Ewniki u Lojd—Edukaturi Eżemplari
Bħala qaddejja taʼ Jehovah, aħna nafu li hija responsabbiltà serja li nipprovdu edukazzjoni reliġjuża effettiva lil uliedna. Anki meta kollox ikun miexi ħarir, din il-biċċa xogħol tistaʼ tkun mimlija b’kull xorta t’ostakli u diffikultajiet. Dan huwa iktar minnu meta ġenitur Kristjan ikun qiegħed jiffaċċja din l-isfida f’dar maqsuma reliġjożament. Sitwazzjoni bħal din m’hijiex xi ħaġa ġdida. L-Iskrittura tgħidilna dwar omm li sabet ruħha f’pożizzjoni simili fl-ewwel seklu E.K.
Waħda mara jisimha Ewniki u l-familja tagħha kienu jgħixu f’Listra, belt fir-reġjun taʼ Likaonja fiċ-ċentru tan-Nofsinhar taʼ l-Asja Minuri. Listra kienet belt żgħira tal-provinċja u ma kinitx taʼ xi importanza speċjali. Din kienet kolonja Rumana bl-isem taʼ Julia Felix Gemina Lustra, imwaqqfa minn Ċesari Awgustu biex iġib fix-xejn l-attivitajiet tal-briganti fl-inħawi taʼ madwar. Ewniki kienet Kristjana Lhudija u kienet tgħix ġewwa dar maqsuma reliġjożament mar-raġel tagħha li kien Grieg, flimkien maʼ binha Timotju, u ommha Lojd.—Atti 16:1-3.
X’aktarx li ma tantx kien hemm Lhud f’Listra, ladarba l-Bibbja ma ssemmi mkien li kien hemm xi sinagoga hemmhekk, għalkemm kien hemm xi Lhud f’Ikonju, mat-30 kilometru ’l bogħod. (Atti 14:19) Mela ma tantx jidher li kien faċli għal Ewniki biex tipprattika t-twemmin tagħha. Minħabba l-fatt li Timotju ma kienx ġie ċirkonċiż wara t-twelid, xi studjużi jaħsbu li r-raġel t’Ewniki kien oppona din l-idea.
Madankollu, Ewniki ma kinitx waħedha f’dan it-twemmin. Mid-dehra Timotju rċieva t-tagħlim tiegħu mill-“Kotba Mqaddsa” kemm mingħand ommu u kemm mingħand nanntu Lojd, omm ommu.a L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju: “Int ibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ [“ġejt ipperswadut biex temmen,” NW], għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.”—2 Timotju 3:14, 15.
Edukazzjoni ‘miż-Żgħorija’
Meta Pawlu qal li l-edukazzjoni mill-“Kotba Mqaddsa” kienet ngħatat lil Timotju ‘minn żgħoritu,’ dan evidentement kien ifisser minn mindu kien tarbija. Dan hu fi qbil mal-kelma Griega (breʹfos) li hu juża u li ġeneralment tirreferi għal tarbija tat-twelid. (Qabbel Luqa 2:12, 16.) Ewniki, b’hekk, ħaditu bis-serjetà l-obbligu mogħti lilha minn Alla, billi ma ħlietx ħin f’li tibda tħarreġ lil Timotju minn kmieni sabiex ikun jistaʼ jiżviluppa f’qaddej devot t’Alla.—Dewteronomju 6:6-9; Proverbji 1:8.
Timotju kien “emmen bis-sħiħ” [‘kien ġie pperswadut biex jemmen,’ NW] il-veritajiet Skritturali. Skond dizzjunarju Grieg, il-kelma li Pawlu uża hawnhekk tfisser “li tiġi pperswadut bis-sħiħ dwar; li tkun ċert dwar” xi ħaġa. M’hemm l-ebda dubju li kienu meħtiġin ħin u sforz konsiderevoli biex tinbet ġewwa qalb Timotju konvinzjoni soda bħal din li kellha tgħinu jirraġuna mill-Kelma t’Alla u jeżerċita fidi fiha. Mid-dehra, allura, kemm Ewniki u kemm Lojd ħadmu iebes biex jgħallmu lil Timotju mill-Iskrittura. U xi premju ħasdu dawn in-nisa devoti! Pawlu setaʼ jikteb dwar Timotju: “Niftakar fil-fidi vera tiegħek, fidi li l-ewwel kienet taʼ nanntek Lojd u mbagħad taʼ ommok Ewniki, u li ma għandi ebda dubju li hi fik ukoll.”—2 Timotju 1:5.
Xi rwol vitali kellhom Ewniki u Lojd fil-ħajja taʼ Timotju! Fuq din il-ħaġa, il-kittieb David Read jgħid: “Kieku l-appostlu kien jemmen li xejn ma kien jimporta ħlief l-esperjenza persunali tal-konverżjoni taʼ Timotju nnifsu, allura kien ifakkru dwarha minnufih. Imma l-ewwel ħaġa li għandu xi jgħid dwar il-fidi taʼ Timotju hija li din kienet diġà ‘ħajja ġewwa Lojd . . . u Ewniki.’” L-istqarrija taʼ Pawlu rigward il-fidi taʼ Lojd, Ewniki, u Timotju turi li taʼ spiss l-edukazzjoni Skritturali bikrija mogħtija fid-dar mill-ġenituri u n-nanniet hija fundamentali f’li tiddetermina l-prospetti spiritwali futuri taʼ xi ħadd żagħżugħ. M’għandux dan iġiegħel lill-membri tal-familja jaħsbu serjament dwar x’qegħdin jagħmlu biex iwettqu din ir-responsabbiltà kemm lejn Alla u kemm lejn uliedhom?
Forsi Pawlu kien qiegħed jaħseb ukoll dwar it-tip t’ambjent li kienu ħolqu Lojd u Ewniki ġewwa d-dar. Jistaʼ jkun li l-appostlu żar id-dar tagħhom matul l-ewwel waqfa tiegħu f’Listra, madwar is-sena 47/48 E.K. Iż-żewġ nisa x’aktarx li kkonvertew għall-Kristjanità f’dik il-ħabta. (Atti 14:8-20) Forsi r-relazzjonijiet kordjali u sbieħ gawduti f’dik id-dar influwenzaw lil Pawlu fl-għażla tal-kliem meta rrefera għal Lojd bħala ‘n-nanna’ taʼ Timotju. Skond l-istudjuż Ceslas Spicq, il-kelma Griega li uża (mamʹme, b’kuntrast mal-kelma klassika u li turi rispett, teʹthe) hija “kelma t’affezzjoni taʼ wieħed tifel” għal nanntu, u f’dan il-kuntest iġġorr il-ħsieb taʼ “kwalità sottili taʼ familjarità u affezzjoni.”
It-Tluq taʼ Timotju
M’huwiex ċar x’kien l-istatus taż-żwieġ t’Ewniki meta Pawlu żar Listra għat-tieni darba (madwar is-sena 50 E.K.). Ħafna studjużi jassumu li hi kienet armla. Kien x’kien il-każ, taħt il-gwida t’ommu u taʼ nanntu, Timotju kien kiber u sar żagħżugħ mill-aħjar, u x’aktarx li kellu 20 sena sa dakinhar. Hu kellu “fama tajba maʼ l-aħwa taʼ Listra u Ikonju.” (Atti 16:2) Evidentement, f’qalb Timotju kienet ġiet imrawma x-xewqa li jxerred l-aħbar tajba tas-Saltna, għax hu aċċetta l-istedina taʼ Pawlu biex jivvjaġġa miegħu u maʼ Silas fuq il-mawra missjunarja tagħhom.
Immaġina kif ħassewhom Ewniki u Lojd meta Timotju kien wasal biex jitlaq! Huma kienu jafu li meta Pawlu kien żar il-belt tagħhom għall-ewwel darba, l-appostlu kien ġie mħaġġar u tħalla nofsu mejjet. (Atti 14:19) Mela ma tantx jidher li kien faċli għalihom li jħallu liż-żagħżugħ Timotju jmur. X’aktarx li huma tħassbu dwar kemm kien se jdum ’il bogħod minnhom u jekk kienx se jasal lura qawwi u sħiħ. Minkejja dawn l-ansjetajiet li setgħu ġarrbu, m’hemm l-ebda dubju li ommu u nanntu inkuraġġewh biex jaċċetta dan il-privileġġ speċjali li bih ikun jistaʼ jaqdi lil Jehovah iktar bis-sħiħ.
Tagħlim Prezzjuż
Nistgħu nitgħallmu ħafna jekk nikkunsidraw mill-qrib lil Ewniki u lil Lojd. Il-fidi mmotivathom biex lil Timotju jagħtuh trobbija tajba spiritwalment. L-eżempju matur u stabbli taʼ devozzjoni lejn Alla li n-nanniet jagħtu lin-neputijiet tagħhom u lil oħrajn tistaʼ ċertament tibbenefika minnu l-kongregazzjoni Kristjana kollha. (Titu 2:3-5) Bl-istess mod, lil dawk l-ommijiet bi rġiel li m’għandhomx l-istess twemmin, l-eżempju t’Ewniki jfakkarhom dwar ir-responsabbiltà u l-premjijiet li jġib miegħu l-għoti taʼ tagħlim spiritwali lit-tfal tagħhom. Xi drabi l-mara jkollha turi kuraġġ kbir f’li tagħmel dan, speċjalment jekk il-missier ma tantx ikun jaqbel mat-twemmin reliġjuż tas-sieħba tiegħu. Tinħtieġ ukoll it-tattika, peress li l-mara Kristjana trid tirrispetta l-istat taʼ kap taʼ żewġha.
Il-fidi, l-isforz, u ċ-ċaħda tagħhom infushom li wrew Lojd u Ewniki ġabulhom riżultati premjanti meta raw lil Timotju jimxi ’l quddiem spiritwalment sal-punt li jsir missjunarju u indokratur eċċellenti. (Filippin 2:19-22) Bl-istess mod illum, biex ngħallmu l-veritajiet Skritturali lil uliedna jeħtieġ il-ħin, il-paċenzja, u d-determinazzjoni, imma riżultat tajjeb jagħmel l-isforz kollu vallapena. Ħafna żgħażagħ Kristjani eżemplari li ġew mgħallmin ‘il-kotba mqaddsa miż-żgħorija’ f’dar maqsuma reliġjożament iġibu ferħ kbir lill-ġenitur tagħhom li għandu l-biżaʼ t’Alla. U kemm huwa minnu l-proverbju li jgħid: ‘Dik li twelled iben għaref se tkun ferħana’!—Proverbji 23:23-25.
Dwar uliedu spiritwali, l-appostlu Ġwanni qal: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-verità.” (3 Ġwann 4) Ċertament, is-sentiment espress f’dak il-kliem jaqblu miegħu dawk l-uħud li wrew li huma bħal Ewniki u Lojd, żewġ edukaturi eżemplari.
[Noti taʼ taħt]
a Li n-nanna taʼ Timotju, Lojd, ma kinitx omm missieru huwa indikat mill-espressjoni fil-lingwa Sirjaka “omm ommok” fit-2 Timotju 1:5.