LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 7/1 pp. 22-26
  • “Troddu lil Ħadd Ħsara bi Ħsara”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Troddu lil Ħadd Ħsara bi Ħsara”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Għaldaqstant, Nitlobkom bil-​Ħrara’
  • “Ħa Tkun Imħabbitkom Mingħajr Ipokrisija”
  • “Ibqgħu Bierku lil Dawk li Jippersegwitawkom”
  • “Żommu l-​Paċi mal-​Bnedmin Kollha”
  • “Tivvendikawx Ruħkom”
  • Għala Ma Npattux
  • “Żommu l-Paċi mal-Bnedmin Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • It-Tajjeb Qatt se Jikkonkwista lill-Ħażin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Kif it-Tajjeb Se Jirbaħ lill-Ħażin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • X’Jagħmilna Tajbin jew Ħżiena?
    Stenbaħ!—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 7/1 pp. 22-26

“Troddu lil Ħadd Ħsara bi Ħsara”

“Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. Agħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha.”—RUMANI 12:17.

1. Liema tip taʼ mġiba hija komuni?

META xi tifel jiġi mbottat minn xi ħadd minn ħutu, normalment l-​ewwel reazzjoni tat-​tifel tkun li jimbotta lura. B’dispjaċir, imġiba taʼ tpattija bħal din ma tinsabx biss fit-​tfal. Ħafna adulti jġibu ruħhom bl-​istess mod. Meta jonqoshom xi ħadd ikunu jridu jpattu. Veru, ħafna adulti mhux se jimbottaw lura lil xi ħadd b’mod letterali, imma jpattu b’modi iktar sottili. Għandhom mnejn ixerrdu tqassis dwar min ikun naqashom jew jagħmlulu xi bsaten fir-​roti. Ikun xi jkun il-​metodu li jużaw, l-​intenzjoni tkun l-​istess​—biex ipattu, biex jirritaljaw.

2. (a) Il-Kristjani veri għala jirreżistu x-​xewqa biex ipattu? (b) Liema mistoqsijiet u kapitlu tal-​Bibbja se nikkunsidraw?

2 Għalkemm ix-​xewqa biex tpatti ilha teżisti ħafna, il-​Kristjani veri jżommu lura milli jaqgħu fiha. Minflok, huma jaħdmu iebes biex isegwu t-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.” (Rumani 12:17) X’se jqanqalna biex ngħixu skond dan il-​livell għoli? Lil min b’mod partikulari m’għandniex inpattu l-​ħsara? X’ġid joħroġ meta nżommu lura milli npattu? Sabiex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja nistudjaw il-​kuntest taʼ kliem Pawlu u naraw kif Rumani kapitlu 12 juri li meta nżommu lura milli npattu nkunu qed insegwu t-​triq it-​tajba, taʼ mħabba, u taʼ modestja. Se nikkunsidraw dawn it-​tliet aspetti wieħed wieħed.

‘Għaldaqstant, Nitlobkom bil-​Ħrara’

3, 4. (a) Billi jibda minn Rumani kapitlu 12, Pawlu x’jiddiskuti, u x’inhu s-​sinifikat taʼ l-​użu li jagħmel mill-​kelma “għaldaqstant”? (b) X’effett suppost kellha l-​mogħdrija t’Alla fuq il-​Kristjani f’Ruma?

3 Billi jibda minn kapitlu 12, Pawlu jikkunsidra erbaʼ suġġetti relatati li jeffettwaw il-​ħajja taʼ Kristjan. Hu jiddeskrivi r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova, maʼ sħabna fit-​twemmin, maʼ wħud li ma jemmnux, u maʼ l-​awtoritajiet governattivi. Pawlu juri li hemm raġuni fundamentali biex nirreżistu l-​inklinazzjonijiet ħżiena, fosthom ix-​xewqa biex inpattu, meta jgħid: “Għaldaqstant, ħuti, nitlobkom bil-​ħrara minħabba l-​mogħdrijiet t’Alla.” (Rumani 12:1) Innota l-​kelma “għaldaqstant,” li tfisser “meta tqis dak li għadu kif intqal.” Pawlu fil-​fatt jgħid: ‘Meta tqisu dak li għadni kemm spjegajtilkom, nitlobkom bil-​ħrara biex tagħmlu dak li se ngħidilkom issa.’ Pawlu x’kien spjegalhom lil dawk il-​Kristjani f’Ruma?

4 Fl-​ewwel 11-il kapitlu taʼ l-​ittra tiegħu, Pawlu ddiskuta l-​opportunità meraviljuża li kienet miftuħa għal-​Lhud u l-​Ġentili biex isiru ħakkiema maʼ Kristu fis-​Saltna t’Alla, tama li Iżrael naturali naqas li jaċċetta. (Rumani 11:​13-36) Dak il-​privileġġ speċjali sar possibbli biss permezz tal-​“mogħdrijiet t’Alla.” Il-​Kristjani kif għandhom iwieġbu għal din il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla? Qlubhom għandhom ikunu mimlijin bi gratitudni tant profonda li jitqanqlu biex jgħidu dak li Pawlu jkompli jgħid: “[Ippreżentaw] ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-​qawwa tar-​raġuni tagħkom.” (Rumani 12:1) Imma dawn il-​Kristjani kif jistgħu fil-​fatt jippreżentaw lilhom infushom bħala “sagrifiċċju” lil Alla?

5. (a) Kif jistaʼ individwu joffri lilu nnifsu bħala “sagrifiċċju” lil Alla? (b) Liema prinċipju għandu jinfluwenza l-​imġiba taʼ Kristjan?

5 Pawlu jkompli jispjega: “Tibqgħux magħġunin skond din is-​sistema, imma inbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:2) Minflok ma jħallu l-​ispirtu tad-​dinja jsawrilhom il-​mod taʼ ħsieb tagħhom, huma kellhom iġeddu moħħhom għall-​mod taʼ ħsieb taʼ Kristu. (1 Korintin 2:16; Filippin 2:5) Dan il-​prinċipju għandu jinfluwenza l-​imġiba minn jum għal jum tal-​Kristjani ġenwini kollha, inkluż aħna llum.

6. Skond l-​irraġunar taʼ Pawlu misjub f’Rumani 12:​1, 2, xi jqanqalna biex inżommu lura milli npattu?

6 L-​irraġunar taʼ Pawlu f’Rumani 12:​1, 2 kif jistaʼ jgħinna? Bħal dawk il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu f’Ruma, aħna grati profondament għall-​bosta espressjonijiet kontinwi taʼ mogħdrija li Alla tana u jibqaʼ jagħtina kull ġurnata taʼ ħajjitna. Għaldaqstant, qalb mimlija bi gratitudni tqanqalna biex naqdu lil Alla bis-​saħħa, ir-​riżorsi, u l-​abbiltajiet tagħna kollha. Din ix-​xewqa minn qalbna tqanqalna wkoll biex nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex naħsbu, mhux bħad-​dinja, imma bħal Kristu. Meta jkollna l-​moħħ taʼ Kristu jiġi effettwat il-​mod kif nittrattaw lil oħrajn​—kemm lil sħabna fit-​twemmin u kemm lil dawk li ma jemmnux. (Galatin 5:​25) Biex nagħtu eżempju: Jekk naħsbu bħal Kristu, aħna nitqanqlu biex nirreżistu x-​xewqa biex inpattu.​—1 Pietru 2:​21-​23.

“Ħa Tkun Imħabbitkom Mingħajr Ipokrisija”

7. Liema tip taʼ mħabba tiġi kunsidrata f’Rumani kapitlu 12?

7 Aħna noqogħdu lura milli npattu ħsara bi ħsara mhux biss għax din hija l-​aħjar triq li naqbdu imma wkoll għax din hija t-​triq taʼ mħabba. Innota kif wara dan l-​appostlu Pawlu jikkunsidra l-​motiv taʼ l-​imħabba. Fil-​ktieb tar-​Rumani, Pawlu juża l-​kelma “mħabba” (agape bil-​Grieg) kemm-il darba meta jirreferi għall-​imħabba t’Alla u dik taʼ Kristu. (Rumani 5:​5, 8; 8:​35, 39) Madankollu, f’kapitlu 12, Pawlu juża agape b’mod differenti​—meta jitkellem dwar l-​imħabba murija lil sħabna l-​bnedmin. Wara li qal li hemm għotjiet spiritwali differenti u li jinsabu fost xi kredenti, Pawlu jsemmi kwalità li trid tiġi kultivata mill-​Kristjani kollha. Hu jgħid: “Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija.” (Rumani 12:​4-9) It-​turija taʼ l-​imħabba lejn oħrajn hija karatteristika bażika tal-​Kristjani veri. (Marku 12:​28-​31) Pawlu jħeġġiġna biex naċċertaw ruħna li l-​imħabba li nuru bħala Kristjani tkun sinċiera.

8. Kif nistgħu nuru mħabba li mhix ipokrita?

8 Iżjed minn hekk, Pawlu jitkellem dwar kif tintwera l-​imħabba mingħajr ipokrisija, billi jgħid: “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.” (Rumani 12:9) “Stmerru” u “żommu sod” huma frażijiet b’saħħithom. Il-​kelma “stmerru” tistaʼ tiġi tradotta bħala “tobgħod b’mod estrem.” Ma rridux nobogħdu biss il-​konsegwenzi li jġib miegħu dak li hu ħażin imma l-​ħażen innifsu. (Salm 97:10) Il-​frażi “żommu sod” hija traduzzjoni tal-​verb Grieg li letteralment ifisser “iwaħħal” bil-​kolla. Kristjan li għandu mħabba ġenwina huwa tant imwaħħal fis-​sod b’dan il-​mod mal-​kwalità tat-​tjieba li din issir parti inseparabbli mill-​personalità tiegħu.

9. Liema twissija jagħti Pawlu darba wara l-​oħra?

9 Turija partikulari taʼ l-​imħabba hija msemmija minn Pawlu darba wara l-​oħra. Hu jistqarr: “Ibqgħu bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku u tisħtux.” “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.” “Maħbubin, tivvendikawx ruħkom.” “Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.” (Rumani 12:​14, 17-​19, 21) Il-​kliem taʼ Pawlu ma jħalli ebda dubju dwar kif għandna nittrattaw lil uħud li ma jemmnux, anki lil dawk li jopponuna.

“Ibqgħu Bierku lil Dawk li Jippersegwitawkom”

10. B’liema mod nistgħu nbierku lil min jippersegwitana?

10 Kif nistgħu nwettqu t-​twissija taʼ Pawlu: “Ibqgħu bierku lil dawk li jippersegwitawkom”? (Rumani 12:14) Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:44; Luqa 6:​27, 28) Għaldaqstant, mod wieħed kif nistgħu nbierku lil dawk li jippersegwitawna huwa billi nitolbu għalihom, billi nitolbu lil Alla biex jekk xi wħud qed jippersegwitawna minħabba l-​injoranza, Ġeħova jiftħilhom għajnejhom għall-​verità. (2 Korintin 4:4) Tistaʼ tidher xi ħaġa stramba li titlob lil Alla biex ibierek lil xi ħadd li jippersegwitak. Madankollu, iktar kemm il-​mod taʼ ħsieb tagħna jixbah lil dak taʼ Kristu, iktar se nkunu kapaċi nuru mħabbitna lill-​għedewwa tagħna. (Luqa 23:34) X’jistaʼ jkun ir-​riżultat taʼ li nuru mħabba bħal din?

11. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Stiefnu? (b) Bħalma jintwera mill-​ħajja taʼ Pawlu, liema bidla tistaʼ sseħħ f’xi persekuturi?

11 Stiefnu kien wieħed li talab għal dawk li kienu qed jippersegwitawh, u t-​talba tiegħu ma kinitx għal xejn. Ftit wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Stiefnu ġie arrestat mill-​persekuturi tal-​kongregazzjoni Kristjana, imkaxkar ’il barra minn Ġerusalemm, u mħaġġar. Qabel ma miet, hu għajjat: “Ġeħova, takkużahomx b’dan id-​dnub.” (Atti 7:​58–8:1) Wieħed mill-​irġiel li kien talab għalihom Stiefnu dakinhar kien Sawlu, li ra b’għajnejh u approva l-​qtil taʼ Stiefnu. Iktar tard, Ġesù rxoxtat deher lil Sawlu. Dak li qabel kien persekutur sar segwaċi taʼ Kristu u kompla biex sar l-​appostlu Pawlu, dak li kiteb l-​ittra lir-​Rumani. (Atti 26:​12-18) Fi qbil mat-​talba taʼ Stiefnu, Ġeħova milli jidher ħafer lil Pawlu minħabba d-​dnub tiegħu bħala persekutur. (1 Timotju 1:​12-16) Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani: “Ibqgħu bierku lil dawk li jippersegwitawkom”! Hu kien jaf mill-​esperjenza li xi persekuturi jistgħu eventwalment isiru qaddejja t’Alla. Fi żmienna, xi persekuturi bl-​istess mod saru kredenti minħabba l-​kondotta paċifika tal-​qaddejja taʼ Ġeħova.

“Żommu l-​Paċi mal-​Bnedmin Kollha”

12. Il-​kliem li nsibu f’Rumani 12:​9, 17 kif inhu marbut flimkien?

12 It-​twissija li jmiss taʼ Pawlu dwar kif nittrattaw lil uħud li huma kredenti u lil dawk li m’humiex hi: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.” Din l-​istqarrija hija konsegwenza loġika taʼ dak li hu qal qabel, jiġifieri: “Stmerru dak li hu ħażin.” Wara kollox, kif jistaʼ individwu jgħid li tassew jistmerr dak li hu ħażin jekk hu juża l-​ħażin biex ipatti lil ħaddieħor? Jekk jagħmel hekk ikun qed jagħmel il-​kontra taʼ li jħobb “mingħajr ipokrisija.” Imbagħad Pawlu jgħid: “Agħmlu t-​tajjeb quddiem il-​bnedmin kollha.” (Rumani 12:​9, 17) Dan il-​kliem kif napplikawh?

13. Aħna b’liema mod inġibu ruħna “quddiem il-​bnedmin kollha”?

13 Qabel, fl-​ittra tiegħu lill-​Korintin, Pawlu kiteb dwar il-​persekuzzjoni li ffaċċjaw l-​appostli. Hu qal: “Sirna spettaklu teatrali għad-​dinja, għall-​anġli, u għall-​bnedmin. . . . Meta jgħajruna, inbierku; meta jippersegwitawna, nissaportu; meta jimmalafamawna, nitolbu bil-​ħrara.” (1 Korintin 4:​9-13) Bl-​istess mod, il-​Kristjani veri llum qed jiġu osservati min-​nies taʼ din id-​dinja. Meta dawk taʼ madwarna josservaw l-​affarijiet tajbin li nagħmlu saħansitra meta nkunu qed niġu trattati b’mod inġust, jistgħu jkunu iktar disposti biex iħarsu lejn il-​messaġġ Kristjan tagħna b’mod iktar favorevoli.​—1 Pietru 2:​12.

14. Sa liema punt għandna naslu biex nippromwovu l-​paċi?

14 Imma sa liema punt għandna naslu biex nippromwovu l-​paċi? Sa l-​iktar punt li nistgħu. Pawlu jgħid lil ħutu l-​Kristjani: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.” (Rumani 12:18) “Jekk inhu possibbli” u “sakemm jiddependi minnkom” huma espressjonijiet li jindikaw li mhux dejjem huwa possibbli li wieħed jagħmel paċi m’oħrajn. Per eżempju, aħna mhux sejrin niksru kmand t’Alla sempliċement biex inkunu nistgħu nżommu paċi mal-​bnedmin. (Mattew 10:34-36; Ebrej 12:14) Xorta waħda, aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu—mingħajr ma nikkompromettu l-​prinċipji ġusti—biex nagħmlu paċi “mal-​bnedmin kollha.”

“Tivvendikawx Ruħkom”

15. Liema raġuni biex ma nivvendikawx ruħna tinsab f’Rumani 12:19?

15 Pawlu jagħti raġuni oħra li tqanqal għala m’għandniex inpattu; hija t-​triq modesta li għandna naqbdu. Hu jgħid: “Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-​wisaʼ għall-​korla; għax hu miktub: ‘Il-​vendetta tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rumani 12:19) Kristjan li jipprova jivvendika ruħu huwa prużuntuż. Hu jkun qed jieħu għalih irwol li jappartjeni lil Alla. (Mattew 7:1) Iktar minn hekk, billi jieħu l-​kwistjonijiet f’idu, hu juri nuqqas taʼ fiduċja fl-​assiguranza taʼ Ġeħova: “Jien inħallas.” B’kuntrast, il-​Kristjani veri għandhom fiduċja li Ġeħova se ‘jġiegħel li ssirilhom ġustizzja lill-​magħżulin tiegħu.’ (Luqa 18:​7, 8; 2 Tessalonikin 1:​6-8) Huma b’modestja jħallu l-​vendetta tal-​ħażin f’idejn Alla.​—Ġeremija 30:​23, 24; Rumani 1:18.

16, 17. (a) Xi jfisser li “tiġmaʼ faħam jaqbad” fuq ras xi ħadd? (b) Ġieli osservajt b’mod persunali kif ġest taʼ mħabba rattab qalb xi ħadd li mhux kredent? Jekk iva, agħti eżempju.

16 Meta wieħed jagħmel vendetta, x’aktarx li se jwebbes qalb l-​għadu tiegħu, imma jekk jittrattah bl-​imħabba jistaʼ jrattablu qalbu. Għala? Innota l-​kliem taʼ Pawlu lill-​Kristjani f’Ruma. Hu jgħid: “Jekk l-​għadu tiegħek bil-​ġuħ, itimgħu; jekk bil-​għatx, agħtih jixrob; għax meta tagħmel dan tkun qed tiġmaʼ faħam jaqbad fuq rasu.” (Rumani 12:20; Proverbji 25:​21, 22) Dan xi jfisser?

17 L-​espressjoni “tiġmaʼ faħam jaqbad fuq rasu” hija figura tat-​taħdit meħuda minn metodu taʼ kif kienu jdewbu l-​metalli fi żminijiet Bibliċi. Il-​metall kien jitpoġġa ġo forn, u kien jitpoġġa saff faħam mhux biss taħtu imma wkoll fuqu. Il-​faħam jaqbad li kien jitpoġġa fuqu kien iżid it-​temperatura biex b’hekk il-​metall iebes jinħall u jissepara mill-​impuritajiet fil-​metall. Bl-​istess mod, billi nagħmlu azzjonijiet tajbin lil min jopponina, aħna nkunu nistgħu “nħollu” l-​ebusija tiegħu u noħorġu l-​aħjar kwalitajiet li għandu. (2 Slaten 6:​14-23) Fil-​fatt, għadd kbir taʼ membri tal-​kongregazzjoni Kristjana kienu bdew jinġibdu lejn il-​qima vera minħabba l-​azzjonijiet taʼ mħabba li l-​qaddejja taʼ Ġeħova għamlu għan-​nom tagħhom.

Għala Ma Npattux

18. Għala huwa tajjeb, taʼ mħabba, u taʼ modestja li ma npattux?

18 F’din il-​konsiderazzjoni qasira taʼ Rumani kapitlu 12, aħna rajna diversi raġunijiet importanti għala ma ‘rroddu lil ħadd ħsara bi ħsara.’ L-​ewwel, li nżommu lura milli npattu hija t-​triq it-​tajba li għandna naqbdu. Meta nqisu l-​mogħdrija li Alla wera lejna, huwa raġunevoli u tajjeb li noffru lilna nfusna lil Ġeħova u nobdu minn jeddna l-​kmandamenti tiegħu​—fosthom il-​kmand li nħobbu lill-​għedewwa tagħna. It-​tieni, li nżommu lura milli npattu ħsara bi ħsara hija t-​triq taʼ mħabba li għandna naqbdu. Billi nħallu l-​vendikazzjoni u nippromwovu l-​paċi, aħna nittamaw bi mħabba li ngħinu saħansitra lil xi wħud ħorox li jopponuna biex isiru aduraturi taʼ Ġeħova. It-​tielet, li nżommu lura milli npattu bil-​ħsara hija t-​triq taʼ modestja li għandna naqbdu. Jekk nivvendikaw ruħna nkunu prużuntużi, għaliex Ġeħova jgħid: “Jien inħallas.” Il-​Kelma t’Alla twissi wkoll: “Fejn tidħol il-​kburija, jidħol l-​għajb; imma l-​[“modesti,” NW] ikollhom l-​għerf.” (Proverbji 11:2) Jekk bl-​għerf inħallu l-​ivvindikar tal-​ħażin f’idejn Alla nuru modestja min-​naħa tagħna.

19. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Pawlu jiġbor id-​diskussjoni tiegħu taʼ kif għandna nittrattaw lil oħrajn. Hu jħeġġeġ lill-​Kristjani: “Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.” (Rumani 12:21) Liema forzi mill-​agħar qegħdin niffaċċjaw illum? Kif nistgħu nirbħulhom? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet u oħrajn li huma marbutin magħhom se jiġu kunsidrati fl-​artiklu li jmiss.

Tistaʼ Tispjega?

• F’Rumani kapitlu 12, liema twissija nsibu darba wara l-​oħra?

• X’se jqanqalna biex ma npattux?

• X’ġid se naħsdu aħna u oħrajn jekk ma ‘rroddu lil ħadd ħsara bi ħsara’?

[Kaxxa f’paġna 22]

Rumani kapitlu 12 jiddeskrivi r-​relazzjoni taʼ Kristjan maʼ:

• Ġeħova

• sħabu fit-​twemmin

• dawk li m’humiex kredenti

[Stampa f’paġna 23]

L-​ittra taʼ Pawlu lir-​Rumani tipprovdi pariri prattiċi lill-​Kristjani

[Stampa f’paġna 25]

X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tad-​dixxiplu Stiefnu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja