LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 5/1 pp. 24-28
  • Żgħażagħ—Stinkaw biex Tilħqu Miri li Jonoraw lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żgħażagħ—Stinkaw biex Tilħqu Miri li Jonoraw lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isfond taʼ Timotju
  • Ibbenefika minn Influwenzi Pożittivi
  • Studja “l-​Kitba Qaddisa”
  • “Iġġieled il-​Ġlieda t-​Tajba”
  • Ibqaʼ Ffokat fuq Miri Spiritwali
  • Barkiet Issa u fil-​Futur
  • Timotju—‘Iben Tassew fil-Fidi’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Irġiel maħturin—Tgħallmu minn Timotju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Timotju ried jgħin lin-nies
    Għallem lil Uliedek
  • X’Jistaʼ Jgħinna Nimmaniġġaw il-Kelma tal-Verità Sewwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 5/1 pp. 24-28

Żgħażagħ​—Stinkaw biex Tilħqu Miri li Jonoraw lil Alla

“Ħarreġ lilek innifsek bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħek.”​—1 TIMOTJU 4:7.

1, 2.(a) Pawlu għala faħħar lil Timotju? (b) Iż-​żgħażagħ illum kif qed ‘iħarrġu lilhom infushom bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tagħhom’?

“M’GĦANDI lil ħadd bl-​istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom. . . . Bħal iben maʼ missieru tjassar miegħi biex iġib l-​aħbar tajba ’l quddiem.” (Filippin 2:​20, 22) L-​appostlu Pawlu inkluda dan it-​tifħir mill-​qalb fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ġo Filippi. Għal min kien qed jirreferi? Għal Timotju, is-​sieħeb tiegħu fl-​ivvjaġġar li kien iżgħar minnu. Immaġina kif din ir-​rassiguranza taʼ l-​affezzjoni u l-​fiduċja taʼ Pawlu żgur li qawwiet qalb Timotju!

2 Żgħażagħ spiritwali bħal Timotju minn dejjem kienu prezzjużi fost il-​poplu taʼ Ġeħova. (Salm 110:3, Saydon) Illum, l-​organizzazzjoni t’Alla hija mbierka b’ħafna żgħażagħ li jaqdu bħala pijunieri, missjunarji, volontieri tal-​kostruzzjoni u Beteliti. Taʼ min ifaħħarhom ukoll huma dawk li jieħdu sehem żeluż fl-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni waqt li jieħdu ħsieb responsabbiltajiet oħrajn. Żgħażagħ bħal dawn igawdu s-​sodisfazzjon veru li jiġi meta wieħed jistinka biex jilħaq miri li jonoraw lil Missierna tas-​sema, Ġeħova. Huma tassew qed ‘iħarrġu lilhom infushom bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tagħhom.’​—1 Timotju 4:​7, 8.

3. Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati f’dan lartiklu?

3 Jekk int żagħżugħ, qiegħed int tistinka biex tilħaq miri spiritwali speċifiċi? Fejn tistaʼ ssib l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment biex tagħmel dan? Kif tistaʼ tirreżisti l-​pressjonijiet taʼ din id-​dinja materjalistika? Liema barkiet tistaʼ tistenna li taħsad jekk tistinka biex tilħaq miri li jonoraw lil Alla? Ejja nsibu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet billi nikkunsidraw il-​ħajja u l-​karriera taʼ Timotju.

L-​Isfond taʼ Timotju

4. Spjega fil-​qosor il-​ħajja taʼ Timotju bħala Kristjan.

4 Timotju trabba f’Listra, raħal żgħir fil-​provinċja Rumana tal-​Galazja. X’aktarx li hu tgħallem dwar il-​Kristjanità meta kien adoloxxenti, meta Pawlu ppriedka f’Listra madwar is-​sena 47 E.K. Timotju malajr kiseb reputazzjoni eċċellenti fost l-​aħwa Kristjani lokali. Meta sentejn wara mar lura Listra u sar jaf bil-​progress tiegħu, Pawlu għażel lil Timotju biex jaqdi miegħu bħala missjunarju. (Atti 14:​5-​20; 16:​1-3) Hekk kif Timotju beda jimmatura, hu ġie fdat b’responsabbiltajiet saħansitra akbar, inkluż missjonijiet importanti biex isaħħaħ lill-​aħwa. Meta Pawlu kiteb lil Timotju mill-​ħabs f’Ruma madwar is-​sena 65 E.K., Timotju kien qed jaqdi bħala anzjan Kristjan f’Efesu.

5. Skond it-​2 Timotju 3:​14, 15, liema żewġ fatturi kkontribwew għad-​deċiżjoni taʼ Timotju biex jistinka ħalli jilħaq miri spiritwali?

5 Jidher ċar li Timotju għażel li jistinka biex jilħaq miri spiritwali. Imma x’qanqlu jagħmel dan? Fit-​tieni ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu semma żewġ fatturi li għenuh. Hu kiteb: “Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu, billi taf mingħand min tgħallimtu. Għax minn mindu kont tarbija ilek taf il-​kitba qaddisa.” (2 Timotju 3:​14, 15) L-​ewwel ejja neżaminaw kif Kristjani oħrajn influwenzaw lil Timotju fl-​għażliet li għamel.

Ibbenefika minn Influwenzi Pożittivi

6. Timotju liema taħriġ irċieva, u kif wieġeb għalih?

6 Timotju trabba f’dar maqsuma reliġjożament. Missieru kien Grieg, u ommu, Ewniċe, u nanntu Lojs kienu t’oriġini Lhudija. (Atti 16:1) Ewniċe u Lojs għallmu lil Timotju l-​veritajiet mill-​Iskrittura Ebrajka mindu kien ċkejken. Wara li kkonvertew għall-​Kristjanità, huma żgur li għenuh jikkonvinċi ruħu mit-​tagħlim Kristjan. Jidher ċar li Timotju bbenefika bis-​sħiħ minn dan it-​taħriġ eċċellenti. Pawlu kiteb: “Inġib quddiem għajnejja l-​fidi li għandek mingħajr ebda ipokrisija, u li l-​ewwel kienet f’nanntek Lojs u f’ommok Ewniċe, u li jien fiduċjuż li qiegħda fik ukoll.”​—2 Timotju 1:5.

7. Liema barkiet igawdu ħafna żgħażagħ, u dan kif jistaʼ jkun taʼ ġid għalihom?

7 Illum ħafna żgħażagħ huma mberkin b’ġenituri u nanniet li jibżgħu minn Alla li, bħal Lojs u Ewniċe, jirrikonoxxu l-​importanza tal-​miri spiritwali. Per eżempju, Samira għadha tiftakar il-​konversazzjonijiet twal li kellha mal-​ġenituri tagħha meta kienet adoloxxenti. “Ommi u missieri dejjem għallmuni nara l-​affarijiet mill-​ħarsa taʼ Ġeħova u għallmuni nagħti prijorità lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar,” tgħid hi. “Huma dejjem inkuraġġewni nidħol fis-​servizz full-time.” Samira rreaġixxiet tajjeb għall-​inkuraġġiment tal-​ġenituri tagħha u issa qed tgawdi l-​privileġġ li taqdi bħala membru tal-​familja Betel f’pajjiżha. Jekk il-​ġenituri tiegħek jinkuraġġuk tiffoka fuq miri spiritwali, ikkunsidra bir-​reqqa l-​parir tagħhom. Huma jinteressahom sinċerament f’dak li hu l-​aħjar għalik.​—Proverbji 1:5.

8. Timotju kif ibbenefika mis-​sħubija Kristjana li tibni?

8 Ukoll, huwa importanti li int tfittex sħubija li tibnik fil-​fratellanza Kristjana. Timotju sar magħruf sew maʼ l-​anzjani Kristjani fil-​kongregazzjoni tiegħu stess u maʼ dawk f’Ikonju, xi 30 kilometru ’l bogħod. (Atti 16:​1, 2) Hu żviluppa ħbiberija mill-​qrib maʼ Pawlu, bniedem enerġetiku li jieħu l-​inizjattiva. (Filippin 3:​14) L-​ittri taʼ Pawlu jindikaw li Timotju kien jilqaʼ l-​pariri u li kien lest jimita mill-​ewwel il-​fidi taʼ wħud eżemplari. (1 Korintin 4:​17; 1 Timotju 4:​6, 12-​16) Pawlu kiteb: “Int segwejt mill-​qrib it-​tagħlim tiegħi, il-​kondotta tiegħi, l-​iskop tiegħi, il-​fidi tiegħi, il-​paċenzja kollha tiegħi, l-​imħabba tiegħi, is-​sabar tiegħi.” (2 Timotju 3:​10) Iva, Timotju segwa mill-​qrib l-​eżempju taʼ Pawlu. B’mod simili, jekk issir ħabib sew maʼ dawk li huma b’saħħithom spiritwalment fil-​kongregazzjoni, int se tiġi megħjun tiżviluppa miri spiritwali tajbin.​—2 Timotju 2:20–​22.

Studja “l-​Kitba Qaddisa”

9. Minbarra li tagħżel ħbieb tajbin, x’għandek bżonn tagħmel sabiex ‘tħarreġ lilek innifsek bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħek’?

9 Il-​fatt li tilħaq il-​miri spiritwali jiddependi sempliċement milli tagħżel ħbieb tajbin? Le. Bħal Timotju, int għandek bżonn teżamina bir-​reqqa “l-​kitba qaddisa.” Għandu mnejn li l-​istudju m’huwiex l-​iktar ħaġa li tħobb tagħmel, imma ftakar li Timotju kellu ‘jħarreġ lilu nnifsu bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħu.’ L-​atleti spiss jagħmlu taħriġ iebes għal ħafna xhur sabiex jilħqu l-​mira tagħhom. B’mod simili, biex tilħaq il-​miri spiritwali trid tagħmel sagrifiċċji u sforz ħabrieki. (1 Timotju 4:​7, 8, 10) Imma għandek mnejn tistaqsi, ‘Kif jistaʼ l-​istudju tal-​Bibbja jgħinni nilħaq il-​miri tiegħi?’ Ejja nikkunsidraw tliet modi.

10, 11. Għala l-​Iskrittura se tqanqlek tilħaq il-​miri spiritwali tiegħek? Agħti eżempju.

10 L-​ewwelnett, l-​Iskrittura se tipprovdilek il-​motivazzjoni xierqa. Din turik il-​personalità meraviljuża taʼ Missierna tas-​sema, l-​għemil suprem taʼ l-​imħabba tiegħu għan-​nom tagħna, u l-​barkiet eterni li hemm merfugħin għall-​qaddejja leali tiegħu. (Għamos 3:7; Ġwanni 3:​16; Rumani 15:4) Hekk kif jikber l-​għarfien tiegħek dwar Ġeħova, se tikber ukoll l-​imħabba tiegħek għalih u x-​xewqa tiegħek li tiddedika ħajtek lilu.

11 Ħafna żgħażagħ Kristjani jgħidu li l-​istudju persunali tal-​Bibbja fuq bażi regulari kien fundamentali biex jgħinhom jieħdu l-​verità bis-​serjetà. Adele, per eżempju, trabbiet f’familja Kristjana imma qatt m’għamlet miri spiritwali. “Il-​ġenituri tiegħi kienu jiħduni s-​Sala tas-​Saltna,” tgħid hi, “imma lanqas kont nistudja jew nagħti widen waqt il-​laqgħat.” Wara li tgħammdet oħtha, Adele bdiet tieħu l-​verità iktar bis-​serjetà. “Bdejt naqra l-​Bibbja kollha kemm hi. Kont naqra ftit u mbagħad nikteb kumment dwar dak li nkun għadni kif qrajt. In-​noti għadhom kollha għandi. Qrajt il-​Bibbja fi żmien sena.” Minħabba f’hekk, Adele tqanqlet biex tiddedika ħajjitha lil Ġeħova. Minkejja diżabilità fiżika serja, hi issa qed taqdi bħala pijuniera, jew evanġelizzatriċi full-time.

12, 13. (a) L-istudju tal-​Bibbja liema bidliet se jgħin lil individwu żagħżugħ biex jagħmel, u kif? (b) Agħti eżempji t’għerf prattiku li jinsabu fil-​Kelma t’Alla.

12 It-​tieninett, il-​Bibbja se tgħinek biex tagħmel il-​bidliet li għandek bżonn fil-​personalità tiegħek. Pawlu qal lil Timotju li “l-​kitba qaddisa” “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-​sewwa, sabiex il-​bniedem t’Alla jkun kapaċi għalkollox, armat bis-​sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:​16, 17) Jekk timmedita regolarment dwar kwistjonijiet konnessi mal-​Kelma t’Alla u jekk tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja, int se tħalli l-​ispirtu t’Alla jirfinalek il-​personalità tiegħek. Se tiżviluppa fik kwalitajiet essenzjali, bħall-​umiltà, il-​perseveranza, il-​bżulija, u l-​imħabba ġenwina għal sħabek il-​Kristjani. (1 Timotju 4:​15) Timotju kellu dawn il-​kwalitajiet, u dawn għamluh utli kemm għal Pawlu u kemm għall-​kongregazzjonijiet li kien jaqdi fihom Timotju.​—Filippin 2:​20-​22.

13 It-​tielet, il-​Kelma t’Alla hija maħżen t’għerf prattiku. (Salm 1:​1-3; 19:8 [19:​7, NW]; 2 Timotju 2:7; 3:​15) Se tgħinek tagħżel il-​ħbieb tiegħek b’mod għaqli, tagħżel divertiment li jibnik, u tkampa maʼ kull tip taʼ deċiżjoni diffiċli. (Ġenesi 34:​1, 2; Salm 119:37; 1 Korintin 7:​36) Huwa vitali li tieħu deċiżjonijiet għaqlin issa sabiex tilħaq miri spiritwali.

“Iġġieled il-​Ġlieda t-​Tajba”

14. Għala m’huwiex daqshekk faċli li tfittex miri spiritwali?

14 L-​iktar għażla għaqlija li tistaʼ tagħmel hi li tagħti prijorità lill-​miri li jonoraw lil Ġeħova, imma din bl-​ebda mod ma hi l-​iktar waħda faċli. Per eżempju, meta tiġi biex tagħżel karriera, għandek mnejn tiffaċċja pressjoni kbira mill-​qraba, minn sħabek li huma taʼ mparek, u minn għalliema li jixtiqulek il-​ġid u li jemmnu li edukazzjoni għolja u karriera li trendi jwasslu għas-​suċċess u l-​hena veri. (Rumani 12:2) Bħal Timotju, se jkollok bżonn ‘tiġġieled il-​ġlieda t-​tajba tal-​fidi’ sabiex ‘taqbad qabda soda mal-​ħajja taʼ dejjem’ li qed joffrilek Ġeħova.​—1 Timotju 6:​12; 2 Timotju 3:​12.

15. Liema oppożizzjoni x’aktarx li ffaċċja Timotju?

15 Meta membri tal-​familja li m’humiex taʼ l-​istess twemmin ma jaqblux maʼ l-​għażliet tiegħek, dan jistaʼ jkun prova tassew kbira. X’aktarx li Timotju kellu jegħleb oppożizzjoni bħal din. Skond xogħol wieħed taʼ referenza, probabbilment il-​familja taʼ Timotju kienet “tagħmel parti minn klassi taʼ nies taʼ skola u tal-​flus.” X’aktarx li missieru stenna minnu li jfittex edukazzjoni għolja u jkompli n-​negozju tal-​familja.a Immaġina kif setaʼ rreaġixxa missier Timotju meta sar jaf li Timotju pprefera l-​perikli u l-​inċertezzi finanzjarji tax-​xogħol missjunarju maʼ Pawlu!

16. Żagħżugħ wieħed kif kampa maʼ l-​oppożizzjoni tal-​ġenituri?

16 Il-​Kristjani żgħażagħ illum jiffaċċjaw sfidi simili. Matthew, li jaqdi f’uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, jiftakar: “Meta bdejt naqdi bħala pijunier, missieri kien verament diżappuntat. Hu ħass li jien kont ‘ħlejt’ l-​edukazzjoni tiegħi meta bdejt naħdem f’xogħol tat-​tindif biex immantni lili nnifsi fil-​ministeru tiegħi. Hu kien iwaqqagħni għaċ-​ċajt, waqt li jfakkarni kemm stajt naqlaʼ flus kieku kelli xogħol full-time.” Matthew kif kampa maʼ din l-​oppożizzjoni? “Jien żammejt maʼ skeda tal-​qari tal-​Bibbja b’mod strett u tlabt il-​ħin kollu, speċjalment f’mumenti li kien ikun faċli għalija li nitlef it-​tempra.” Id-​determinazzjoni taʼ Matthew ġiet premjata. Maż-​żmien, ir-​relazzjoni tiegħu maʼ missieru tjiebet. Matthew sar ukoll iktar qrib taʼ Ġeħova. “Jien rajt lil Ġeħova jipprovdi għalija, jinkuraġġini, u jipproteġini minn deċiżjonijiet ħżiena,” jgħid Matthew. “Ma kont nesperjenza l-​ebda waħda minn dawn l-​affarijiet kieku ma stinkajtx biex nilħaq miri spiritwali.”

Ibqaʼ Ffokat fuq Miri Spiritwali

17. Xi wħud kif jistgħu jagħmlu l-​iżball li jiskuraġġixxu lil dawk li qed jippjanaw biex jidħlu fis-​servizz full-time? (Mattew 16:22)

17 Xi ftit skuraġġiment minħabba li tfittex miri spiritwali jistaʼ saħansitra jiġi minn sħabek fit-​twemmin. Xi wħud jistgħu jistaqsuk, ‘Għala trid tkun pijunier? Jistaʼ jkollok ħajja normali u xorta waħda tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Sib xogħol tajjeb u serraħ moħħok finanzjarjament.’ Dawn jistgħu jidhru bħala li huma pariri tajbin, imma tkun int qed tħarreġ lilek innifsek bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħek li kieku kellek issegwihom?

18, 19. (a) Kif tistaʼ tibqaʼ ffokat fuq il-​miri spiritwali? (b) Spjega liema sagrifiċċji li int, bħala żagħżugħ, qed tagħmel għas-​Saltna.

18 Milli jidher, xi Kristjani fi żmien Timotju kellhom ħsibijiet simili. (1 Timotju 6:​17) Biex jgħin lil Timotju jżomm għajnejh iffokati fuq miri spiritwali, Pawlu inkuraġġieh billi qallu: “Ebda raġel li jaqdi bħala suldat ma jinvolvi ruħu fin-​negozju tal-​ħajja ċivili, sabiex jikseb l-​approvazzjoni taʼ min ingaġġah bħala suldat.” (2 Timotju 2:4) Suldat li jkun qed jaqdi dmiru ma jistax jaljena rasu bl-​attivitajiet tal-​ħajja normali. Ħajtu u l-​ħajja t’oħrajn tiddependi mill-​fatt li hu jkun dejjem lest biex jaġixxi fuq l-​ordnijiet taʼ l-​uffiċjal kmandant. Bħala suldat taħt Kristu, int ukoll għandek bżonn tkun moħħok hemm u tevita li tinqabad fin-​nassa taʼ ġiri mhux neċessarju wara l-​affarijiet materjali li jistgħu jżommuk lura milli twettaq bis-​sħiħ il-​ministeru tiegħek li jsalva l-​ħajjiet.​—Mattew 6:​24; 1 Timotju 4:​16; 2 Timotju 4:2, 5.

19 Minflok ma tagħmilha l-​mira tiegħek li tgħix ħajja faċli, ikkultiva spirtu taʼ sagrifiċċju persunali. “Kun lest li tgħix mingħajr il-​kumditajiet tal-​ħajja, bħala membru taʼ l-​armata taʼ Kristu Ġesù.” (2 Timotju 2:​3, The English Bible in Basic English) Fil-​kumpanija taʼ Pawlu, Timotju tgħallem is-​sigriet taʼ li jkun kuntent anki fl-​iktar ċirkustanzi diffiċli. (Filippin 4:​11, 12; 1 Timotju 6:​6-8) Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Int lest li tagħmel sagrifiċċji għas-​Saltna?

Barkiet Issa u fil-​Futur

20, 21. (a) Spjega x’inhuma xi ftit mill-​barkiet li jiġu meta dak li jkun jistinka biex jikseb miri spiritwali. (b) X’int determinat li tagħmel?

20 Għal xi 15-il sena, Timotju baqaʼ qrib Pawlu. Timotju ra b’għajnejh stess kongregazzjonijiet ġodda jiġu fformati hekk kif l-​aħbar tajba nxterdet kważi fl-​inħawi kollha tat-​tramuntana tal-​Mediterran. Ħajtu kienet iktar mimlija sodisfazzjon u ferħ milli kienet tkun kieku għażel li jgħix ħajja “normali.” Jekk int tistinka biex tikseb miri spiritwali, int ukoll se taħsad barkiet spiritwali imprezzabbli. Se tersaq eqreb lejn Ġeħova u se tikseb l-​imħabba u r-​rispett tal-​Kristjani sħabek. Minflok l-​uġigħ u l-​frustrazzjoni li jiġu minn tfittxija t’għana materjali, int se tgawdi hena ġenwin li jiġi meta tagħti mingħajr egoiżmu. L-​iktar ħaġa prezzjuża minn kollox hi li int se ‘taqbad qabda soda mal-​ħajja vera”​—ħajja eterna f’ġenna taʼ l-​art.​—1 Timotju 6:​9, 10, 17-​19; Atti 20:35.

21 Allura, jekk għadek m’għamiltx dan, aħna ninkuraġġuk minn qalbna biex tibda tħarreġ lilek innifsek minnufih bid-​devozzjoni lejn Alla bħala l-​mira tiegħek. Sir ħabib intimu taʼ dawk fil-​kongregazzjoni li jistgħu jgħinuk tirsisti għal miri spiritwali, u fittex il-​gwida tagħhom. Agħmel l-​istudju persunali fuq bażi regulari tal-​Kelma t’Alla l-​prijorità tiegħek. Kun determinat li tirreżisti l-​ispirtu materjalistiku taʼ din id-​dinja. U dejjem ftakar li Alla “li jagħtina kollox b’mod għani għat-​tgawdija tagħna” jwiegħdek li jistaʼ jkollok barkiet għonja kemm issa u kemm fil-​futur jekk int tagħżel miri li jġibulu unur.​—1 Timotju 6:17.

[Nota taʼ taħt]

a Is-soċjetà Griega kienet tpoġġi valur kbir fuq ledukazzjoni. Plutarku, kontemporanju taʼ Timotju, kiteb: “Is-​sors u l-​għerq taʼ kull tjieba hu li tirċievi edukazzjoni xierqa. . . . Jien ngħid li hija din li tikkontribwixxi għall-​eċċellenza morali u l-​ferħ u twasslek għalihom. . . . Il-​vantaġġi l-​oħrajn huma kollha fraġli, jew mhux importanti, u ma jistħoqqilhomx li niħduhom bis-​serjetà.”​—Moralia, I, “The Education of Children.”

X’Tiftakar?

• Iż-​żgħażagħ fejn jistgħu jsibu l-​għajnuna biex jirsistu għal miri spiritwali?

• Għala huwa tassew importanti li tistudja l-​Bibbja bir-​reqqa?

• Iż-​żgħażagħ kif jistgħu jirreżistu l-​influwenza materjalistika taʼ din id-​dinja?

• Liema barkiet jiġu meta wieħed jistinka biex jikseb miri spiritwali?

[Stampa f’paġna 24]

Timotju fittex miri mill-​aqwa

[Stampi f’paġna 25]

Liema influwenzi pożittivi għenu lil Timotju?

[Stampi f’paġna 26]

Qiegħed int tirsisti għal miri spiritwali?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja