aħna t-tjubija taʼ Jehovah kif inhi murija f’dawn l-attributi mill-aħjar?
“Sinjal li Jfisser Tjubija”
14, 15. Jehovah kif iwettaq għall-qaddejja tiegħu “sinjal li jfisser tjubija”?
14 David mill-ġdid jitlob bil-ħniena għall-barka taʼ Jehovah, billi jgħid: “Dur lejja u urini favur. Tassew agħti s-saħħa tiegħek lill-qaddej tiegħek, u tassew salva lil iben it-tfajla rsira tiegħek. Wettaq miegħi sinjal li jfisser tjubija, biex dawk li qegħdin jobogħduni jistgħu jarawh u jistħu. Għax int innifsek, O Jehovah, għentni u farraġtni.” (Salm 86:16, 17) David jirrikonoxxi li bħala ‘iben it-tfajla rsira taʼ Jehovah,’ hu wkoll irid jappartjeni lil Jehovah. Hu l-istess għalina llum li ddedikajna l-ħajjiet tagħna lil Jehovah u s-servizz tiegħu. B’hekk, nitolbu lil Alla tagħna biex iwettaq magħna “sinjal li jfisser tjubija.” It-tjubija taʼ Jehovah tħaddan il-kwalitajiet mill-aħjar li għadna kif iddiskutejna. Fuq din il-bażi, liema sinjal, jew turija, nistgħu nistennew li Jehovah jagħtina?
15 Jehovah hu d-Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett” u huwa ġeneruż, bħalma assigurana Ġesù, f’li jagħti “spirtu qaddis lil dawk li qegħdin jistaqsuh.” (Ġakbu 1:17; Luqa 11:13) Spirtu qaddis—x’rigal imprezzabbli mingħand Jehovah! Permezz tal-ispirtu qaddis, Jehovah jipprovdi ferħ lill-qalb, saħansitra fi żmien taʼ persekuzzjoni. B’hekk, l-appostli taʼ Ġesù, meta kienu għaddejjin ġuri għal ħajjithom, setgħu bil-ferħ jiddikjaraw li Alla jagħti spirtu qaddis lil dawk li qegħdin jobdu lilu bħala ħakkiem. (Atti 5:27-32) Il-ferħ tal-ispirtu qaddis wettaq magħhom “sinjal li jfisser tjubija.”
16, 17. (a) Jehovah ta liema sinjal tat-tjubija tiegħu lil Pawlu u il Barnaba? (b) Liema sinjal kien mogħti lit-Tessalonkin ippersegwitati?
16 Tul il-korsa tal-vjaġġ missjunarju tagħhom mill-Asja Minuri, Pawlu u Barnaba ltaqgħu maʼ bosta diffikultajiet, saħansitra persekuzzjoni ħarxa. Meta ppridkaw f’Antijokija taʼ Pisidja, il-Lhud ċaħduh il-messaġġ tagħhom. B’hekk, huma daru lejn nies tal-ġnus. B’liema riżultat? “Meta dawk tal-ġnus semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma taʼ Jehovah, u dawk kollha li kienu disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem saru jemmnu.” Imma il-Lhud ħolqu storbju sħiħ, tant li dawk il-missjunarji ntefgħu ’l barra mill-pajjiż. Qatgħu qalbhom huma u l-kredenti l-ġodda minħabba f’dan? Lanqas xejn! Anzi, “[i]d-dixxipli komplew jiġu mimlijin b’ferħ u bi spirtu qaddis.” (Atti 13:48, 52) Jehovah tahom dak is-sinjal tat-tjubija tiegħu.
17 Iktar tard, il-kongregazzjoni l-ġdida f’Tessalonika ġiet suġġetta għal persekuzzjoni. Dan wassal lill-appostlu Pawlu biex jikteb ittra taʼ faraġ, fejn faħħar is-sabar tagħhom taħt tribulazzjoni. Kienu ‘aċċettaw il-kelma taħt ħafna tribulazzjoni bil-ferħ tal-ispirtu qaddis.’ (1 Tessalonkin 1:6) “Il-ferħ tal-ispirtu qaddis” kompla jsaħħaħhom bħala sinjal evidenti mingħand Alla li hu mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja, u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u f’dak li hu veru.
18. Ħutna fl-Ewropa tal-Lvant kif urew apprezzament għat-tjubija taʼ Jehovah?
18 Fi żminijiet riċenti, Jehovah esprima t-tjubija tiegħu lejn ħutna leali fl-Ewropa tal-Lvant, billi ħammar wiċċ dawk li kienu jobogħduhom—dawk li qabel kienu l-persekuturi tagħhom. Għalkemm ġew dan l-aħħar imserrħin wara għexur taʼ snin taʼ oppressjoni, dawn l-aħwa maħbubin xorta għadhom iridu jissaportu, għax ħafna qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi ħorox. Madankollu, ‘il-ferħ tagħhom tal-ispirtu qaddis’ ifarraġhom. Liema ferħ akbar jistgħu jkollhom huma milli jużaw il-libertajiet tagħhom li għadhom kif kisbu biex jespandu l-għoti taʼ Xhieda? Ħafna nies qegħdin jisimgħuhom, bħalma juru r-rapporti tal konvenzjonijiet u l-magħmudijiet.—Qabbel Atti 9:31; 13:48.
Dak kollu li ġie diskuss f’dan l-artiklu u f’dak taʼ qablu jidwi t-talba ferventi taʼ David lil Jehovah: “Istruwini, O Jehovah. . .Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.” (Salm 86:11) Ejjew nagħmlu dawk il-kelmiet tal-yeartext tagħna għall-1993 bħala tagħna stess hekk kif naħdmu b’qalbna kollha b’appoġġ għall-interessi tas-Saltna u b’apprezzament għat-tjubija li maʼ taqtaʼ xejn taʼ dak Alla wieħed tagħna, il-Mulej Sovran Jehovah.
[Noti taʼ taħt]
a Bħala ż-“żerriegħa” mbassar, Ġesù kien werriet għas-Saltna taʼ David u għalhekk kien “bin David” kemm f’sens litterali u kemm f’sens spiritwali.—Ġenesi 3:15; Salm 89:29, 34-37.
b Għal eżempji tal-lum, ara l-Yearbook of Jehovah’s Witnesses, edizzjonijiet tal-1974, paġni 113-212; 1985, paġni 194-7; 1986, paġni 237-8; 1988, paġni 182-5; 1990, paġni 171-2; 1992, paġni 174-81.
Kif Twieġeb Int?
◻ X’indikaw billi nitolbu, “Istruwini, O Jehovah”?
◻ Xi jfisser li lil qlubna nagħmluhom magħqudin biex nibżgħu mill-isem taʼ Jehovah? Jehovah kif se juri l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu lejn dawk kollha li huma leali?
◻ Jehovah kif iwettaq magħna “sinjal li jfisser tjubija”?
19. Il-kliem taʼ Salm 86:11 kif nistgħu nagħmluh tagħna stess?
[Kaxxa f’paġna 14]
It-test tas-sena għall-1993: “Istruwini, O Jehovah. . .Għaqqad lil qalbi biex nibżaʼ minn ismek.”—Salm 86:11.
[Stampa f’paġna 15]
Fil-Konvenzjoni Internazzjonali “Uħud li Jġorru d-Dawl” tax-Xhieda taʼ Jehovah f’St. Petersburg, fir-Russja, f’Gunju, 46,214 attendaw u 3,256 kienu mgħammdin. B’liema mod tal-għaġeb dawn qegħdin jużaw it-tjubija taʼ Jehovah, bil-“ferħ tal-ispirtu qaddis”!