Foqra Iżda Għonja—Kif Jistaʼ Jkun?
Sekli ilu raġel għaqli talab biex ma jsirx fqir. Għala saret rikjesta bħal din? Għaliex beżaʼ li l-faqar kien se jqanqal attitudnijiet u azzjonijiet li kellhom jheddu r-relazzjoni tiegħu m’Alla. Dan huwa evidenti mill-kliem tiegħu: “Agħtini l-ikel li neħtieġ. . . . Jekk niftaqar, nasal biex nisraq u nkasbar isem Alla.”—PROVERBJI 30:8, 9.
IFISSER dan li huwa impossibbli għal persuna fqira li taqdi lil Alla lealment? Dażgur li le! Matul l-istorja għadd kbir taʼ qaddejja t’Alla Jehovah żammew l-integrità lejh minkejja t-tbatija li jġib il-faqar. Min-naħa tiegħu, Jehovah jħobb lil dawk li jafdaw fih u jipprovdilhom.
Uħud Leali Tal-Qedem
L-appostlu Pawlu nnifsu esperjenza żminijiet taʼ meta kien fil-bżonn. (2 Korintin 6:3, 4) Iddeskriva wkoll ‘sħaba kbira’ taʼ xhieda leali taʼ qabel il-Kristjanità, li xi wħud minnhom “ħarġu jiġġerrew imlibbsin bi ġlud tan-nagħaġ u tal-mogħoż, neqsin minn kollox . . . Huma qagħdu jiġġerrew fid-deżert u fuq l-għoljiet, fl-għerien u fl-irkejjen taʼ l-art.”—Lhud 11:37, 38; 12:1.
Wieħed minn dawn l-uħud leali kien il-profeta Elija. Matul nixfa li damet tliet snin u nofs, Jehovah pprovdielu l-ikel regolarment. L-ewwel, Alla ġiegħel liċ-ċawl iġib il-ħobż u l-laħam lill-profeta. (1 Slaten 17:2-6) Iktar tard, Jehovah forna mirakolożament il-proviżjon taʼ dqiq u żejt li minnu waħda armla pprovdiet għal Elija. (1 Slaten 17:8-16) L-ikel kien sempliċi ħafna, imma dan żamm lill-profeta, lill-mara, u lil binha ħajjin.
Bl-istess mod Jehovah sostna lill-profeta leali Ġeremija matul żminijiet ekonomiċi diffiċli. Ġeremija baqaʼ ħaj wara l-assedju Babilonjan taʼ Ġerusalemm, meta n-nies kellhom “b’qalbhom ittaqtaq u mriegħda jiżnu l-ħobż li jieklu.” (Eżekjel 4:16) Eventwalment, il-ġuħ fil-belt tant sar qalil li xi nisa kielu l-laħam t’uliedhom stess. (Lamentazzjonijiet 2:20) Avolja Ġeremija kien miżmum f’kustodja minħabba l-ippridkar qalbieni tiegħu, Jehovah ħa ħsieb li tingħatalu “ħobża” kuljum “sakemm kien għad fadal ħobż fil-belt.”—Ġeremija 37:21.
Għalhekk Ġeremija, bħal Elija, ftit kellu x’jiekol. L-Iskrittura ma tgħidilniex x’kiel jew kemm kien jiekol spiss Ġeremija wara li Ġerusalemm spiċċalha l-ħobż. Madankollu, nafu li Jehovah sostnieh u li baqaʼ ħaj wara dak iż-żmien terribbli tal-ġuħ.
Illum, il-faqar jeżisti f’kull parti tad-dinja. Skond il-Ġnus Magħquda, l-akbar konċentrazzjoni tal-faqar tinsab fl-Afrika. Ħarġa fil-gazzetti tal-ĠM fl-1996 stqarret: “Mill-inqas nofs l-Afrikani kollha huma fqar.” Minkejja ċirkostanzi ekonomiċi ħorox li dejjem qed jiżdiedu, numru li dejjem jikber t’Afrikani qegħdin japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom u qegħdin jaqdu lil Alla lealment, fiduċjużi li hu se jsostnihom. Ikkunsidra xi eżempji minn parti waħda tad-dinja mħawda tagħna.
Inżommu L-Onestà
Michael,a li jgħix fin-Niġerja, huwa bidwi b’sitt itfal xi jmantni. “Huwa iebes li tkun onest meta ma jkollokx flus biex tieħu ħsieb il-familja tiegħek,” hu jgħid. “Meta tiġini t-tentazzjoni li nkun diżonest, madankollu, infakkar lili nnifsi f’Efesin 4:28, li jgħid: ‘Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-onestà b’idejh biex ikun jistaʼ jgħin lil min ikun fil-bżonn.’ Għalhekk jekk tiġini t-tentazzjoni, nistaqsi lili nnifsi, ‘Jien ħdimt għalihom dawn il-flus?’”
“Per eżempju,” ikompli Michael, “darba waħda waqt li kont miexi, rajt basket jaqaʼ minn fuq mutur. Ma stajtx inwaqqaf lis-sewwieq, għalhekk ġbart il-basket u sibt li kien mimli bil-flus! Billi rajt taʼ min kien il-basket, sibt lil sidu u rritornajt il-basket lilu.”
Niġġieldu D-Dipressjoni
Raġel fl-Afrika taʼ Fuq osserva: “Il-faqar huwa bħal meta teħel f’toqba fonda, imma tkun qed tara d-dawl ġej minn fuq u n-nies mexjin liberalment, imma ma jkollokx il-vuċi biex tgħajjat għall-għajjut jew ma jkollokx sellum biex toħroġ minn hemm.” Mhux taʼ b’xejn li l-faqar spiss iġib sentimenti taʼ dipressjoni u frustrazzjoni! Saħansitra l-qaddejja t’Alla jistgħu jaraw l-għana taʼ l-oħrajn u jibdew jaħsbu li ħajja taʼ integrità m’hijiex vallapena. (Qabbel Salm 73:2-13.) Kif jistgħu jintgħelbu sentimenti bħal dawn?
Peter, mill-Afrika tal-Punent, irtira wara 19-il sena jaħdem mal-gvern. Issa qed jgħix primarjament fuq pensjoni żgħira. “Meta jkolli perijodi taʼ skuraġġiment,” jistqarr Peter, “infakkar lili nnifsi f’dak li qrajt fil-Bibbja u fil-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower Society. Din is-sistema qadima dalwaqt se tgħaddi, u qegħdin nistennew sistema aħjar.
“Ukoll, niftakar dwar l-1 Pietru 5:9, li jgħid: ‘Iqfulu [lil Satana], sħaħ fil-fidi. Intom tafu li ħutkom, mxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom.’ Għalhekk jien m’iniex l-uniku wieħed li qed insofri diffikultajiet. Dawn it-tfakkiriet jgħinuni biex inwarrab ħsibijiet li jiskuraġġuni u li jiddipressawni.”
“Barra minn hekk,” iżid Peter, “Ġesù wettaq ħafna mirakli meta kien fuq l-art, għalkemm m’għamel lil ħadd għani materjalment. Għalfejn għandi nistenna li jagħmilni sinjur?”
Il-Qawwa Tat-Talb
Li tersaq qrib t’Alla Jehovah fit-talb huwa mod ieħor kif tiġġieled kontra ħsibijiet negattivi. Meta Mary saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-1960, il-familja tagħha ċaħduha. Issa li għandha 50 sena u mhix miżżewġa, hi fraġli u għandha ftit ferm materjalment. Minkejja dan, hi żeluża fil-ministeru Kristjan.
Mary tgħid: “Meta nħossni skuraġġita, immur għand Jehovah bit-talb. Naf li ħadd ma jistaʼ jgħinni iżjed minnu. Tgħallimt li meta tafda f’Jehovah, hu jgħinek. Dejjem inġib quddiem għajnejja dan il-kliem tas-Sultan David, li nsibu f’Salm 37:25: ‘Kont żagħżugħ, u issa xjeħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom.’”
“Nislet ukoll inkuraġġiment mill-esperjenzi t’aħwa rġiel u nisa spiritwali u akbar minni li huma rrakkontati f’The Watchtower. Alla Jehovah għenhom, u għalhekk naf li se jkompli jgħinni wkoll. Hu jbierek ix-xogħol żgħir tiegħi li nbiegħ il-fufu, u jirnexxili nlaħħaq mal-bżonnijiet taʼ kuljum tiegħi. Xi kultant meta ma jkollix flus u nibda nitħasseb x’se nagħmel, Jehovah jibgħat lil xi ħadd li jagħtini rigal fi flus u jgħidli, ‘Oħti, jekk jogħġbok ħudu dan.’ Jehovah qatt ma ddiżappuntani.”
Il-Valur Taʼ L-Istudju Tal-Bibbja
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistmaw ħafna l-istudju tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u l-foqra fosthom m’humiex eċċezzjoni. John li għandu sittin sena jaqdi bħala pijunier (predikatur tas-Saltna full-time) u bħala qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni. Jgħix f’bini se jaqaʼ u ma jaqax taʼ żewġ sulari maqsum bejn 13-il familja. Kamartu hija parti mill-intrata taʼ l-ewwel sular, maqtugħa għaliha bl-injam. Fiha hemm żewġ siġġijiet u mejda b’munzelli t’għajnuniet għall-istudji tal-Bibbja. Jorqod fuq tapit tal-qasab.
John kien jaqlaʼ madwar dollaru kuljum ibigħ il-ħobż, imma meta l-importazzjoni tal-qamħ ġiet ipprojbita, tilef dan il-mezz t’għajxien tiegħu. Hu jgħid: “Xi kultant insib il-ħajja diffiċli ħafna, imma nkompli nkun pijunier. Hu Jehovah li jsostnini. Nagħmel kwalunkwe xogħol li nsib u ma noqgħod fuq ħadd biex isostnini jew jitmagħni, għalkemm l-aħwa fil-kongregazzjoni huma ħafna t’għajnuna. Jgħinuni nfittex ix-xogħol u xi kultant jagħtuni rigali fi flus.
“Insib il-ħin biex naqra l-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower Society. Nistudja fis-sigħat bikrin taʼ fil-għodu meta fid-dar ikun hemm il-kwiet u naqra iktar tard bil-lejl kull meta jkollna d-dawl. Naf li għandi nlaħħaq maʼ l-istudju persunali tiegħi.”
Inħarrġu Lit-Tfal Għall-Ħajja Eterna
Daniel hu għażeb li għandu sitt itfal. Fl-1985 tilef l-impjieg li kellu għal 25 sena, imma sab jaħdem bħala storekeeper. “Il-ħajja hija iebsa ekonomikament għall-familja,” jgħid hu. “Issa nistgħu nieklu biss darba kuljum. Darba, ma kilniex għal tlett ijiem. Stajna biss nixorbu l-ilma biex nibqgħu ħajjin.”
Daniel jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni. “Qatt ma nfalli l-laqgħat Kristjani, u nibqaʼ bieżel fl-inkarigi teokratiċi,” hu jgħid. “Kull meta jkun hemm xi xogħol xi jsir fis-Sala tas-Saltna, inkun ċert li nkun preżenti. U meta s-sitwazzjoni ssir diffiċli, infakkar lili nnifsi fil-kliem taʼ Pietru lil Ġesù, iddokumentat fi Ġwann 6:68: ‘Mulej, għand min immorru?’ Jekk nieqaf naqdi lil Jehovah, fejn se mmur? Il-kliem taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 8:35-39 ukoll jimlieni b’determinazzjoni għaliex juri li xejn m’hu se jifridna mill-imħabba t’Alla u taʼ Kristu. Din hija l-attitudni li nrawwem f’uliedi. Il-ħin kollu ngħidilhom li qatt ma rridu nitilqu lil Jehovah.” Iż-żelu taʼ Daniel, flimkien maʼ studju regulari tal-Bibbja fil-familja, kellu influwenza pożittiva fuq uliedu.
Spirtu Taʼ Ġenerożità
Għandu mnejn li wieħed jaħseb li dawk li jgħixu f’faqar estrem bil-kemm ikunu f’pożizzjoni li jikkontribwixxu finanzjarjament biex jippromwovu l-interessi tas-Saltna. Imma dan mhux minnu. (Qabbel Luqa 21:1-4.) Xi Xhieda fil-Gana li x-xogħol ewlieni tagħhom huwa li jkabbru l-prodotti għall-ikel tal-familja jimmarkaw parti mill-art tagħhom biex tiġi wżata biex jippromwovu l-interessi tas-Saltna t’Alla. Meta l-prodotti taʼ dak il-porzjon taʼ arthom jinbiegħu, il-flus jintużaw esklussivament għal dak l-għan, li jinkludi li jagħmlu kontribuzzjonijiet fis-Sala tas-Saltna lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Joan, li tgħix fl-Afrika Ċentrali, hija pijuniera. Sabiex tieħu ħsieb żewġha li huwa pparalizzat u erbaʼ dipendenti oħrajn, hi tbigħ il-ħobż. Meta l-kongregazzjoni li fiha tattendi kellha bżonn bankijiet għas-Sala tas-Saltna, il-familja taʼ Joan iddeċidiet li tagħti l-fondi kollha li kellhom id-dar. Dan ħalliehom lampa stampa. Madankollu, l-għada, xi ħadd mhux mistenni ħallas dejn li kien ilu pendenti għal żmien twil, billi tahom flus li kienu qatgħu qalbhom li qatt se jirċievu!
Joan hija ferriħija u ma tinkwetax bla bżonn dwar il-flus. “Nispjega s-sitwazzjoni tiegħi lil Jehovah fit-talb, u mbagħad noħroġ fuq il-ministeru taʼ l-għalqa. Aħna nafu li hemm ftit tama għal żminijiet aħjar f’din is-sistema t’affarijiet. Madankollu, nirrealizzaw li Jehovah se jipprovdi għall-bżonnijiet tagħna.”
Inkunu Biżlin
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma identifikati mill-imħabba li għandhom għal xulxin. (Ġwann 13:35) Dawk li għandhom il-flus jgħinu lill-Kristjani sħabhom li huma fil-bżonn. Taʼ spiss dan ikun bħala rigal u xi kultant bħala għajnuna fl-impjieg.
Mark, li jgħix fil-Kongo, isofri mill-ġdiem. Dan sfiguralu subgħajh taʼ jdejh u saqajh. Biex jimxi, hu għalhekk għandu bżonn il-krozzi. Meta Mark iddeċieda li jaqdi lil Jehovah, beda jagħmel tibdil kbir f’ħajtu. Minflok ma jittallab għall-ikel bħalma kien jagħmel qabel, beda jkabbar l-ikel għalih innifsu. Hu beda jagħmel ukoll il-briks tat-tafal u jbiegħhom.
Minkejja d-diżabbiltà fiżika tiegħu, Mark kompla jaħdem bi bżulija. Eventwalment xtara biċċa art u bena dar modesta fuqha. Illum, Mark jaqdi bħala anzjan fil-kongregazzjoni u huwa rrispettat ferm fil-belt fejn jgħix. Issa qed jassisti lil oħrajn fil-bżonn.
M’għandniex xi ngħidu, f’ħafna postijiet huwa tistaʼ tgħid impossibbli li ssib ix-xogħol. Anzjan Kristjan li jaqdi f’wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tal-Watch Tower Society fl-Afrika Ċentrali kiteb: “Hawn ħafna aħwa li m’għandhomx xogħol. Xi wħud jipprovaw joħolqu x-xogħol tagħhom stess, imma dan huwa diffiċli. Ħafna rraġunaw li ladarba xorta kienu se jbatu, kienu se jagħmlu sagrifiċċji materjali bħala ministri pijunieri. F’li jagħmlu hekk, ħafna sabu li huma mberkin b’mod iżjed abbundanti milli kieku kellhom impjieg b’paga miżera jew inkella b’xejn.”
Jehovah Jsostni ’L-Poplu Tiegħu
Ġesù Kristu qal dwaru nnifsu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar taʼ l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” (Luqa 9:58) B’mod simili, l-appostlu Pawlu kiteb: “Sa issa stess aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa; msawwta u bla dar.”—1 Korintin 4:11.
Kemm Ġesù u kemm Pawlu għażlu li jgħixu ħajja taʼ mezzi ekonomiċi limitati sabiex setgħu jsegwu iżjed bis-sħiħ il-ministeru tagħhom. Ħafna Kristjani fi żmienna huma fqar għax m’għandhomx għażla oħra. Minkejja dan, japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjithom u b’mod żeluż ifittxu li jaqdu lil Alla. Huma jafu li huma maħbubin ferm minn Jehovah hekk kif jesperjenzaw il-verità taʼ l-assiguranza taʼ Ġesù: “Mela, fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu [l-affarijiet materjali] jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:25-33) Iktar minn hekk, dawn il-qaddejja fqar t’Alla għandhom l-evidenza li l-“barka tal-Mulej iġġib l-għana.”—Proverbji 10:22. (w97 9/15)
[Nota taʼ taħt]
a Ismijiet sostituti ġew użati f’dan l-artiklu.
[Stampa f’paġna 7]
L-istudju tal-Bibbja huwa stmat ferm min-nies madwar id-dinja