“Dejjem Irbaħ il-Ħażen bit-Tajjeb”
“Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.”—RUMANI 12:21.
1. Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu negħlbu l-ħażen?
HUWA possibbli li tieqaf sod kontra dawk li jopponu bl-aħrax il-qima vera? Huwa possibbli li tegħleb il-forzi li jipprovaw jiġbduna lura fid-dinja li tiċħad lil Alla? It-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet hija iva! Għala ngħidu hekk? Minħabba dak li jgħid l-appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lir-Rumani. Hu jikteb: “Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.” (Rumani 12:21) Jekk nafdaw f’Ġeħova u nkunu determinati li ma nħallux id-dinja tirbaħna, il-ħażen li fiha m’huwiex se jegħlibna. Iżjed minn hekk, l-espressjoni “dejjem irbaħ il-ħażen” turi li aħna nistgħu negħlbu l-ħażen jekk nibqgħu nżommu l-ġlieda spiritwali tagħna kontrih. Dawk biss li ma jibqgħux għassa u jieqfu mill-ġlieda se jiġu megħlubin minn din id-dinja mill-agħar u mill-ħakkiem mill-agħar tagħha, Satana x-Xitan.—1 Ġwanni 5:19.
2. Għala se nikkunsidraw xi ġrajjiet fil-ħajja taʼ Neħemija?
2 Xi 500 sena qabel żmien Pawlu, f’Ġerusalemm kien hemm qaddej t’Alla li wera kemm hu veru kliem Pawlu dwar il-ġlieda kontra l-ħażen. Dak ir-raġel t’Alla, Neħemija, mhux biss irreżista l-oppożizzjoni minn nies li kienu ċaħdu lil Alla imma wkoll rebaħ il-ħażen bit-tajjeb. Liema sfidi ffaċċja? X’għenu jirnexxi? Kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu? Sabiex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ejja nikkunsidraw xi ġrajjiet fil-ħajja taʼ Neħemija.a
3. Neħemija f’liema ambjent kien jgħix, u liema ħaġa taʼ l-għaġeb irnexxielu jwettaq?
3 Neħemija kien jaqdi fil-palazz tas-Sultan Artasersi tal-Persja. Għalkemm Neħemija kien jgħix qalb nies li ma kinux jemmnu, hu ma ‘ntagħġinx’ skond “is-sistema” taʼ dak iż-żmien. (Rumani 12:2) Meta qam il-bżonn f’Ġuda, hu ħalla warajh il-ħajja komda li kellu, għamel il-vjaġġ strapazzanti lejn Ġerusalemm, u daħal għall-biċċa xogħol kbira taʼ li jerġaʼ jibni l-ħitan tal-belt. (Rumani 12:1) Għalkemm kien il-gvernatur taʼ Ġerusalemm, Neħemija kuljum kien jaħdem iebes maʼ sħabu l-Iżraelin “minn sbieħ il-jum sa ma jfeġġu l-kwiekeb.” B’riżultat taʼ dan, fi żmien xahrejn biss, il-proġett kien tlesta! (Neħemija 4:15 [4:21, NW]; 6:15) Din kienet xi ħaġa tassew taʼ l-għaġeb, għax matul ix-xogħol tal-bini, l-Iżraelin iffaċċjaw diversi forom t’oppożizzjoni. Min kienu l-għedewwa taʼ Neħemija, u x’riedu jagħmlu?
4. Liema mira kellhom l-għedewwa taʼ Neħemija?
4 L-għedewwa prinċipali tiegħu kienu Sanballat, Tobija, u Gesem, irġiel fil-poter li kienu jgħixu qrib Ġuda. Ladarba dawn kienu għedewwa tan-nies t’Alla, “[“dehrilhom li kienet xi ħaġa ħażina ferm,” NW] għax kien ġie [Neħemija] li ried jagħmel il-ġid lil ulied Iżrael.” (Neħemija 2:10, 19) L-għedewwa taʼ Neħemija kienu determinati li jwaqqfu l-pjanijiet tal-bini li kien għamel Neħemija, saħansitra billi rrikorrew għal pjanijiet mill-agħar. Kien Neħemija se jħalli lilu nnifsu ‘jintrebaħ mill-ħażen’?
“Saħan u Għadab Mhux Ftit”
5, 6. (a) L-għedewwa taʼ Neħemija kif irreaġixxew għax-xogħol tal-bini? (b) Neħemija għala ma beżax min-nies taʼ kontrih?
5 Neħemija bil-kuraġġ ħeġġeġ lin-nies tiegħu: “Ejjew nibnu s-swar taʼ Ġerusalemm.” Huma wieġbu: “Inqumu u nibnuhom.” Neħemija jistqarr: “Huma għamlu l-qalb għal din il-biċċa xogħol taʼ fejda,” imma l-għedewwa “bdew jiddieħku bina u jżebilħuna. U qalulna: ‘X’inhu dan li qed tagħmlu? Jaqaw se tqumu kontra s-sultan?’” Neħemija ma jibżax mit-tgħajjir u l-akkużi foloz tagħhom. Hu qal lill-opponenti tiegħu: “Hu Alla tas-smewwiet li jibagħtilna r-riżq, għax aħna qaddejja tiegħu. Aħna nqumu ħa nibnu.” (Neħemija 2:17-20) Neħemija kien determinat li jkompli miexi bix-“xogħol taʼ fejda.”
6 Wieħed minn dawn l-opponenti, Sanballat, “saħan u għadab mhux ftit” u kompla jżid mal-kliem offensiv tiegħu. “X’inhuma jagħmlu dawk il-Lhud bla saħħa?” qal b’żuffjett. “Jaqaw se jġibu lura minn gozz trab il-ġebel li ġie maħruq?” Tobija ngħaqad magħhom fiż-żuffjett billi qal: “Dak il-ħajt tal-ġebel biżżejjed jaħbat għalih volpi biex jagħmlu ħerba!” (Neħemija 3:33-35 [4:1-3, NW]) Neħemija kif irreaġixxa għal dan?
7. Neħemija b’liema mod irreaġixxa għall-akkużi taʼ dawk li opponewh?
7 Neħemija sempliċement injora l-kummenti tagħhom kollhom żuffjett. Hu segwa l-kmand t’Alla u ma fittixx li jgħid xi ħaġa lura. (Levitiku 19:18) Minflok, hu ħalla l-kwistjoni f’idejn Ġeħova u talab: “Ismaʼ, O Alla, kif qegħdin iwaqqgħuna għaċ-ċajt. Raġġaʼ lura fuq rashom iż-żebliħ tagħhom.” (Neħemija 3:36 [4:4, NW]) Neħemija fada fl-assiguranza taʼ Ġeħova: “Għalija l-ħlas u l-vendetta.” (Dewteronomju 32:35) Iżjed minn hekk, Neħemija u n-nies tiegħu ‘baqgħu sejrin jibnu s-swar.’ Ma ħallewx lilhom infushom jiġu aljenati. Fil-fatt, ‘il-poplu kien kollu ħeġġa għax-xogħol, [u] ma damux ma tellgħu l-ħitan kollha sa nofshom.’ (Neħemija 3:38 [4:6, NW]) L-għedewwa tal-qima vera ma rnexxilhomx iwaqqfu x-xogħol tal-bini! Kif nistgħu nimitaw lil Neħemija?
8. (a) Kif nistgħu nimitaw lil Neħemija meta dawk li jopponuna jakkużawna b’mod falz? (b) Irrakkonta esperjenza li kellek jew li smajt li turi l-għaqal li wieħed ma jirrispondix lura.
8 Illum, xi wħud li jopponuna fl-iskola, ix-xogħol, jew anki d-dar jistgħu jgħajruna jew jakkużawna b’mod falz. Madankollu, ħafna drabi l-aħjar mod kif tittratta akkużi foloz huwa billi tapplika l-prinċipju Skritturali: “[Hemm] żmien li tiskot.” (Koħèlet 3:1, 7) Għaldaqstant, bħal Neħemija, aħna ma nirrispondux bi kliem li jweġġaʼ. (Rumani 12:17) Aħna nduru lejn Alla bit-talb, u nafdaw lil dak il-wieħed li jaċċertana: “Jien inħallas.” (Rumani 12:19; 1 Pietru 2:19, 20) B’dan il-mod, aħna ma nħallux lil dawk li jopponuna jfixkluna mix-xogħol spiritwali li jrid jitwettaq illum—l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u li nagħmlu dixxipli. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Kull darba li nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u ma nċedux għall-oppożizzjoni, aħna nkunu qed nuru l-istess spirtu taʼ fidi li wera Neħemija.
‘Noqtlukom’
9. Liema tip t’oppożizzjoni għamlu l-għedewwa taʼ Neħemija, u Neħemija kif irreaġixxa?
9 Meta l-għedewwa tal-qima vera fi żmien Neħemija semgħu li “t-tiswijiet tas-swar kienu mexjin ’il quddiem,” huma qabdu s-sjuf tagħhom biex “jaħbtu għal Ġerusalemm.” Is-sitwazzjoni kienet tidher bla tama għal-Lhud. Kien hemm is-Samaritani fit-tramuntana, l-Għammonin fil-lvant, l-Għarab fin-nofsinhar, u n-nies t’Asdod fil-punent. Ġerusalemm kienet ċirkondata; il-bennejja kienu qishom f’nassa! X’kellhom jagħmlu? Neħemija jgħid: “Imma aħna tlabna ’l Alla tagħna. L-għedewwa heddew: “Noqtluhom u nwaqqfuhom minn dak li qegħdin jagħmlu.” Neħemija wieġeb għal dan billi ħatar xi bennejja biex jiddefendu l-belt “bix-xwabel, il-lanez u l-qwas tagħhom.” Huwa minnu li jekk nitkellmu mill-ħarsa tal-bniedem, il-grupp żgħir tal-Lhud lanqas kellu ċans kontra l-forza taʼ l-għedewwa kotrana tagħhom, imma Neħemija ħeġġiġhom: “Tibżgħux minnhom! Ftakru li l-Mulej hu kbir u tal-biżaʼ.”—Neħemija 4:1-3, 5, 7, 8 (4:7-9, 11, 13, 14, NW).
10. (a) L-għedewwa taʼ Neħemija kif bidlu l-pjanijiet f’daqqa waħda? (b) Neħemija liema azzjonijiet ħa?
10 F’daqqa waħda nqalbet il-folja. L-għedewwa ħassru l-attakk tagħhom. Għala? “Alla kien ġieb fix-xejn il-pjan tagħhom,” jikteb Neħemija. Madankollu, Neħemija kien jaf li l-għedewwa kienu għadhom taʼ theddida. Għaldaqstant, hu rranġa bi prudenza l-metodu taʼ kif kellhom jaħdmu l-ħaddiema. Minn dakinhar ’il quddiem, il-bennejja “b’id waħda kienu jkunu fuq ix-xogħol, u bl-oħra fuq ix-xabla.” Neħemija wkoll qabbad raġel biex f’każ t’attakk mill-għadu jdoqq it-tromba biex javża lill-bennejja. U l-iktar importanti, Neħemija aċċerta lin-nies: “Alla tagħna jiġġieled għalina.” (Neħemija 4:9-14 [4:15-20, NW]) Billi ġew inkuraġġiti u preparati biex jiffaċċjaw dak li setaʼ jinqalaʼ, il-bennejja komplew jaħdmu. X’lezzjonijiet nistgħu nisiltu minn dan ir-rakkont?
11. X’jgħin lill-Kristjani veri biex jissaportu l-ħażen f’pajjiżi fejn ix-xogħol tas-Saltna huwa projbit, u kif jirbħu l-ħażen bit-tajjeb?
11 Kultant, il-Kristjani veri jiffaċċjaw oppożizzjoni vjolenti. Fil-fatt, f’xi pajjiżi xi opponenti krudili tal-qima vera jifformaw forza taʼ l-għadu b’saħħitha wisq. Mill-ħarsa tal-bniedem, sħabna fit-twemmin f’dawk il-pajjiżi m’għandhomx tama li jirbħulhom. Madankollu, dawk ix-Xhieda huma fiduċjużi li ‘Alla se jiġġieled għalihom.’ Fil-fatt, dawk li huma persegwitati għat-twemmin tagħhom esperjenzaw darba wara l-oħra li Ġeħova jwieġeb it-talb tagħhom u ‘jġib fix-xejn il-pjan’ taʼ l-għedewwa qawwija tagħhom. Anki f’pajjiżi fejn ix-xogħol tas-Saltna huwa projbit, il-Kristjani sabu modi kif jibqgħu jippridkaw l-aħbar tajba. Bħalma l-bennejja f’Ġerusalemm bidlu l-metodu taʼ kif kienu qed jaħdmu, hekk ukoll ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum jibdlu l-metodu tax-xogħol tagħhom bi prudenza meta jkunu qed jiġu attakkati. M’għandniex xi ngħidu, huma ma jużawx armi letterali. (2 Korintin 10:4) Lanqas it-theddida tal-vjolenza fiżika ma twaqqafhom mill-ippridkar tagħhom. (1 Pietru 4:16) Għall-kuntrarju, dawn l-aħwa rġiel u nisa kuraġġużi jibqgħu ‘jirbħu l-ħażen bit-tajjeb.”
“Ejja Niltaqgħu Flimkien”
12, 13. (a) Liema strateġija użaw l-għedewwa taʼ Neħemija? (b) Neħemija għala ma laqax l-istedina biex jiltaqaʼ maʼ l-għedewwa tiegħu?
12 Wara li l-għedewwa taʼ Neħemija rrealizzaw li l-attakki diretti li għamlu fallew, huma daru lejn forom iktar sottili t’oppożizzjoni. Fil-fatt, huma pprovaw tliet komplotti. X’kienu dawn?
13 L-ewwel, l-għedewwa taʼ Neħemija pprovaw iqarrqu bih. Huma qalulu: “Ejja niltaqgħu flimkien f’Kefirim, fil-wita taʼ Onu.” Onu kien qiegħed bejn Ġerusalemm u s-Samarija. Għalhekk, l-għedewwa għamlu proposta biex Neħemija jiltaqaʼ magħhom nofs triq biex jirranġaw l-affarijiet taʼ bejniethom. Neħemija setaʼ ħaseb: ‘Dan jagħmel sens. Aħjar nitkellmu milli niġġieldu.’ Imma Neħemija rrifjuta. Hu spjega għala: “Il-ħsieb tagħhom kien li jagħmluli d-deni.” Hu induna x’kienet in-nassa tagħhom u ma ġiex imqarraq. Erbaʼ darbiet qal lil dawk li jopponuh: “Ma nistax ninżel niltaqaʼ magħkom għax għandi nitlaq kollox u jieqaf ix-xogħol biex ninżel għandkom?” L-attentati taʼ l-għedewwa taʼ Neħemija biex iġagħluh jagħmel kompromess fallew. Hu żamm għajnejh iffokati fuq ix-xogħol tal-bini.—Neħemija 6:1-4.
14. Neħemija kif irreaġixxa għal dawk li akkużawh b’mod falz?
14 It-tieni, l-għedewwa taʼ Neħemija spiċċaw biex bdew ixerrdu xnigħat foloz, billi akkużaw lil Neħemija li ‘għandu l-ħsieb li jirvella’ kontra s-Sultan Artasersi. Għal darb’oħra, lil Neħemija qalulu: “Ħa nitħaddtu bejnietna.” Neħemija reġaʼ rrifjuta, għax induna bl-intenzjoni taʼ l-għedewwa tiegħu. Neħemija spjega: “Kollha kemm huma riedu jbeżżgħuna meta qalu: ‘Idejhom ma jkunux jifilħu għal dan ix-xogħol, u ma jispiċċawhx.’” Madankollu, din id-darba Neħemija rrifjuta l-akkuża taʼ l-għedewwa tiegħu u qal: “Dak li qed tgħid m’huwiex minnu! Qlajtu int minn żniedek!” Iżjed minn hekk, Neħemija dar lejn Ġeħova għall-għajnuna, u talab: “Saħħaħli idejja.” (NW) Hu kellu fiduċja li bl-għajnuna taʼ Ġeħova setaʼ jfixkel dan il-pjan mill-agħar u jkompli sejjer ’il quddiem bil-proġett tal-bini.—Neħemija 6:5-9.
15. Liema suġġeriment għamel wieħed profeta falz, u Neħemija għala m’aċċettahx?
15 It-tielet, l-għedewwa taʼ Neħemija użaw traditur, lil Semajja l-Iżraeli, biex jipprova jġiegħel lil Neħemija jikser il-Liġi t’Alla. Semajja qal lil Neħemija: “Ejja niltaqgħu fid-dar taʼ Alla, fil-qalba tat-tempju, u nagħlqu warajna l-bibien tat-tempju, għax ġejjin joqtluk.” Semajja qal li Neħemija kien se jiġi maqtul imma li setaʼ jsalva ħajtu billi jistaħba fit-tempju. Madankollu, Neħemija ma kienx qassis. Kien jikkommetti dnub li kieku staħba fid-dar t’Alla. Kien hu se jikser il-Liġi t’Alla biex jipprova jsalva ħajtu? Neħemija wieġeb: “Min hu bħali jistaʼ jidħol fit-tempju u jibqaʼ ħaj? Le, ma mmurx!” Neħemija għala ma waqax fin-nassa li tlestietlu? Għaliex hu kien jaf li għalkemm Semajja kien Iżraeli bħalu, “ma kienx mibgħut minn Alla.” Wara kollox, profeta veru qatt ma kien se jissuġġerilu li jikser il-Liġi t’Alla. Għal darba oħra, Neħemija ma ħalliex lilu nnifsu jintrebaħ minn għedewwa ħżiena. Ftit wara dan hu setaʼ jikteb: “Is-swar tlestew fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar taʼ Elul, fi żmien tnejn u ħamsin ġurnata.”—Neħemija 6:10-15; Numri 1:51; 18:7.
16. (a) Kif għandna nittrattaw maʼ ħbieb foloz, nies li jaqilgħu akkużi foloz fuqna, u m’aħwa foloz? (b) Kif turi li tirrifjuta li tagħmel kompromess fit-twemmin tiegħek id-dar, l-iskola, jew ix-xogħol?
16 Bħal Neħemija, aħna wkoll nistgħu niffaċċjaw opponenti f’forma taʼ ħbieb foloz, nies li jakkużawna b’mod falz, u aħwa foloz. Xi individwi jistgħu jistidnuna biex niltaqgħu magħhom nofs triq, biex ngħidu hekk. Jistgħu jipprovaw jikkonvinċuna li jekk naqdu lil Ġeħova b’naqra inqas żelu nkunu nistgħu nagħmlu miri dinjin fl-istess ħin. Madankollu, minħabba li s-Saltna t’Alla tiġi l-ewwel f’ħajjitna, aħna ma nagħmlux kompromessi. (Mattew 6:33; Luqa 9:57-62) Dawk li jopponuna jxerrdu wkoll akkużi foloz fuqna. F’xi pajjiżi niġu akkużati li aħna taʼ theddida għall-Istat, sewwasew bħalma Neħemija ġie akkużat li ried jirribella kontra s-sultan. Xi akkużi ġew difiżi b’suċċess fi qrati ġudizzjarji. Imma jkun xi jkun ir-riżultat f’sitwazzjonijiet individwali, aħna nitolbu b’fiduċja li Ġeħova jidderieġi l-affarijiet skond ir-rieda tiegħu. (Filippin 1:7) L-oppożizzjoni tistaʼ tiġi wkoll minn uħud li jippretendu li jaqdu lil Ġeħova. Sewwasew bħalma wieħed mil-Lhud ipprova jipperswadi lil Neħemija biex jikser il-Liġi t’Alla biex isalva ħajtu, hekk ukoll xi apostati li qabel kienu Xhieda jistgħu jipprovaw jinfluwenzawna biex nagħmlu kompromess b’xi mod jew ieħor. Madankollu, aħna niċħdu lill-apostati għaliex nafu li ħajjitna jiġu salvati mhux billi niksru l-liġijiet t’Alla, imma billi nżommuhom! (1 Ġwanni 4:1) Iva, bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu nirbħu kwalunkwe forma taʼ ħażen.
Naqsmu l-Aħbar Tajba Minkejja li Niffaċċjaw il-Ħażen
17, 18. (a) Satana u l-aġenti tiegħu x’qed jipprovaw jagħmlu? (b) X’int determinat li tagħmel, u għala?
17 Il-Kelma t’Alla tgħid hekk dwar l-aħwa midlukin taʼ Kristu: “Huma rebħulu [lil Satana] minħabba . . . il-kelma li xehdu dwarha.” (Rivelazzjoni 12:11) Għaldaqstant, hemm konnessjoni diretta bejn li nirbħu lil Satana—is-sors tal-ħażen—u li nippridkaw il-messaġġ tas-Saltna. Mhux taʼ b’xejn li Satana jattakka bla waqfien lill-fdal midluk u lill-“folla kbira” billi jqajjem l-oppożizzjoni!—Rivelazzjoni 7:9; 12:17.
18 Bħalma rajna, l-oppożizzjoni tistaʼ tiġi permezz t’attakki verbali jew theddid taʼ vjolenza fiżika jew forom sottili oħrajn. Fi kwalunkwe każ, il-mira taʼ Satana hija dejjem l-istess—biex iwaqqaf ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Madankollu, hu se jfalli bl-ikrah għaliex hekk kif in-nies tal-poplu t’Alla jimitaw lil Neħemija tal-qedem, huma ‘dejjem se jirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’ Dan se jagħmluh billi jibqgħu jippridkaw l-aħbar tajba sakemm Ġeħova jgħid li x-xogħol huwa lest!—Marku 13:10; Rumani 8:31; Filippin 1:27, 28.
[Nota taʼ taħt]
a Għall-isfond taʼ dawn il-ġrajjiet, aqra Neħemija 1:1-4; 2:1-6, 9-20; 3:33–4:17 (4:1-23, NW); 6:1-15.
Tiftakar Int?
• Liema oppożizzjoni ffaċċjaw il-qaddejja t’Alla fil-passat u qed jiffaċċjaw il-Kristjani llum?
• X’kien l-għan prinċipali taʼ l-għedewwa taʼ Neħemija, u x’inhu l-għan taʼ l-għedewwa t’Alla llum?
• Aħna llum kif dejjem nirbħu l-ħażen bit-tajjeb?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 29]
Lezzjonijiet li Nsibu fil-Ktieb taʼ Neħemija
Il-qaddejja t’Alla jiffaċċjaw
• twaqqigħ għaċ-ċajt
• theddid
• qerq
Il-qerq isir minn
• ħbieb foloz
• nies li jaqilgħu akkużi foloz fuqna
• aħwa foloz
Il-qaddejja t’Alla jirbħu l-ħażen billi
• iżommu maʼ l-inkarigu li tahom Alla
[Stampa f’paġna 27]
Neħemija u l-ħaddiema sħabu reġgħu bnew il-ħajt taʼ Ġerusalemm minkejja l-oppożizzjoni ħarxa
[Stampa f’paġna 31]
Il-Kristjani veri jippridkaw bla biżaʼ l-aħbar tajba