KAPITLU 17
Hu jgħallem lil Nikodemu billejl
ĠESÙ JITKELLEM MAʼ NIKODEMU
XI JFISSER LI ‘TITWIELED MILL-ĠDID’
Waqt li qiegħed Ġerusalemm għall-Qbiż tas-sena 30 WK, Ġesù jwettaq sinjali tal-għaġeb, jew mirakli. Minħabba f’hekk, ħafna nies ipoġġu fidi fih. Nikodemu, Fariżew u membru tal-qorti superjuri Lhudija msejħa s-Sinedriju, jibqaʼ impressjonat b’Ġesù. Peress li jrid jitgħallem iktar, hu jżur lil Ġesù wara li jidlam, x’aktarx għax jibżaʼ li r-reputazzjoni tiegħu mal-mexxejja Lhud l-oħrajn tistaʼ tiġi mħassra jekk jarah xi ħadd.
Nikodemu jgħid: “Rabbi aħna nafu li int bħala għalliem ġejt mingħand Alla; għax ħadd ma jistaʼ jwettaq dawn is-sinjali li qed twettaq int jekk Alla ma jkunx miegħu.” Bħala tweġiba, Ġesù jgħid lil Nikodemu li biex bniedem jidħol fis-Saltna t’Alla għandu bżonn ‘jitwieled mill-ġdid.’—Ġwanni 3:2, 3.
Iżda bniedem kif jistaʼ jitwieled mill-ġdid? “Ma jistax jidħol f’ġuf ommu t-tieni darba u jitwieled, hux hekk?” jistaqsi Nikodemu.—Ġwanni 3:4.
Le, li wieħed jitwieled mill-ġdid ma jfissirx hekk. Ġesù jispjega: “Jekk wieħed ma jitwilidx mill-ilma u mill-ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna t’Alla.” (Ġwanni 3:5) Meta Ġesù tgħammed u l-ispirtu qaddis niżel fuqu, hu b’hekk twieled “mill-ilma u mill-ispirtu.” F’dan il-waqt, kien hemm ukoll dikjarazzjoni mis-sema: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:16, 17) B’dan il-mod, Alla ħabbar li issa Ġesù kien sar iben spiritwali bil-prospett li jidħol fis-Saltna tas-smewwiet. Iktar tard, f’Pentekoste tas-sena 33 WK, l-ispirtu qaddis se jitferraʼ fuq oħrajn li huma mgħammdin, u huma b’hekk se jkunu mweldin mill-ġdid bħala wlied Alla mnisslin mill-ispirtu.—Atti 2:1-4.
Huwa diffiċli għal Nikodemu biex jifhem dak li Ġesù qed jgħallmu dwar is-Saltna. Allura Ġesù jagħtih iktar informazzjoni dwar l-irwol speċjali tiegħu bħala l-Iben uman t’Alla. Ġesù jgħid: “Bħalma Mosè għolla s-serp fix-xagħri, hekk jeħtieġ jitgħolla Bin il-bniedem, biex kulmin jemmen fih ikollu l-ħajja taʼ dejjem.”—Ġwanni 3:14, 15.
Żmien twil ilu, dawk l-Iżraelin li ngidmu minn sriep velenużi kellhom iħarsu lejn is-serp tar-ram aħmar biex isalvaw. (Numri 21:9) B’mod simili, il-bnedmin kollha għandhom jeżerċitaw il-fidi fl-Iben t’Alla ħalli ma jmutux imma jiksbu l-ħajja taʼ dejjem. Biex jenfasizza l-irwol kollu mħabba taʼ Ġeħova f’dan, Ġesù mbagħad jgħid lil Nikodemu: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Għalhekk, hawnhekk f’Ġerusalemm, xi sitt xhur wara li beda l-ministeru tiegħu, Ġesù jagħmilha ċara li hu l-mezz taʼ salvazzjoni għall-umanità.
Ġesù jgħid lil Nikodemu: “Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jiġġudika d-dinja.” Dan ifisser li hu ma ntbagħatx biex jiġġudika b’mod ħażin, billi jikkundanna lill-bnedmin kollha għall-qerda. Minflok, bħalma jgħid Ġesù, hu ntbagħat “biex id-dinja tiġi salvata permezz tiegħu.”—Ġwanni 3:17.
Nikodemu ġie għand Ġesù mbeżżaʼ fis-satra tal-lejl. Allura huwa interessanti li Ġesù jtemm il-konversazzjoni miegħu billi jgħid: “Issa fuq dan hu bbażat il-ġudizzju, li d-dawl [li hu Ġesù inkluż il-ħajja u t-tagħlim tiegħu] ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew id-dlam minflok id-dawl, għax l-għemejjel tagħhom kienu mill-agħar. Għax min jipprattika affarijiet vili jobgħod id-dawl u ma jiġix għad-dawl, sabiex l-għemejjel tiegħu ma jinkixfux. Imma min jagħmel dak li hu veru jiġi għad-dawl, sabiex l-għemejjel tiegħu jidhru li saru fi qbil mar-rieda t’Alla.”—Ġwanni 3:19-21.
Issa f’idejn dan il-Fariżew u għalliem taʼ Iżrael, Nikodemu, biex jirrifletti fuq dak li għadu kif semaʼ dwar l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla.